Tuża liema kejl tuża, il-konklużjoni tibqa’ waħda: l-ekonomija Maltija sejra tajjeb għal tajjeb ħafna. Numru ta’ oqsma għaddejjin b’ritmu sabiħ u l-aktar ħaġa importanti biex tiġġenera investiment ġdid – il-fiduċja – tinsab fostna. Wieħed jista’ forsi jgħid li t-tkabbir ekonomiku aħjar ikun aktar ibbilanċjat bejn is-setturi differenti imma din hi kritika li dejjem tista’ ssir dwar kollox. M’għandhiex tfixkel lill-gvern milli jkompli kif inhu sejjer.

Daqt joħorġu l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea għall-pajjiżi membri tal-Unjoni. Ma neħodhiex bi kbira li waqt li jkollhom jirrikonoxxu t-titjib li jinsab għaddej f’Malta, l-esperti tal-Kummissjoni se jitilqulha biex isibu x-xagħra fl-għaġina. Il-gvern m’għandux iħallihom jiddisturbawh mil-linja li qed jieħu.

Drajna issa b’sistema ta’ gwida minn Brussell li tkun metikoluża u dettaljata mal-ekonomiji żgħar u medji, u fil-prattika tibqa’ laxka fejn jidħlu l-ekonomiji l-kbar.

***

Università

Min-naħa l-oħra, irridu noqogħdu attenti li ma narawx id-dinja ta’ madwarna wisq fir-roża. Il-proġett biex titwaqqaf università “Amerikana” ġdida f’Malta jħassibni. L-idea minnha nnifisha hi tajba ħafna. Jidher li hemm fondi sostanzjali warajha. Biss jekk qed nifhem sew, se tkun istituzzjoni li se titwaqqaf mill-qiegħ. Mhux se tkun fergħa ta’ università Amerikana magħrufa.

Friegħi hekk diġà jeżistu fl-Ewropa u fil-Lvant Nofshani. Jattiraw ħafna studenti internazzjonali f’qasam li qiegħed jinfirex u hu kompetittiv ħafna. Bl-ambjent tagħha ta’ sigurtà, klima pjaċevoli u bażi ta’ kultura Anglo-Sassuna, Malta tista’ tattira fergħa universitarja minn barra.

Biss qed naraha għadma wisq iebsa li nikkompetu b’università li trid tibda mill-bidu ma’ istituzzjonijiet li diġà jeżistu – u oħrajn li qed jitwaqqfu – mingħajr il-“brand” ta’ veru ta’ università Amerikana.

***

Fir-Renju Unit

It-tbassir tal-istħarriġ kollu tal-opinjoni publika fir-Renju Unit kien juri riżultat fl-elezzjoni ġenerali Brittanika fejn il-partiti l-kbar se jispiċċaw ras imb ras. Ma ġarax hekk.

Iddispjaċieni għall-Partit Laburista u għal Ed Milliband. Il-linja politika Laburista kienet valida ħafna. Il-kredibilità tagħha sfat imminata mill-iżviluppi fl-Iskozja. Il-konservattivi ta’ David Cameron irnexxielhom jikkonvinċu li jafu jmexxu aħjar l-ekonomija.

Issa ninsabu quddiem sitwazzjoni stramba: fl-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq hemm maġġoranza pjuttost kbira li hi xettika dwar l-Ewropa. Fl-Iskozja rriaffermat ruħha maġġoranza li donnha qed taqbel mal-indipendenza tal-pajjiż (kontra d-deċiżjoni tar-referendum li sar ftit ilu); imma hi maġġoranza li ma tridx titlaq mill-Unjoni Ewropea.

Fis-snin disgħin, bla mistenni, il-Konservattivi taħt John Major rebħu maġġoranza ċkejkna fil-Parlament Ingliż. Fis-snin ta’ wara, infnew b’tilwim intern li ddestabilizza t-tmexxija ta’ Major. Tgħid l-istorja għad tirrepeti ruħha?

Facebook Comments

Post a comment