Wieħed kien jistenna li l-elezzjoni bikrija fil-Greċja se tqanqal tħassib. Jekk b’xi mod jitla’ l-partit xellugi Siriża u dan jibda jwettaq il-programm tiegħu li jmur lura mill-awsterità tal-aħħar snin, il-kriżi li tiskatta ma tkunx ċkejkna. Żewġ mistoqsijiet-sfidi mela: jekk Siriża jirbaħx u jidħol għall-gvern; u jekk imbagħad iwettaqx dak li qed iwegħed. Fil-kas, ma narax triq oħra għall-Greċja ħlief li tħalli ż-żona ewro.
Diġà kien hemm partiti fl-aħħar snin li qabel elezzjoni, wegħdu li ma jaċċettawx il-piżijiet li jpoġġu fuqhom il-mexxejja taż-żona ewro; wara li rebħu l-gvern aġixxew mod ieħor. Wieħed minnhom kien il-Prim Ministru attwali Grieg Samaras; il-Prim Ministru Spanjol Rajoy kien ieħor.
Forsi minħabba f’hekk li minkejja l-eċitament attwali fiċ-ċrieki politiċi u finanzjarji, nippreferi għalissa nibqa’ kawt. Il-Grexit, kif tlaqqam it-tluq tal-Greċja mill-ewro, mhux bilfors wara l-kantuniera.

***

NORD KONTRA SUD

Il-ġrajjiet fil-Greċja donnhom xegħlu l-kuntrast bejn in-nord u n-nofsinhar tal-Ewropa. In-nord jagħti d-dehra ta’ art ħabrieka fejn ix-xogħol joħloq il-ġid u n-nies tista’ tgħix ħajja ta’ sigurtà ekonomika. Waqt li s-sud jipproġetta s-sentiment ta’ art fejn it-tgawdija u l-letarġija jirbħu għax għada minn rah.
Is-snin li matulhom il-pajjiżi tas-sud fiż-żona ewro donnhom kienu qed jitkarrbu għall-għajnuna tal-pajjiżi qawwija tan-nord biex jgħinuhom jegħlbu l-problemi finanzjarji li tgħabbew bihom servew biex jikkonfermaw dil-fehma.
Aktar u aktar issa għax il-kanċellier Merkel u l-ministri tagħha ħarġu jgħidu ċar u tond li jekk il-poplu Grieg jivvota favur Siriża, jaqblilhom ikunu jafu minn issa li ż-żona ewro faċilment tgħaddi minghajrhom. L-intervent Ġermaniż inħass bħala ċamata mill-kbir u għaqli, liż-żgħir u moħħ ir-riħ.
Fil-verità, l-qasma li nsemmu bejn nord u sud hi stereotip superfiċjali. Il-problemi ekonomiċi u soċjali li jeżistu fin-nord tal-Ewropa mhumiex żgħar.

***

PJAZZA F’B’KARA

Hemm pjazza wiesgħa quddiem il-Knaisja l-Qadima ta’ B’kara, illum tissejjaħ il-parroċċa ta’ Santa Marija, li nksiet b’madum iswed kbir. Immexxi mill-gvern ċentrali, ix-xogħol dam sejjer ġimgħat twal. M’hemmx dubju li ntefqu bosta ewro fuqu. Infetaħ b’ħafna fanfarri ftit qabel l-aħħar elezzjoni.
Sa minn ftit wara, uħud mill-madum beda jinqala’ u jinqasam. Ġew il-ħaddiema tal-kuntrattur u sewwewh. Reġa’ nqala. Wara xi żmien, reġgħu sewwewh.
U issa qed jerġa’ jinqala’ u bil-kbir. Biċċiet sħaħ qed jinqasmu. Jidher li kuħadd qata’ qalbu li s-sitwazzjoni tista’ tiġi rranġata. L-aħħar li rajt il-pjazza kienet kważi nofsha maqlugħa. Tagħmel ftit xita oħra u tinqala’ kollha.
Il-pjazza saret tifkira xejn sabiħa tal-gvern Nazzjonalista u ta’ kif fi żmienu l-flus kienu jitberbqu.

Alfred Sant
08 ta’ Jannar 2015

Facebook Comments

Post a comment