Saret ħaġa komuni tisma’ lmenti dwar kif fl-Ewropa l-investimenti naqsu bil-kbir, speċjalment mis-settur privat. Reġa’ qajjem il-punt, deputat tal-lemin fil-kumitat tal-Parlament Ewropew li jittratta l-finanzi u l-ekonomija. Dan irrepeta kumment li ilna nisimgħu: fis-sena, fl-Ewropa l-investiment li qed isir ilaħħaq 900 biljun ewro ANQAS milli għandu jkun. Dan in-nuqqas ifisser li l-ekonomija Ewropea mhux biss qed taqa’ lura mqabbla ma’ ekonomiji oħra kbar, imma mhix se jkollha bhiex tiġġenera l-ħidma meħtieġa ħalli jinħolqu u jkunu sostnuti l-impjiegi.
Tqum il-mistoqsija: x’għandu jsir biex l-investiment jitħarrek? Il-kontroversja dwar l-aħjar triq ‘il quddiem għadha sejra. Biss problema hi li tant hemm kapital politiku kbir marbut mal-għażliet li saru sa issa, li ftit hemm skop biex dawn l-għażliet jinbidlu bil-qawwi. Għax il-loġika tgħidlek li jekk fuq żmien twil, dak li wettaqt ma tax ir-riżultati mixtieqa, hemm problema fondamentali x’aktarx fl-għazliet li għamilt.
Niddubita kemm jista’ jkun hemm inizjattiva effettiva fl-Ewropa tal-lum biex tingħeleb l-isfida tal-investiment, peress li biex tirnexxi din l-inizjattiva trid tattakka s-sisien tal-kapital politiku mibni matul is-snin minn ħafna forzi qawwija fi Brussell u fil-kapitali nazzjonali tal-pajjiżi membri.

***

PRONOSTKU EKONOMIKU BATUT

Il-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa ppubblikat il-pronostku ekonomiku tagħha għall-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Tagħmel hekk kull ħarifa u kull rebbiegħa. Din id-darba l-pronostku kien mistenni b’interess għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, għax il-klima ekonomika kienet qed tinħass li sejra lura fl-aħħar xhur u għalhekk kien hemm stennija biex wieħed jara jekk dan ġiex rifless fil-konkluzjonijiet tal-Kummissjoni.
U t-tieni, il-Kummissjoni Ewropea ta’ Jean Claude Juncker kien se jkollha tifli l-baġits tal-pajjiżi membri fid-dawl ta’ x’se joħroġ mill-pronostku ekonomiku. B’mod ċar, il-prospetti li l-esperti tal-Kummissjoni stess kienu se jaraw għall-Ewropa, kien se jaffettwa l-ġudizzju li l-Kummissjoni tasal għalih dwar il-baġits.
Effettivament, it-tbassir li issa qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea juri li se jkun hemm tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku minn dak previst fir-rebbiegħa li għaddiet. Dak inhar, it-tkabbir diġà kien stmat li se jkun baxx ħafna għal din is-sena. U l-prospetti għas-sena d-dieħla mhux se jkunu wisq aħjar.
Dan ifisser li pajjiżi li qed ibatu minn problemi tad-defiċit fil-finanzi pubbliċi tagħhom se jsibuha aktar diffiċli li jimlew il-ħofor tal-baġit, għax f’ekonomija li mhix tavvanza sew, id-dħul tal-gvern mit-taxxi jistaġna.

***

IT-300 BILJUN: KIF?

Għadha ttektek il-mistoqsija: kif se jagħmel il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker biex iwaqqaf il-fond ta’ 300 biljun ewro ħalli fuq tliet snin jintefqu fi proġetti li bihom l-ekonomiji jistgħu jirrankaw? (Qabbel din iċ-ċifra mad-900 mitt biljun li qed jonqsu fis-sena mill-ammonti ta’ investiment li suppost qed isiru fl-Ewropa!)
Juncker qal li se jkun qed jiżvela d-dettalji tal-pjan tiegħu qabel il-Kunsill tal-Prim Ministri u Kapi tal-Istat Ewropej li se jiltaqa’ f’Diċembru. Sa dak il-ħin, se jżomm kollox mistur.
Imma baxx baxx, id-dubji qed iqumu dwar kemm il-fond ta’ Juncker se jkun magħmul minn flejjes ġodda, kif is-soċjalisti saħqu li għandu jkun. Id-dubji u anki r-rassenjazzjoni donnhom qed jixterdu fost ċerti soċjalisti. Idea li bdiet iddur kienet biex jintuża għall-fond il-Bank għall-Investiment Ewropew. Fil-fehma tiegħi triq bħal din tkun tfisser li l-fond ta’ Juncker ma jwassal imkien. Il-Bank ma għandu l-ebda ħila u l-ebda esperjenza biex imexxi proġetti maħsuba biex jirrankaw l-attività ekonomika; hu aktar mixħut fuq proġetti ta’ infrastruttura.
Waqt laqgħa informali fejn dan is-suġġett qam għad-diskussjoni, jien issuġġerejt mod ħafif kif il-fond ta’ Juncker jista’ jitwaqqaf malajr malajr: dan hu billi l-Kummissjoni Ewropea tingħata l-inkarigu li tiġbor il-flejjes per mezz ta’ garanziji jew self dirett, u tħaddimhom bħal ma kienet tħaddem Fond ieħor li issa ma għadux jinżamm, li kien jissejjaħ il-Fond ta’ Stabbiltà. Il-proġetti tiddeċidihom hi skont kriterji maqbula mal-istati membri u mbagħad tgħaddihom lill-istati membri biex iwettquhom huma. Din l-idea ħasdet lil uħud; oħrajn rawha perikoluża. M’hemmx x’tagħmel, ma tistax togħġob lil kulħadd.

***

KONSOLIDAMENT FISKALI

Meta ppreżentaw iċ-ċifri l-ġodda tat-tbassir ekonomiku, iż-żewġ Kummissarji Ewropej responsabbli mill-ekonomija u l-finanzi, il-Finlandiż Katainen u l-Franċiż Moscovici reġgħu insistew fuq il-ħtieġa li l-istati membri tal-Unjoni jikkonċentraw fuq li jnaqqsu d-defiċit tagħhom. Il-proċess li bih dan isir hu msejjaħ “konsolidament fiskali”. Fl-aħħar snin wassal għal issikkar taċ-ċinturin minn bosta gvernijiet. Din l-awsterità kompliet issostni r-riċessjoni f’diversi pajjiżi.
L-argumenti ilhom jitqajmu, imma issa qed jieħdu nifs aqwa, kontra li titkompla din il-politika. Meta gvern jibqa’ jisħaq fuq li jnaqqas in-nefqa, qed inixxef lill-ekonomija mill-flejjes li teħtieġ biex iddawwar ir-rota tal-bejgħ u x-xiri. U għalhekk ir-riċessjoni u l-istaġnar jissaħħu. Ma jidhirx li l-Kummissjoni l-ġdida se timpressjona ruħha daqstant b’dan l-agument. Għal Katainen u Moscovici jidher li l-aqwa mira se tibqa’ dik li jitrażżnu d-djun tal-istati membri.

***

QED JIKSAĦ

Waqt li f’Malta t-temp tas-sħana u r-riħ isfel baqa’ għaddej, talanqas sal-Ħamis, fi Brussell it-temp kesaħ. Mhux li ffriża; biss il-frisk beda jinħass. Ma nistax ngħid li ddejjaqt. Il-frisk jagħtik in-nifs, qabel isir friża. Innotajt li n-nies malajr tilqagħlu; kulħadd joħroġ imlellef f’barnuża u mgħaddas ġo kowt. Għalija għadu kmieni wisq.
Ma niftakarhomx hekk lill-Belġjani, daqstant suspettużi quddiem il-bard; imma forsi mhux Belġjani li tara fit-toroq ta’ Brussell daż-żmien daqskemm ir-residenti u viżitaturi barranin ġejjin minn kull rokna tal-Ewropa.

***

IL-BANEK EWROPEJ TAĦT FRANKFURT

Bil-mod il-mod, l-għaqda bankarja fl-Unjoni Ewropea dieħla fis-seħħ biċċa biċċa. Meta kollox jingħaqad f’binja waħda, se jkun hemm mal-pajjiżi Ewropej awtorità waħda mmexxija mill-Bank Ċentrali Ewropew li tissorvelja l-operat tal-banek b’mod regolari u tassattiv. Se jkun hemm awtorità oħra li meta xi bank isib ruħu fil-għawġ, tidħol fuqu biex tara kif twieżnu, ssalvah jew tiddeċiedi li tħallih ifalli. U suppost se jkun hemm ukoll sistema komuni ta’ ħarsien għad-depożituri u investituri. F’din tal-aħħar, il-progress għadu lura ħafna.
Din il-ġimgħa, twettaq il-pass li bih il-banek il-kbar tal-pajjizi membri taż-żona ewro ddaħħlu taħt il-gwida, jekk dik hi l-kelma t-tajba, tal-Bank Ċentrali Ewropew. Wara li ġew impoġġija taħt eżami strett biex jaraw kemm għandhom il-ħila jilqgħu għall-problemi li jistgħu jinqalgħu, il-banek issa jridu regolarment jikkonvinċu lill-Bank Ċentrali Ewropew li qed joperaw skont regoli komuni ta’ tmexxija tajba.
Mhux kulħadd jaqbel ma’ din il-bidla. Hemm min jgħid li l-banek mhux kollha għandhom l-istess mod ta’ tmexxija u mhux kollha jaffaċċjaw l-istess kundizzjonijiet ekonomiċi fl-operat tagħhom. Allura li tpoġġihom ilkoll fl-istess keffa mhux se jagħmel sens.
Min-naħa l-oħra, l-esperjenza tal-aħħar snin fiż-żona ewro uriet li meta l-banek kbar jogħtru, ikollhom jidħlu biex isalvawhom il-gvernijiet. Tant qed ikunu kbar il-banek u tant kienu kbar id-djun li tellgħu li diversi gvernijiet għoddhom għerqu fl-isforz li għamlu ħalli jzommuhom fil-wiċċ. Biex din il-ħaġa ma tirrepetix ruħha, hemm bżonn – jintqal – ta’ awtorità b’saħħa Ewropea biex tilqa’ għall-problemi u tiskansa lill-gvernijiet milli jġorru l-piżijiet ta’ banek falluti.

***

IR-RENJU UNIT GĦAL BARRA?

Issa li ġraw il-bidliet li kellhom iseħħu fil-postijiet ta’ tmexxija tal-Unjoni Ewropea, l-attenzjoni qed iddur bil-kbir lejn kwistjonijiet li għal xi zmien, inzammu fil-ġenb. Fuq quddiem nett il-ftehim dwar investimenti u kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti, u l-pozizzjoni tar-Renju Unit fl-Unjoni. Dwar tal-aħħar, malajr zdiedet ċerta tensjoni.
Il-Prim Ministru Cameron, bla dubju maqrus mill-impatt li qed ikollu fuq l-elettorat Konservattiv tiegħu, il-partit li jrid joħroġ lill-Ingilterra mill-Unjoni Ewropea, l-UKIP, għamel stqarrijiet iebsa dwar s-sħubija ta’ pajjizu fl-Unjoni. Tkellem bil-qawwa kontra l-immigrazzjoni mill-pajjizi membri l-oħra. Dan riegħex lil numru ta’ mexxejja Ewropej, fosthom il-kanċellier Ġermaniza Merkel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker. Fiz-zmien li ġej, it-temperatura x’aktarx tisħon.

9 ta’ Novembru 2014