Kif mistenni, baqgħet toħloq kontroversja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tistenna sa Marzu li ġej qabel tiddeċiedi timmultax u tagħmel sanzjonijiet oħra fuq Franza u l-Italja peress li dawn ma osservawx l-obbligi li kienu kommessi għalihom fit-tħejjija tal-baġits tagħhom.
Għoddha skattat tilwima diplomatika bejn il-Ġermanja u l-Italja, wara li l-kanċellier Merkel f’intervista fl-istampa Tedeska qalet li mhux sew li pajjiżi membri tal-Unjoni, huma min huma, ma jonorawx il-wegħdi li jagħmlu biex jimmodernizzaw l-ekonomija tagħhom. Sostniet li r-regoli kollha tat-tmexxija fi ħdan iż-żona ewro għandhom jiġu applikati bl-istess mod.
Kliemha naffru lill-gvernijiet ta’ Franza u l-Italja, imma waqt li tal-ewwel żamm sieket, membri tal-gvern Taljan fetħulha kontra Merkel, Mhux sew, qalu, li gvern ta’ stat membru jikkommenta fuq l-affarijiet interni ta’ stat ieħor, meta skont ir-regoli Ewropej, hemm il-Kummissjoni biex tagħmel dil-ħaġa. Sostnew kif min-naħa Taljana qatt ma saru kummenti dwar l-ekonomija Ġermaniza. Fl-istess nifs fetħulha dwar kif kontra l-parir tal-Kummissjoni, il-gvern ta’ Merkel mhux jaċċetta li jippromwovi aktar konsum fil-Ġermanja u b’hekk jgħin ħalli l-ekonomija Ewropea tirpilja; u dwar kif bit-tqanċiċ finanzjarju li tħaddan Merkel, l-infrastruttura Ġermaniża sejra l-baħar.
It-tilwima setgħet tirranka imma filwaqt, daħal spirtu ta’ prudenza. Meta ltaqgħu l-ministri tal-finanzi biex jieħdu l-aħħar vot fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-baġits tal-gvernijiet, intlaħaq ftehim bla ma sar wisq diskors “żejjed”.

***

STRAJK FIL-BELĠJU

Qed teħzien il-qagħda soċjali fil-Belġju. B’xejn ma jista’ jintlaħaq qbil bejn il-unjins u r-rapprezentanti tas-sidien dwar jekk il-pagi Belġjani humiex wisq ogħla minn tal-pajjizi ta’ madwar, u jekk iva, x’korrezzjoni għandha ssir biex il-Belġju jibqa’ kompetittiv. Il-kwistjoni hi parti minn ħidma li qed jidderieġi l-gvern ġdid ta’ koalizzjoni Belġjan biex jekonomizza fuq l-ispejjez publiċi u jdaħħal riformi “strutturali” fit-tmexxija ekonomika u soċjali tal-pajjiz. Min-naħa tiegħu l-gvern jinsab taħt pressjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jemenda l-pjani finanzjarji li fassal u jiġi konformi mar-regoli taz-zona ewro.
Dan kollu jikkonċerna lil min jew jgħix fi Brussell jew jivvjaġġa ta’ spiss lil hemm. Nhar it-Tnejn li għadda per ezempju kien jum ta’ strajk fl-oqsma kollha tat-trasport publiku. It-trennijiet, xarabanki u l-metro kienu wieqfa għal kollox. Il-biza’ kien li l-ajruport ta’ Brussell se jitwaqqaf bl-uzu ta’ forza minn numru ta’ ħaddiema. Linji tal-ajru kkanċellaw it-titjiriet tagħhom.
Filfatt l-istrajk irnexxa ħafna. Kien ħidma oħra tat-trejd unjins magħqudin li għandha twassal għal strajk ġenerali fil-Belġju kollu għada t-Tnejn. It-tbassir hu li l-istrajk ġenerali se jkun suċċess kbir, mhux biss għax il-unjins kollha baqgħu magħqudin, imma għax is-sentiment tal-publiku hu favur l-azzjonijiet li qed jittieħdu.
Talanqas għalina li nitilgħu Brussell minħabba l-Parlament Ewropew, l-istrajk mhux se jġib inkwiet zejjed. Il-ġimgħa li jmiss, il-Parlament se jitlaqqa’ fi plenarja fi Strasburgu.

***

MILL-ĠDID IL-GREĊJA

Kemm il-kaz tal-Greċja għadu wieħed sensittiv fiz-zona ewro deher ċar din il-ġimgħa meta l-gvern Grieg iddeċieda li l-elezzjoni ta’ President tal-pajjiz javvanzaha għal dan ix-xahar minn Marzu tas-sena d-dieħla.
Fil-ġimgħat ta’ qabel kien hemm negozjati bejn il-Greċja u l-ewrogrupp ta’ ministri tal-finanzi li jmexxi z-zona ewro. Il-Greċja waslet lejn it-tmiem tal-programm ta’ salvataġġ finanzjarju li ilha għaddejja bih erba’ snin. Dan l-aħħar, ma kinitx qed tlaħħaq mal-esiġenzi li kellha taċċetta biex tingħata l-aħħar parti tal-fondi kif kien ippjanat. Il-ministri tal-ewrogrupp bdew jippuntaw biex il-gvern Grieg jieħu aktar mizuri ta’ issikkar taċ-ċinturin. Dwar hekk, reġgħu faqqgħu protesti fl-imsieraħ ta’ Ateni. Il-kumitat magħmul mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea biex jifli xinhu għaddej fil-Greċja u jassigura li l-pajjiz qed josserva l-kondizzjonijiet tas-self li sarlu, stqarr li jrid aktar zmien biex jiġbor informazzjoni ċara bizzejjed ħalli tittieħed deċizjoni fuq x’baqa’ li jinħareġ mis-self.
Il-problema hi li l-arranġamenti li saru biex il-Greċja tibqa’ fiż-żona ewro — bl-awsterità li ġabu magħhom — huma impopolari għall-aħħar fil-Greċja. Il-poplu Grieg għadu mdejjaq bil-kbir u qed idur lejn il-partiti radikali tax-xellug u l-lemin. Il-Prim Ministru Samaris qed jibża’ li sa Marzu li ġej, ikun tilef għal kollox il-maġġoranza fil-Parlament li għandu bzonn biex jeleġġi l-President tal-pajjiz. Għalhekk iddeċieda li l-vot fil-Parlament fuq il-Presidenza jsir dax-xahar u jekk il-gvern ma jirnexxilux itella’ President lill-kandidat tiegħu, isejjaħ elezzjoni ġenerali.
L-istħarriġ tal-opinjoni publika juri li l-partit tax-xellug radikali Syriza jirbaħ l-elezzjoni jekk issir fi zmien qasir. Dan il-partit irid jirrevoka l-ftehimiet li daħlet għalihom il-Greċja biex tibqa’ fiz-zona ewro. Mhux ta’ b’xejn li d-deċizjoni tal-Prim Ministru Samaris ħolqot inkwiet kbir fost iċ-ċrieki finanzjarji li sal-lum kienu rabbew fiduċja li s-salvataġġ tal-Greċja se jitkompla sal-aħħar minkejja l-protesti tal-poplu Grieg.

***
IL-PJAN JUNCKER

Il-pjan ta’ Jean Claude Juncker biex jitwaqqaf fond ta’ ftit aktar minn 300 biljun ewro li jiġi nvestit fi proġetti tul is-sentejn li ġejjin baqa’ jiġi żviluppat. Fil-Kunsill Ewropew kien mistenni li jiġi diskuss bla wisq tfettiq u approvat bħala inizjattiva tajba, bl-intendiment li l-fond mhux se jobbliga lill-istati membri jpoġġu flushom fih, għalkemm Juncker stedinhom jitħajru jagħmlu hekk mingħajr ma jinkorru aktar djun.
Kumitat imwaqqaf fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea dar il-pajjiżi kollha biex jistaqsihom xi proġetti jixtiequ li jkunu finanzjati mill-fond ta’ Juncker. Spiċċaw b’lista ta’ aktar minn elfejn proposta. Sadattant, għaddej eżerċizzju qawwi ta’ relazzjonijiet publiċi mis-servizzi tal-Kummissjoni biex iwasslu l-messaġġ li l-pjan ta’ Juncker se jiftaħ perspettivi ġodda għall-Ewropa.
Uħud qed jaqblu ma’ dal-messaġġ. Jaraw fil-fond sinjal li l-Kummissjoni Ewropea mhix se tibqa’ titkellem biss dwar konsolidament fiskali u tnaqqis ta’ spiża publika, imma se tibda tisħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ aktar investiment biex jintrebaħ l-istaġnar ekonomiku fl-Ewropa.
Oħrajn qed iqisu l-fond ta’ Juncker bi bruda — isostnu li ma jwassalx bogħod daqskemm qed jgħid il-promotur tiegħu, waqt li jqisu l-fatt li mhux se jkun fih flejjes publiċi ġodda bħala turija ta’ kif fir-realtà, inbid qadim qed jitferra fi flixkun ġdid.

***

AKTAR “LUX LEAKS”

Daqs xahar ilu, għamlu kjass ġurnalisti minn għadd ta’ gazzetti Ewropej meta ppubblikaw informazzjoni dwar kif il-Lussemburgu kien matul is-snin irranġa regoli ta’ taxxi b’mod li ppermetta li ħafna kumpaniji kbar evitaw it-taxxi li kellhom iħallsu. Dan ġara fiz-zmien li Jean Claude Juncker kien Prim Ministru ta’ pajjizu.
Dil-ġimgħa, l-istess ġurnalisti ppubblikaw informazzjoni dwar aktar kazi. Kwazi kollha jinvolvu arranġamenti ta’ taxxa ma’ kumpaniji multinazzjonali li ħelsuhom minn biljuni ta’ taxxi. Il-furja li qamet meta ħarġu l-ewwel “Lux Leaks” (kif tlaqqmet il-biċċa) irrepetiet ruħha. Waqt li l-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew ħlief għall-popolari u l-liberali esprimew l-indinjazzjoni tagħhom b’li ġara, fil-grupp tas-soċjalisti ssenslet rabja oħra – kontra l-grupp tal-ħodor, li skont ma ntqal, ipprova jwassal il-messaġġ li s-soċjalisti u d-demokratiċi xtaqu jiddefendu lil Jean Claude Juncker fuq il-biċċa, għax laħqu vvotaw favur tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-grupp tas-soċjalisti mmoltiplika l-istqarrijiet kontra prattiċi bħal dawk tal-Lussemburgu meta fi zmien ta’ awsterità, waqt li ċ-ċittadini jitgħabbew bil-pizijiet, jitħaffu t-taxxi dovuti mill-kumpaniji l-kbar.
Sadattant, f’livell aktar wiesa’ – mill-Kunsill Ewropew sal-Kummissjoni Ewropea u fil-Parlament – qed tikber ir-rankatura favur regolamenti li jqarrbu s-sistemi ta’ tassazzjoni tal-pajjizi membri u li jsaħħu r-regolamenti kontra l-operat tal-hekk imsejħa “tax havens” – pajjizi li jipprovdu kenn lill-kumpaniji biex jeħilsu mit-taxxi. Dawn il-pajjizi, li jispeċjalizzaw fis-servizzi finanzjarji qed jiġu akkuzati li japprofittaw ruħhom billi fil-qasam tat-taxxi jikkompetu b’mezzi nġusti mal-pajjizi l-oħra, membri bħalhom fl-Unjoni Ewropea.

14 ta’ Diċembru 2014