Sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa, l-logħba parlamentari li biha qed tiġi konfermata l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mmexxija minn Jean Claude Juncker kienet riesqa lejn tmiemha. Veru li kien baqa’ xi “trufijiet” x’jiġu maħlula, bħal fil-kaz tal-Kummissarju mis-Slovenja, imma l-aqwa skolli kienu ngħelbu.
Personalment dejjem qiest li l-aqwa deċizjoni ttieħdet mill-bidu, bil-vot favur Juncker fil-Parlament Ewropew wara li l-kandidatura tiegħu ġiet approvata mil-Kunsill Ewropew. Ftit kien jagħmel sens li wara li l-gruppi politiċi l-kbar tawh il-fiduċja tagħhom, iwaqqfu l-Kummissjoni li fassal, meta hu x’inhu, in-nies nominati fiha intbagħtu hemm mill-gvernijiet tal-istati membri. Dal-punt kien jgħodd l-aktar għas-soċjalisti li kienu qablu mal-kandidatura ta’ Juncker sa mil-bidu nett.
Hu nnifsu għaraf jilgħab tajjeb ħafna bil-karti li kellu f’idejh, bil-wegħdi li għamel u bil-mod kif ippostja l-karigi. Zamm il-wegħdi imma sab mod kif jibbilanċja l-interessi differenti u naħseb mingħajr ma jidher hekk, izomm ir-riedni f’idejh. Kif naraha jien, is-soċjalisti nbarmu fi proċess li ma tahomx li ħaqqhom, f’termini per ezempju ta’ kemm hemm kummissarji soċjalisti jew tal-karigi li se jkollhom. Hu minnu li l-ewwel Viċi President se jkun l-Olandiz soċjalista Timmermans, li ngħata portafoll wiesa’ ħafna b’delegazzjoni lilu ta’ ċerti poteri li għandu l-President tal-Kummissjoni nnifsu.
Biss, l-organizzazjoni tal-Kummissjoni li daħħal Juncker, f’forma ta’ matrix (jiġifieri fejn numru ta’ nies, tnejn jew tlieta, jkunu responsabbli fl-istess waqt għal oqsma kumplessi ta’ tmexxija) hi ġdida għall-Kummissjoni għalkemm tintuza ta’ spiss fis-settur privat, l-aktar fl-oqsma tas-servizzi. Tagħmel sens minn ħafna lati, għalkemm kienet ħaġa ftit komika tara lil xi whud jipprovaw jifhmu kif tista’ taħdem. Fil-kumplessità stess tagħha, jekk il-persuna li qed tmexxi miċ-ċentru tal-matrix għandha ħila burokratika qawwija, din il-forma ta’ organizazzjoni se tagħti lill-mexxej kontroll flessibbli qawwi u dirett fuq kulħadd.
U zgur li ma tistax tiċħad lil Juncker ħila mhux zgħira biex jimmanipula l-istrutturi burokratiċi Ewropej.
F’laqgħat ta-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi għamilt interventi fejn semmejt uħud minn dawn il-punti. Mhux kulħadd apprezza.

***

L-GĦAZLIET TAL-KUMMISSARJI

Matul il-ġimgħa fi Brussell, baqgħu jsiru l-laqgħat tas-smigħ tal-membri tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew. Għal aktar minn sagħtejn u nofs, id-deputati Ewropej għamlulhom mistoqsijiet dwar kif qed jaraw il-ħidma tagħhom fid-dekasteri li ngħataw u xinhuma l-proposti tagħhom għall-futur. Kien intqal minn taħt li l-gruppi politiċi l-kbar ftehmu bejniethom biex japprovaw lil dawk kollha magħzula fil-karigi fejn poġġihom il-President. Imma xorta waħda, numru ta’ kummissarji ġodda sabu rezistenza għalihom minn numru sostanzjali ta’ deputati Ewropej.
Fost id-deputati tal-lemin, l-akbar rezistenza kienet dwar l-għazla tal-Franċiz Pierre Moscovici biex imexxi l-portafoll tal-ekonomija u t-tassazzjoni. Moscovici kien sa ftit ilu ministru tal-finanzi f’pajjizu fejn ta wegħdi dwar kif se jnaqqas id-defiċit fil-baġit Franċiz – liema wegħdi skont ħafna deputati speċjalment Ġermanizi, baqgħu ma twettqux. Agħar, fl-istess ġimgħa l-gvern Franċiz attwali ħa d-deċizjoni li ma jonorax ir-rakkomandazzjonjiet li sarulu sa ftit ġimgħat ilu dwar il-baġit għal dis-sena fir-rigward ta’ kemm se jnaqqas il-ħofra fil-finanzi tiegħu.
Fost id-deputati tax-xellug u tal-ħodor, ir-rezistenzi kienu kbar għall-kandidat Miguel Arias Canete, minn Spanja, akkuzat li għandu jew seta’ għandu konflitti ta’ interess personali fil-qasam tal-enerġija fejn se jkollu responsabbiltajiet qawwija fil-Kummissjoni l-ġdida. Qamu oġġezzjonijiet għal Jyrki Katainen mill-Finlandja, mitqies mis-soċjalisti bħala l-arċipriet tal-politika tal-awsterità; u għal Tibor Navracsics mill-Ungerija, impinġi bħala ħabib kbir tal-Prim Ministru Ungeriz Victort Orban li flimkien mal-partit tiegħu, jitqies fi Brussell bħala awtoritarju u kwazi faxxist.

***

NEGOZJATI BEJN IL-GRUPPI POLITIĊI

Bħala parti mill-mod kif tmexxew l-affarijiet kellhom isiru negozjati bejn il-kapijiet tal-gruppi biex iwasslu lil dawk li jirrezistu l-ħatriet ħalli jaċċettaw il-linja li kienet ħarġet. Saru pressjonijiet fuq Juncker biex jiċċara u jibdel it-termini li fuqhom issettja l-karigi tal-kummissarji rispettivi. Inħarġu ittri.
Ċerti kummissarji ġew mitluba jirrispondu għal aktar mistoqsijiet li sarulhom bil-miktub. Din ix-xorti misset fost oħrajn lil Moscovici u anki lil Lord Hill, l-Ingliz mogħti l-portafoll dwar servizzi finanzjarji. Biex tgħaxxaqha, dan kien mistenni wkoll li jerġa’ jersaq quddiem il-kumitati tal-Parlament biex ikolli jwieġeb għal aktar mistoqsijiet. Fit-tieni darba talanqas, irnexxielu jġibha zewġ fejn fl-ewwel darba kien għeja f’nofs triq u ma tax risposti li d-deputati qiesu bħala sodisfaċenti.
Lejn tmiem il-ġimgħa wara negozjati bejn il-kapijiet tal-gruppi, saru sforzi kbar biex l-intoppi jiġu mwittija. F’dan, kellhom is-sopravvent il-partiti tal-lemin. Effettivament irnexxielhom iġibu qbil dwar kandidati tal-lemin għall-Kummissjoni li kienu kontroversjali, bi tpartit mal-aċċettazzjoni min-naħa tagħhom tal-kandidat tax-xellug Moscovici.
L-unika waħda li qalgħetha kienet il-kandidata għall-Kummissarju mill-Islovenja Alenka Bratusek. Meta kienet għadha Prim Ministru f’pajjizha, innominat lilha nnfiisha għall-Kummissjoni. Minnufih wara tilfet bi kjass elezzjoni ġenerali, mirbuħa minn partit li xejn ma jistma lil Bratusek u li ftit jaqbel li kellha tkun hi Kummissarju għal pajjizha. Biex tagħqad, meta ltaqgħet mal-kumitat tal-Parlament Ewropew Bratusek tat wirja dgħajfa ħafna u lanqas il-partiti tal-lemin ma setgħu jiddefenduha. Il-pressjoni kienet fuqha biex tirtira jew inkella tiffaċċja vot kontra tagħha.
Nerġa’ ngħid: wieħed jista’ jikkonkludi li l-Parlament Ewropew kien qed isegwi deċizjonijiet diġà meħuda. Wera ruħu iebes u qawwi ma’ min kien diġà politikament imkisser u skreditat.

***

DIMOSTRAZZJONI

Problema tal-Parlament Ewropew hi li jagħti l-impressjoni (li naħseb hi qrib ħafna tar-realtà) li kull ma jiġri fih hu – ħa nuza espressjoni bl-Ingliz – stage managed, irranġat kemm jista’ jkun minn qabel. Allura jien sibtha ħaġa interessanti li għall-ewwel darba mid-dehra, grupp ta’ nies mhux awtorizzati – Kurdi jimmanifestaw favur il-poplu tagħhom u kontra l-gwaj li ħafna Kurdi jinsabu maqbuda fih – irnexxielhom jippenetraw sat-tielet sular tal-binja ewlenija tal-Parlament u daħlu fiċ-ċentru tagħha, minn fejn titlaq għall-binjiet l-oħra.
Ta’ spiss jinzammu dimostrazzjonijiet barra l-Parlament fl-ispazji wiesgħa li jdawruh. Forsi għalhekk inbnew dawk l-ispazji – biex id-dimostranti jiddimostraw kemm iridu, imma jibqgħu fuq barra. Din id-darba, irnexxielhom jingannaw lis-servizzi tas-sigurtà u jidħlu ġewwa.
Ħafna inkwetaw b’li ġara. Mort qrib ta’ x’kien qed jintqal u jsir. Irġiel u nisa bilqiegħda mal-art xejru bandar Kurdi b’mara tindirizzahom; ma stajtx naqbad x’kienet qed tgħid. Xejn f’li kien qed jiġri ma deherli perikoluz.

***

TLIET MITT BILJUN EWRO

Matul is-seduti mal-kummissarji l-ġodda, id-deputati soċjalisti u demokratiċi kellhom suġġett li qajmu l-ħin kollu – wegħda li għamlilhom Jean Claude Juncker meta ġie jfittex l-appoġġ tagħhom. Kien se jorganizza fond ta’ investiment ġdid li jlaħħaq 300 biljun ewro. Bih permezz ta’ proġetti li joħolqu l-impjiegi l-effetti tal-awsterità setgħu jiġu mtaffija.
Il-problema kienet li kull meta d-deputati Ewropej għamlu mistoqsijiet konkreti dwar din il-proposta, l-ebda tweġiba li ngħataw ma ċċarat sew kif se jimxu l-affarijiet. Dan baqa’ jiġri minn seduta għall-oħra. Talanqas is-soċjalisti bdew jgħidu li ġabu impenji wiesgħa mingħand Juncker u xi viċi Presidenti tal-Kummissjoni fuq il-wegħda tat-tliet mitt biljun ewro. Għalkemm ħafna kienu dubjuzi dwar kemm jiswew dawn l-assigurazzjonijiet, ftit setgħu ma jaċċettawhomx jekk se jersqu għal qbil dwar il-Kummissjoni.
Għax ħaġa stramba f’dan kollu hi li meta jasal il-mument tal-vot fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, dan se jittieħed f’darba fuq il-pakkett kollu – jiġifieri l-Kummissjoni Ewropea kollha kemm hi – mhux fuq il-Kummissarji individwalment. M’hemmx għalfejn ngħidu, it-tbassir hu li l-vot dwar il-Kummissjoni Juncker se jkun favur – nemmen jien b’maġġoranza sostanzjali.

***

FTEHIM MAL-ISTATI UNITI

Waqt li issa jitbiegħed il-plejtu tad-diskussjonijiet dwar il-Kummissjoni l-ġdida għandhom jerġgħu jibdew telgħin ’il fuq fl-aġenda Ewropea suġġetti importanti li ilhom jistennew xi progress. Ta’ quddiem fil-lista hemm il-proposta ta’ ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea għal ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn iz-zewġ naħat.
Hemm problema: matul ix-xhur ta’ stennija jidher li fost l-Ewropej, zdiedu l-ilħna ta’ dawk li ma jaqblux ma’ ftehim bħal dan, jew li għandhom rizervi kbar dwaru.

12 TA’ OTTUBRU 2014