Il-gvern ġdid Grieg qajjem sfida meta ddikjara li ma jridx jonora aktar il-ftehimiet ta’ salvataġġ finanzjarju bejn pajjizu u l-bqija taż-żona ewro. Ġimagħtejn ilu, iddiskutejna jekk il-krizi mqanqla b’hekk, kinitx ħaditna lura lejn il-bidu tad-dizgwid li l-istess zona ġarrbet fl-aħħar snin. Rajna kif matul daż-żmien, il-membri tagħha bnew strutturi ta’ lqugħ biex jiżguraw li ma jerġgħux jinqabdu fl-istess taħwid meta u jekk fil-futur titqanqal xi krizi simili għal tal-aħħar żminijiet.
Minħabba f’hekk l-istennija kienet u għadha li l-problemi li reġgħu nqalgħu mal-Greċja mhux se jwasslu biex il-binja tal-ewro tikkrolla. Effettivament il-pajjizi membri żammew sod kontra l-eżiġenzi tal-bidu tal-gvern tal-Prim Ministru Tsirpas. Hu kellu jibdel il-pożizzjoni tiegħu, hekk li qam inkwiet intern fil-partit tas-Siriza.
Biss it-twaqqif ta’ strutturi ta’ lqugħ fiż-żona ewro mexa pass pass mat-tħaddim ta’ politika finanzjarja u ekonomika li għadha qawwija sal-lum mal-Ewropa kollha. Imnebbħa mill-Ġermanja, din il-politika kellha importanza kbira f’kif l-ekonomiji tal-pajjizi tal-ewro żviluppaw.

KONSOLIDAMENT FISKALI

Fil-fehma Ġermaniza (imma l-Ġermanja ma kinitx waħidha f’dan), biex iż-żona ewro tqum fuq saqajha wara t-tumakka kbira tal-2008, kien hemm fuq kollox ħtieġa li l-baġits tal-gvernijiet membri jinġabu lura f’bilanċ. Dal-proċess ingħata l-isem ta’ “konsolidament fiskali”.
Fl-istess ħin mat-twettieq tiegħu, kellhom jidħlu l-hekk imsejħa “riformi strutturali” fil-mod kif jitmexxew l-ekonomiji nazzjonali, Dawn kellhom iwarrbu fost oħrajn, spejjeż żejda fin-nefqa tal-gvern; monopolji kbar u zgħar; metodi ta’ ħidma li jkattru l-ineffiċjenzi u li ma jħallux l-impriżi jinvestu u jimpjegaw lin-nies kif jidhrilhom li jkun l-aħjar…
Insomma, patafjun ta’ bidliet li kellhom irendu l-ekonomiji aktar flessibbli. Fil-verità ħafna minn dawn ir-“riformi” spiċċaw indirizzati lejn id-dinja tax-xogħol fejn intqal, kien hemm wisq restrizzjonijiet fuq l-ingaġġ ta’ ħaddiema zgħazagħ ġodda, waqt li ħaddiema ixjeħ u aktar stabbiliti f’xogħolhom kienu salvagwardjati minn kull bidla fil-kondizzjonijiet tal-impjieg tagħhom.
L-argument kien li hekk kif il-baġits tal-gvernijiet tal-ewro jerġgħu jiġu f’bilanċ u hekk kif jitwettqu r-riformi strutturali, l-ekonomija Ewropea u l-munita tal-ewro se jiksbu r-rankatura. Se tikber il-fiduċja. Se jiżdiedu l-investimenti. L-ekonomiji u l-impjiegi se jirrankaw. Hekk kien ġara fil-Ġermanja. Hekk se jiġri fil-pajjizi l-oħra taż-żona ewro.
Madankollu, għaddew erba’, ħames snin u aktar. Il-bidliet li kellhom isiru fit-tmexxija ekonomika u finanzjarja ftit jew wisq saru. Xorta waħda l-ekonomiji Ewropej fil-biċċa l-kbira tagħhom baqgħu staġnati

L-IMMA…

Il-finanzi publiċi kienu ssodaw. Imma x’ġara biex l-investimenti baqgħu ċassi u ż-żieda fl-imjiegi l-istess, jekk mhux agħar? Fil-fatt, ir-rati tal-qgħad għal zmien twil baqgħu jikbru. Sena wara l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet pronostki dwar it-tkabbir ekonomiku li kienu jmorru zmerċ. L-istimi tal-Kummissjoni kienu jkunu wisq ottimistiċi.
Qamu dubji dwar kemm iż-żona ewro se jirnexxielha tikkompeti tajjeb f’suq globalizzat. Fejn l-ekonomija tal-Istati Uniti (ma’ blokki ekonomiċi oħra fl-Asja u fl-Amerika Latina) kienet irrankat, dik taż-żona ewro baqgħet marradija. Xorta waħda, dejjem b’insistenza tal-Ġermanja, baqgħet tingħata priorità lill-prinċipju tal-konsolidament fiskali.
Sadattant beda jitqanqal l-argument oppost… l-aktar fost is-soċjalisti. Dawn qalu: Fi żmien ta’ inċertezza, fejn is-settur privat jibqa’ lura sakemm il-fiduċja tinkiseb għal kollox qabel jinvesti, jekk il-gvernijiet jibqgħu ukoll lura – anzi jnaqqsu mill-ispiża tagħhom – se jkunu ħadu direzzjoni li tkompli ssaħħaħ l-inċertezza, tnaqqas l-investiment u allura tikkonferma l-istaġnar. Il-kondizzjonijiet ekonomiċi jirrekjedu li l-gvernijiet jonfqu aktar, talanqas fuq investiment.
Min-naħa tal-partiti liberali u konservattivi tal-lemin it-tweġiba kienet: Kif tistenna fejqan finanzjarju jekk gvern li qed jonfoq aktar milli qed idaħħal, ikompli jżid fl-ispiża? Il-fejqan ekonomiku jiġi meta s-sidien privati jiksbu l-fiduċja huma u jaraw kemm qed ikunu serji l-gvernijiet fit-tmexxija tagħhom, u minn hekk jibdew jinvestu. Jekk dan ma jiġrix, u minflok il-gvernijiet jitgħabbew b’aktar djun, il-munita tal-ewro terġa’ tispiċċa fixxa.
Din l-kontroversja baqgħet għaddejja sal-lum.

DWEJJAQ SOĊJALI

Imma l-issikkar taċ-ċinturin fl-ispiża tal-gvernijiet xorta donnu ma wassal imkien. Fl-istess waqt, aktar ma għadda ż-żmien, aktar qamu dwejjaq soċjali fost il-popli. Il-qgħad baqa’ tiela’ speċjalment fi ħdan iż-żgħażagħ. Saffi sħaħ tal-popli Ewropej bdew iħossuhom aktar vulnerabbli għall-miżerja. In-numru ta’ nies fqar jew imhedda mill-faqar żdied b’ritmu li kien ilu ma jinħass fl-Ewropa. F’pajjiżi diversi, l-wens mogħti mis-servizzi soċjali tal-istat naqas.
Il-problema kkomplikat aktar bit-tensjonijiet ekonomiċi u soċjali li bdew jinqalgħu minħabba l-immigrazzjoni legali u llegali lejn pajjiżi Ewropej. Minflok naqset (kif wieħed kien jistenna, la l-Ewropa kienet staġnata), l-immigrazzjoni żdiedet għal għadd ta’ raġunijiet.
Forsi mhux ta’ b’xejn li f’daqqa, ħadu nifs ġdid partiti ġodda jew żgħar, hekk imsejħa estremisti jew populisti jew ma nafx xhiex aktar, mil-lemin u mix-xellug.
Iż-żona tal-ewro għelbet jew kważi l-isfidi li laqtuha fl-aħħar snin, sfidi li kienu ġejjin mil-isfiduċja fiha tas-swieq finanzjarji l-kbar u mill-qagħda imwiegħra tal-finanzi tal-gvernijiet.
Biex tasal għal dal-punt madankollu, kellha toħloq dwejjaq soċjali kbar fost il-popli. Il-kriżi l-ġdida li qamet bl-elezzjoni fil-Greċja hi l-aqwa turija ta’ dan. Konfronti bħal tal-Greċja jistgħu jiżbroffaw minn Spanja u l-Portugall, biex ma nsemmux lil Franza. Bħala proġett politiku, l-ewro ftit jista’ jippermetti li jispiċċa politikament sfiduċjat mil-elettorati Ewropej, bl-istess mod kif għal xi żmien inħass il-periklu li se jiġi sfiduċjat mis-swieq finanzjarji.
Ma morniex lura lejn il-kriżi tal-bidu anki jekk il-Greċja qed terġa’ tkun il-protagonista tal-kriżi tal-lum. Morna imma lejn sfida forsi aqwa mill-ewwel waħda: Iż-żona ewro se tkun kapaċi toħloq it-tkabbir ekonomiku? Se tkun kapaċi ssostni l-fiduċja politika tal-popli?

It-Torca – Il-Hadd 8 ta’ Marzu 2015

Facebook Comments

Post a comment