F’tarf il-ġimgħa li għaddiet kont għaddej bla nifs biex nispiċċa x-xogħol fuq ktieb li ili naħdem fuqu: jiġi l-kontinwazzjoni ta’ ieħor li ħriġt fil-bidu tas-sena 2012. Mhux se jinbiegħ bil-kbir għax hu ktieb li bħal ta’ qablu, jitkellem fit-tul fuq kwistjoni li ħafna nies isostnu li ma jifhmu xejn fiha – il-kriżi, jew aħjar il-problemi, li ffaċċja l-ewro kemm ilu jeżisti bħala munita.

L-ewwel ktieb bl-isem ”Malta u l-Ewro” kien wassal l-istorja sa Diċembru 2011. Peress li l-istorja tal-ewro fl-aħħar snin ikkomplikat ruħha sew, it-tieni wieħed ħadli ħafna aktar żmien.

Se jkun jikkonsisti fis-sensiela ta’ artikli li ktibt hekk kif żviluppat il-kriżi tal-ewro sa Frar ta’ dis-sena. Bilfors li b’hekk jinqalgħu numru ta’ ripetizzjonijiet. Min-naħa l-oħra min qed jaqra, jista’ jsegwi kif kienu qed jiżviluppaw l-affarijiet waqt li ġraw.

Forsi wkoll, ”Malta u l-Ewro (2)” ikun jista’ jintuża bħala ktieb ta’ referenza għal min jixtieq ikollu sors ta’ informazzjoni kronoloġika dwar il-ġrajjiet ewlenin tal-ewro murija minn perspettiva Maltija.

***

Irkant tal-armi

Skantajt bil-kbir naqra f’xi gazzetta li kellu jsir irkant tal-armi li nqabdu mill-pulizija fl-aħħar snin – armi, nimmaġina, li ntużaw f’xi delitt. Tqajmet kontroversja mid-dehra dwar kif membri tal-korp tal-pulizija ma kinux qed jitħallew jagħmlu l-offerti tagħhom għal dawn l-armi. Il-punt kien li dan mhux ġust mal-membri tal-korp, li huma ċittadini bħall-oħrajn.

Lili dejjaqni punt ieħor: il-fatt stess li l-istat se jerġa’ joħroġ dawn l-armi fil-komunità. U għaliex? Biex jagħmel ftit flus minnhom? X’nambu li jkun hawn aktar armi fl-idejn?

Ma jkunx aħjar jekk mill-istokk ta’ armi li huma miżmuma, jagħżlu dawk, jekk ikun hemm fosthom, li għandhom xi preġju tal-antikwarjat; u l-bqija jeqirduhom?

***

Li Kwan Ju

Konna nsemmu lil Li Kwan Ju f’Malta għax fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor ġie hawn biex jara kif Malta kienet qed tilqa’ għat-tnaqqis bil-kbir tal-bażi militari Ingliża li kienet toħloq daqstant impjiegi. F’pajjiżu Singapore, kien beda jiġri l-istess.

Bħala mexxej ta’ dik il-belt-stat, matul snin twal Li Kwan Ju rnexxielu jibdel lil Singapore minn port mezzan għal fuklar dinji ta’ ħidma kbira u moderna. Wettaq dan b’dixxiplina awtoritarja u ġab lil Singapore fost l-aktar pajjiżi sinjuri tad-dinja. F’dan hi għaddiet lil Malta bil-goff. Il-mewt tiegħu dil-ġimgħa, fl-età ta’ 92 sena, qanqlet mewġa ta’ apprezzament profond u mistħoqq għall-kisbiet li wettaq.

Biss matul is-snin, kull meta tistaqsi lil min jaf kemm lil Malta u kemm lil Singapore fejn jippreferu jgħixu, kienu jgħidu Malta.

Facebook Comments

Post a comment