Awwissu kien xahar li fih il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet Ewropej daħlu f’nagħsa. Il-Kummissjoni Ewropea ma ltaqatx, il-Parlament Ewropew kien wieqaf u l-Kunsill Ewropew ltaqa’ darba fl-aħħar tax-xahar biex jiftiehem fuq nomini għall-Kummissjoni l-ġdida.
Jien qattajt ix-xahar Malta. Qiest li dan tani opportunità biex nerġa’ niltaqa’ ma’ ħbieb li kienu għenuni fil-kampanja elettorali għall-elezzonijiet Ewropej u ħbieb oħra. Ma’ sħabi dort numru ta’ festi li kienu qed isiru (mhux kollha!) – f’okkazjonijiet li kienu pjaċevoli.
Fuq kollox ħdimt ħalli nissettjaw arranġamenti li bihom nistgħu nzommu liċ-ċittadini mgħarrfa b’dak li qed jiġri fl-Unjoni Ewropea u kif dan jista’ jinteressahom. Ħaġa bħal din trid issir per mezz tal-midja, inkluzi dawk ”soċjali” – Facebook u l-oħrajn – imma mhux minnhom biss. Kelli laqgħat interessanti mal-General Workers Union, mal-Bank Ċentrali, mal-Kamra tal-Kummerċ u mal-GRTU.
Tkellimna dwar zviluppi fit-tmexxija u l-politika tal-Unjoni Ewropea u kif dawn jistgħu jolqtu l-ħaddiema u n-negozji Maltin. Apprezzajt li kollha kemm huma offrew li jlaqqgħuni ma’ mexxejja ċentrali tal-għaqdiet li fi Brussell jirraprezentaw lis-setturi taghom fuq livell Ewropew.
Aċċettajt bil-qalb l-istedina tagħhom.

***

IL-BIDLA FIL-GVERN FRANĊIZ

Il-bidla fil-gvern Franċiz li seħħet għall-għarrieda uriet fil-beraħ kif it-tensjonijiet dwar l-aħjar mod ta’ tmexxija ekonomika baqgħu jinġemgħu f’Pariġi. Hemm il-ħtieġa li akkost ta’ kollox il-finanzi tal-gvern jinġabu f’linja mar-regoli taz-zona tal-ewro. U hemm ir-rezistenza politika u soċjali kontra li aktar issikkar taċ-ċinturin. Dan qed isostni l-qgħad u jimmina l-protezzjoni soċjali fost il-klassijiet medja u bi dħul baxx fis-soċjetà.
Il-President Hollande iddeċieda li se jinsisti fuq li r-regoli taz-zona ewro jiġu rispettati. Irid li d-dwejjaq soċjali jintrebaħ billi fl-ekonomija jizdiedu l-inizjattivi li joħolqu x-xogħol u l-ġid. Għal dan, il-gvern se jistrieħ fuq is-sidien privati, fejn se jkun qed jagħtihom serħan mit-taxxi ħalli jzidilhom l-inċentivi biex jinvestu u jipproduċu.
Imma d-defiċit tal-gvern ma jistax jikber. Franza diġà qed tikser ir-regoli tat-tmexxija taz-zona ewro fir-rigward ta’ kemm hi kbira l-ħofra finanzjarja fil-baġit tal-gvern. Biex tnaqqas it-taxxi minn naħa trid issostnihom, jekk ma zzidhomx, f’qasam ieħor.
Kieku l-ekonomija Franċiza għaddejja b’rankatura tajba, dan forsi ma tantx jinħass. Imma mhux il-kaz. Fil-verità l-ekonomija hi staġnata.
L-eks ministru tal-ekonomija Montebourg u sħabu fuq ix-xellug tal-partit soċjalista Franċiz bdew jargumentaw fil-miftuħ, li fiċ-ċirkostanzi, se jkunu ċ-ċittadini z-zgħar u l-ħaddiema li se jġorru l-pizijiet ta’ riformi li aktarx ma jaslux. Bdew jinsistu li r-regoli taz-zona ewro jridu jitħaddmu b’id eħfef sakemm l-ekonomija tirpilja.
Ħaġa ċara li gvern li jikkritika lilu nnifsu ma jistax ireġi. B’hekk Montebourg u zewġ ministri oħra telqu jew tellquhom. Magħhom mill-gvern il-ġdid telqu wkoll il-ħodor li kienu qed jappoġġjaw sa issa lill-gvern tas-soċjalisti.

***

STRASBURGU

Darba, ġieli tnejn fix-xahar, il-Parlament Ewropew jiltaqa’ fi Strasburgu. Hemm il-laqgħa tkun plenarja, b’kulħadd prezenti ħalli jittieħdu l-voti. Nikteb aktar fuq kif isir dan ix-xogħol fil-ġimgħat li ġejjin.
Illum insemmi kif laqtitni l-belt ta’ Strasburgu, fejn matul Lulju, inġbarna darbtejn biex nisimgħu diskorsi u nivvotaw. Strasburgu hi belt sabiħa – ħafna jsostnu li hi “isbaħ” minn Brussell. Dwar hekk, għandi d-dubji tiegħi; tipposedi stil u “vokazzjoni” differenti, dak minnu. L-“antipatija” tagħha hi l-komplikazzjonijiet biex tasal fiha f’qasir zmien.
M’hemmx linji tal-ajru diretti lejha li huma konvenjenti. Dan ma jgħoddx biss għal min tielaq minn Malta, fejn forsi wieħed jifhem ħaġa bħal din. L-istess jgħodd għal min ikun ġej minn pajjizi oħra. Diġà smajt deputati mill-Olanda, l-Italja, l-Greċja u l-Litwanja fost oħrajn igergru għax isibuha diffiċli jirranġaw kif jaslu fil-belt fil-ħin.
Sadattant, il-parti qadima ta’ Strasburgu fin-naħa tal-Katidral u z-zona magħrufa bħala Franza ċ-ċkejkna hi pittoreska ħafna u filgħaxija, talanqas fis-sajf, timtela turisti u residenti li jiffullaw fir-ristoranti u l-bars. Matul il-ġurnata bix-xmara għaddejja minn bejn il-ġnub tal-gzira mdaqqsa fin-nofs, id-dehriet tat-toroq u l-bini jpaxxu l-għajn.
Il-Parlament Ewropew jinsab fit-tarf tal-boulevard wiesa’, ir-Robertsau (fejn hemm l-uffiċċju tad-delegazzjoni Maltija għall-Kunsill tal-Ewropa) li joħroġ ’il barra miċ-ċentru u jwasslek quddiem il-binja tal-Kunsill tal-Ewropa. Filfatt, il-binjiet tal-Parlament Ewropew imissu ma’ dawk tal-Kunsill.
Hemm raġuni oħra għad-dwejjaq tal-parlamentari bl-għazla ta’ Strasburgu għal-laqgħat tagħhom: l-għazla tfisser spejjez kbar zejda, peress li kull karta u kull uffiċjal meħtieġa għal-laqgħat iridu jinġabu minn Brussel u jittieħdu lura kull darba li ssir laqgħa. Madankollu kien imnizzel fit-trattati tal-bidu li waqqfu l-Unjni Ewropea li Strasburgu kellu jkun is-sit tal-Parlament Ewropew. Franza u wisq anqas il-belt innifisha qatt ma aċċettaw li din il-klawsola tinbidel.

***

NOMINI

It-tfittxija għal lista sħiħa ta’ kummissarji għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida kompliet tul Awwissu. Fl-aħħar tax-xahar, il-Kunsill Ewropew iltaqa’ biex isammar l-ismijiet ta’ min se jkunu l-President Ewropew u l-Viċi President tal-Kummissarju responsabbli mill-affarijiet barranin. Il-Kunsill Ewropew kien diġà ltaqa’ darb’oħra f’Lulju dwar l-istess ħaġa u baqa’ ma wasalx għal ftehim.
Il-karigi ta’ President Ewropew u tal-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-affarijiet barranin huma mitqiesa bħala postijiet ta’ importanza kbira. L-għazla ta’ min jidħol għalihom tinfluwixxi fuq il-karigi l-oħra li jitqassmu fi ħdan il-Kummissjoni. Il-manuvrar bejn pajjizi u personalitajiet differenti ma naqsux.
Niddubita kemm dan il-manuvrar jimpressjona jew jinteressa lill-elettorati. Dawn x’aktarx li jkunu aktar interessati minflok f’kif minn Brussell, il-prospetti għal ħajjithom se jiġu mtejba. Xorta waħda baqgħu jsusu diversi kwistjonijiet dwar in-nomini li ssemmew: bħal:
–x’se jsir mill-wegħda tal-President elett tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker li jagħti kariga importanti fil-qasam ekonomiku lil kummissarju soċjalista, jekk dan x’aktarx se jispiċċa jkun Franċiz?
–se jirnexxielu Juncker jipperswadi lill-gvernijiet membri biex jinnominaw aktar nisa bħala Kummissarji? Sal-aħħar ta’ Awwissu kien qed jintqal li l-għadd ta’ nisa nominati jiġi anqas minn nofs in-nisa li servew fit-tieni Kummissjoni ta’ Barroso.

***

UFFIĊĊJI

Il-faċilitajiet offruti lill-parlamentari Maltin f’Malta biex imexxu ħidmiethom lanqas jibdew ħdejn dawk offruti lill-parlamentari Ewropej. Ikolli nammetti li wara ħamsa u għoxrin sena fil-Parlament Malti, bqajt impressjonat qatigħ b’dak li jsibu għad-dispozizzjoni tagħhom id-deputati Ewropej. Veru li quddiem dawn tal-aħħar, tinfirex muntanja ta’ proċeduri, direttivi u regoli li trid iz-zmien biex tifhem xi jfissru u għaliex trid issegwihom. Imma fl-aħħar, tifhem li hemm sistema ta’ amministrazzjoni li, mimlija kif inhi bil-burokrazija, hi meħtieġa biex tizgura li l-faċilitajiet offruti jintuzaw tajjeb.
Per ezempju, kull deputat Ewropew isib għad-dispozizzjoni tiegħu fil-binja tal-Parlament uffiċċju fejn jista’ jilqa’ n-nies, armat b’kompjuter imqabbad mal-internet, fax u magna tal-istampar; telefown li jaħdem ukoll b’video; u televixin li jqabbdek mal-kamra fejn qed isiru l-laqgħat tal-Parlament u l-kumitati tiegħu, barra milli għandu rabtiet ma’ xi 60 stazzjon televiziv. Dan kemm fi Strasburgu u kemm fi Brussel; f’tal-aħħar, kull deputat għandu wkoll zewġ uffiċċji oħra għall-uzu ta’ assistenti li l-Parlament jimpjegalu minn baġit issettjat għal kull membru.
Nimmaġina li kieku l-Parlament tagħna kien attrezzat b’mod li fil-bogħod fil-bogħod, jixbah l-arranġamenti tal-PE, il-ħidma tad-deputati Maltin tissaħħaħ bil-kbir. Zvilupp bħal dan x’aktarx ikollu jintrabat ma’ bidla li twassal biex id-deputati Maltin isiru “full time” – ħaġa li jien dejjem qiest li ma tantx tkun siewja fil-qafas tas-soċjetà Maltija. Forsi kelli zball.

***

GALILEO JFALLI

Kienet aħbar ta’ dizappunt kbir dik li l-aħħar missjoni tal-proġett Galileo li qed itella’ satelliti fl-ispazju biex joħloq sistema ta’ kumnikazzjoni globali Ewropea falliet. Is-satelliti Galileo li ttellgħu fit-22 u t-23 ta’ Awwissu, il-ħames u s-sitta fis-sensiela, ma daħlux fl-orbita li ngħatatilhom. Anzi marru f’direzzjoni opposta.
L-Unjoni Ewropea ħatret bord ta’ inkjesta b’poteri wiesgħa biex jara x’wassal għal dal-falliment li jiswa mijiet ta’ miljuni ta’ ewro. Fil-bord hemm rapprezentanti tal-aġenziji spazjali Ewropej li qed jieħdu sehem fil-proġett, kif ukoll tal-organizzazzjoni Russa li pprovdiet ir-rockets Soyouz ħalli ttella’ s-satelliti Galileo fl-ispazju. Beda jintqal li l-aħħar fazi tal-operazzjoni li kellha ssir mis-Soyouz marret zmerċ kompletament.
Dnub li dan il-proġett siewi u interessanti kellu jiltaqa’ ma’ dan l-intopp.

Facebook Comments

Post a comment