Meta kont membru tal-Parlament Malti, kont ingerger ħafna dwar kif jiġu trattati mill-gvern il-mistoqsijiet li jagħmlu deputati tal-Oppożizzjoni. Jew it-tweġibiet jingħataw tard ħafna, jew ma jingħatawx għax dejjem jitħallew għal xi seduta oħra, jew jaslu b’informazzjoni li tkun apposta mħawda jew nejja biex fatti importanti jinħbew. Naħseb li konna ġustifikati nikkritikaw ukoll l-arranġamenti li bihom jiġu skedati l-mistoqsijiet u t-tweġibiet fil-programm parlamentari Malti.

Issa bħala deputat fil-Parlament Ewropew nista’ nqabbel kif f’dal-Parlament, fejn ma hemmx gvern u oppożizzjoni, jittrattaw il-mistoqsijiet tal-membri tiegħu ma’ x’jiġri f’Malta. Waħda mis-sorpriżi tiegħi kienet li mqabbla ma’ tal-Parlament Ewropew, il-mistoqsijiet parlamentari f’Malta jingħataw trattament bil-wisq aħjar milli fi Brussell.

Hawn, kważi kull tweġiba ddum mat-tliet xhur jekk mhux aktar biex tasal. Ħafna drabi l-informazzjoni jew il-kummenti li jkun fiha jibqgħu opaki għall-aħħar; meta ma jkunux sempliċi ripetizzjoni ta’ xi jkun inħareġ fuq il-websajts tal-Kummissjoni Ewropea.

Eżempju klassiku hu mistoqsija li għamilt ilu ħafna dwar l-uffiċċji kontaminati bl-asbestos fil-Lussemburgu fejn qed jaħdmu mpjegati tal-KE, inkluzi Maltin. Sa issa għadni bla tweġiba, għalkemm fil-midja tal-Lussemburgu ngħatat informazzjoni li qed nistaqsi dwarha.

***

Door to door

Il-ġimgħa li għaddiet kont il-Mosta nħabbat il-bibien tad-djar ma’ kandidati għall-elezzjonijiet lokali ta’ hemm. Hi ħidma politika li matul is-snin saret togħġobni ħafna għax toffri l-opportunità li ssir taf mill-qrib l-isfidi u l-problemi fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Fil-bidu nett kienet ”tbeżżagħni” xi ftit – il-biża’ ta’ kif se tintlaqa’ min-nies. L-esperjenza tgħallmek kif għandek torganizzaha u ġġib ruħek.

Il-laqgħat li tingħata jvarjaw bil-kbir, minn merħba mill-aktar ġenwina sa tisbita ta’ bieb imbexxaq, barra dawk magħluqa. Trid taċċetta bi tbissima kulma tiltaqa’ miegħu.

Biss nemmen li żjarat hekk iridu jiġu organizzati bil-galbu u trid tgħarraf minn qabel bil-mawra tiegħek lill-familji li tixtieq iżżur. Li titfaċċa fuq l-għatba tagħhom b’sorpriża mhijiex idea tajba.

***

Wirja tax-xjenza

Il-wirja tax-xjenza mtellgħa mill-NSTF (il-fondazzjoni tal-vjaġġi tal-istudenti) fil-kulleġġ tal-MCAST hi tassew interessanti.Tagħti stampa tal-formazzjoni xjentifika li l-MCAST iforni lill-istudenti tiegħu, kif ukoll tipprovdi pjattaforma fejn studenti tal-klassijiet primarji u sekondarji sas-Sixth Form juru l-proġetti xjentifiċi li qed jaħdmu fuqhom.

Li spikka għalija kien l-entużjażmu li wrew l-istudenti ż-żgħar biex ifissru l-proġetti li kienu qed jippreżentaw u s-serjetà li biha l-istudenti l-kbar fissru l-inizjattivi ta’ riċerka li qed jippjanaw u jwettqu b’mod impressjonanti.

Iddispjaċieni ħafna li minħabba impenn ieħor, ma stajtx inżur il-preżentazzjonijiet mill-bidu sal-aħħar. Darb’oħra niżgura li jkolli ħin għal kollha.

Facebook Comments

Post a comment