Il-kontroversja kbira fl-Ewropa dil-ġimgħa baqgħet tagħqad dwar l-elezzjonijiet fil-Greċja. Ftit kien hemm fhiex nistagħġbu b’ħaġa bħal din. Kienet il-Greċja li tellqet il-krizi tal-ewro ta’ ftit tas-snin ilu. Minn dak iz-zmien lil hawn, baqa’ jtektek id-deni Grieg, hekk kif l-issikkar taċ-ċinturin finanzjarju li ġie impost fuq il-Greċja ħoloq ħafna tbatijiet hemmhekk. U issa, l-gvern tal-Prim Ministru Samaris li kien qed imexxi l-awsterità biex ikun konformi mas-self li z-zona ewro tat lil pajjizu, spiċċa sfiduċjat.
Il-Ġermanja hi l-pajjiz li ħareġ l-aktar fondi fuq is-self Grieg. Hi zgur ma tistax taċċetta l-proposti li qed jagħmel il-partit li jidher se jkun rebbieħ fl-elezzjoni, Siriza – talanqas skont il-bazi tal-pozizzjonijiet li dan il-partit ħa sa issa. Ċerti stqarrijiet li għamlu kelliema Ġermanizi kienu fis-sens li jinsabu lesti li jikkonfrontaw lill-Greċja u jekk gvern ġdid jikkonferma t-talbiet ta’ Siriza, iħalluha tfalli u toħroġ miz-zona tal-ewro. Qabel, ħaġa bħal din kienet titqies katastrofika għall-ewro. Illum iddaħħal bizzejjed ilqugħ kontra l-krizijiet biex il-falliment u t-tluq tal-Greċja mill-ewro jistgħu jitwettqu bla ma jħarbtu kollox. Kien b’din it-tip ta’ stqarrija li l-kontroversji kkargaw.
Kemm nistgħu ngħaddu mingħajr il-Greċja? Effettivament ħadd u xejn fil-ħajja mhu indispensabbli. Min-naħa l-oħra ħadd ma jista’ jbassar x’se jkunu tassew il-konsegwenzi tat-tluq tal-Greċja fuq il-kredibilità taz-zona ewro bħala sistema monetarja magħquda. Jew jekk hux se jkunu nfettati pajjizi membri oħra bid-deċizjoni li l-Griegi jistgħu jieħdu biex iwaddbu minn fuqhom il-piz tal-awsterità. F’dawk iċ-ċirkostanzi ħadd ma jaf ezatt x’jista’ jiġri mbagħad mill-Greċja.
Mal-kontroversja, jingħaqdu l-inċertezza u l-instabbiltà. Mhux ta’ b’xejn li aktar ma avvanzat il-ġimgħa, aktar il-kelliema Ġermanizi wrew kawtela fil-mod kif jinkwadraw is-sitwazzjoni li qed tizviluppa. Sadattant, is-swieq globali tal-flus qiesu li l-biċċa bħala waħda gravi. Il-valur tal-ewro waqa’ sew. Seta’ ġara wkoll li t-twissijiet Ġermanizi servew biex iħarrxu aktar lill-votanti Griegi kontra l-awsterità u b’hekk ġabu rizultat kontrarju għal dak li xtaqu dawk li għamluhom.
Hi sitwazzjoni delikata li għad baqagħlha tizviluppa sew fil-ġimagħtejn li jmiss.

***

L-UNJONI EWROPEA U L-LIBJA

Quddiem il-Parlament Ewropew qed titħejja mill-grupp tas-soċjalisti rizoluzzjoni oħra dwar il-Libja. Fiha jissemmew il-punti kollha li jqanqlu inkwiet kbir dwar kif dan il-pajjiz ġar tagħna donnu riesaq lejn gwerra ċivili bla ħniena.
Hi ħaġa naturali li nistaqsu bħala Maltin u bħala Ewropej kif nistgħu nkunu ta’ għajnuna biex ngħinu fit-twittija tal-problemi li qed jinqalgħu bejn partijiet differenti tal-ġens Libjan. Min-naħa ma tridx tidher qed tindaħal fi kwistjonjiet interni, li huma ta’ ħaddieħor. Min-naħa l-oħra, is-simpatija u l-interess jimbottawna biex nieħdu sehem attiv f’li jista’ jsir ħalli tinġab il-paċi fil-Libja.
Fost ħafna rapprezentanti tal-Unjoni Ewropea jinħass l-istess sentiment. Il-problema hi li bejn ix-xewqa u r-rieda, u t-twettiq tagħhom, tqum il-problema tal-mezzi. Fil-konkret, x’għandna biex inkunu nistgħu nikkontribwixxu għal ftehim bejn il-Libjani? Il-kliem tajba, kemm trid: dawk mhumiex problema; imma jidher sew li mhumiex bizzejjed. Jonqsuna l-metodi, l-istrutturi ta’ djalogu u l-mezzi li bihom nistgħu nirbħu l-fiduċja tal-partijiet li qed jissieltu bejniethom fil-Libja u nġibuhom flimkien.
Aħna għandna dil-problema bħala Malta, u l-istess l-Unjoni Ewropea. Se nivvota bil-qalb favur ir-rizoluzzjoni li qed titħejja fil-Parlament Ewropew. Biss m’inix konvint li se sservi ħafna biex tissolva l-krizi Libjana. Talanqas… u forsi din hi ħaġa importanti wara kollox… turi li hemm fl-Ewropa ħafna u ħafna nies li għandhom interess ġenwin fil-Libja u jixtequha mill-ġdid terġa’ tibda tikkontrolla d-destin tagħha f’għaqda bejn il-Libjani kollha.

***
ENERĠIJA

Il-prezz taz-zejt baqa’ jaqa’. B’hekk qed jimmina l-importanza li ħa l-gass fl-aħħar snin. Bl-istess mod, qala’ daqqa kbira z-zejt (shale oil) li kien qed jittella’ bi spiza baxxa minn taħt l-art b’teknika ġdida li tqajjem problemi ambjentali kbar.
Sadattant, minħabba t-tilwima fuq l-Ukrajna, proġetti maħsuba biex iġibu l-gass Russu lejn l-Ewropa jew qed isibu diffikultajiet jew jekk huma ġodda, twaqqfu ħesrem. F’dan kollu, mhux qed ikun hemm biss kalkoli ekonomiċi u ta’ inġinerija. Per ezempju jintqal li l-Għarabja Sawdija qed tibqa’ tippompja z-zejt, (minkejja li b’hekk se tkompli traħħaslu l-prezz) għal zewġ raġunijiet: l-ewwel appuntu biex tgħezzez lill-produtturi tax-shale oil. U t-tieni biex iddgħajjef lill-Iran, li jiddependi ħafna miz-zejt li jesporta biex izomm l-ekonomija tiegħu għaddejja.
Bħal fil-kaz tal-maniġġi finanzjarji li jseħħu fuq skala globali, iċ-ċaqliq tan-negozji fil-qasam tal-enerġija qed isir dejjem aktar globalizzat. L-Unjoni Ewropea bdiet tħoss il-ħtieġa li ddaħħal politika komuni Ewropea li torbot u ssostni l-bzonnijiet f’enerġija tal-pajjizi membri. M’għadhiex tagħmel sens, qed jintqal, li kulħadd jitlaq għal rasu.
M’hawnx nuqqas ta’ qbil dwar hekk; anzi, kulħadd jaqbel li hekk għandu jkun. Madankollu, nissuspetta li meta l-affarijiet jiġu biex jitħaddmu, se jkun hemm aktar minn pajjiz wieħed li waqt li jsostni ħaġa, ikun qed jixtieq oħra.
Il-Kummissjoni ta’ Juncker wiegħdet li se tpoġġi politika magħquda fil-qasam tal-enerġija bħala waħda mill-miri tagħha. Il-proposti kif dan għandu jsir ma jonqsux. Se jizdiedu fiz-zmien li ġej. Fattur ewlieni se jkun jekk hux se tkompli għaddejja, jew se tieqaf it-tilwima perikoluza bejn Ewropej u r-Russja. Il-politika Ewropea li trid titfassal fil-qasam tal-enerġija se tkun marbuta bil-kbir ma’ kif jizviluppaw ir-relazzjonijiet mar-Russja.

***

KONTRA L-IŻLAM?

Mal-bidu tas-sena reġgħu skattaw fil-bliet tal-Ġermanja dimostrazzjonijiet kontra l-firxa tal-Izlam fis-soċjetà tal-pajjiz. Jidher li dan hu moviment li qed jikber, għalkemm inzammu wkoll dimostrazzjonijiet kontra dawk li qed jitbezzgħu mill-Izlam. L-istess kanċellier Merkel ħarġet fil-beraħ tikkundanna l-għajta kontra l-Izlam għax tiċħad il-valuri tat-tolleranza u tad-diversità li għandhom jimmarkaw iċ-ċiviltà Ewropea.
Biss, il-fenomenu ta’ biza’ quddiem il-wasla tal-Izlam qed jikber f’pajjizi oħra Ewropej fost nies li qed isostnu li saru jħossuhom barranin fl-istess komunitajiet fejn twieldu u għexu ħajjithom. Hu t-tip ta’ biza’ li kien jissemma fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor perezempju, f’subborgi Inglizi li f’daqqa waħda mtlew b’immigranti mill-Pakistan u mill-Indja.
Sentimenti bħal dawn fi kwalunkwe komunità huma ta’ tħassib. L-intolleranza magħquda mal-biza’ minn ħaddieħor (li jgħix qribek) hi taħlita perikoluża ħafna. Biss min-naħa l-oħra, hu inutli li wieħed iqis li l-aħjar strategija tkun dik li sempliċement tinjora jew tikkundanna l-istess sentimenti. Trid tara xinhu li qed jikkawzahom ħalli l-bidliet soċjali li jirriflettu jiġu ffaċċjati u mmaniġġjati b’mod li jzomm l-armonija bejn il-partijiet differenti tas-soċjetà, ġodda u qodma. Kullimkien fl-Ewropa (inkluza Malta) qed naraw jitqanqlu u jitħawdu b’rata qawwija l-bilanċi soċjali. Għalhekk m’għandniex nistagħġbu li daqstant nies jispiċċaw imħawda u mbeżżgħa.
Sadattant fi Franza bħalissa qed titqanqal kontroversja dwar rumanz ġdid ta’ Michel Houellebecq, mitqies bħala l-kittieb imqareb tal-letteratura Franċiza tal-lum. “Soumission” jittratta dwar kif fis-sena 2022 persuna mitqiesa bħala Izlamika moderata tilħaq President ta’ Franza fejn imbagħad jinbidlu l-istrutturi sekolari tal-pajjiz biex jibdew jippernjaw dwar valuri Izlamiċi.
Hi ħaġa ċara li l-biza’ mill-Izlam irranka kemm ilhom li ħarġu fil-beraħ l-atroċitajiet li wettqet l-ISIS fis-Sirja u fl-Iraq. Imma zgur ma rridux inħallu l-verzjoni mostruza li l-gruppi terroristi jagħtu tal-Izlam idallam il-fehma tagħna dwar din ir-reliġjon – li taħseb x’taħseb dwar ir-reliġjonijiet – hi element essenzjali tal-wirt dinji tal-bniedem.

11 ta’ Jannar 2015