Nibqa’ ngħidha. Il-qagħda fil-Libja hi delikata ħafna u anqas ma jsir kliem dwar x’għandu jsir u ma jsirx, aħjar. Il-prudenza għandha titqies bħala l-aqwa regola fiċ-ċirkostanzi.
Il-ħbiberija bejn Malta u l-Libja hi magħrufa sew. Irridu nuru li lesti nsostnuha billi nagħmlu kull ma’ jista’ jgħin lill-poplu Libjan jirregola bl-aħjar mod il-problemi enormi li qed jaffaċċja.
Għandna nħallu lill-gvern Malti jieħu l-pożizzjonijiet li jqis li huma l-aħjar, mingħajr ma noqogħdu nfettqu. Irridu nagħtuh l-ispazju kollu biex jimmanuvra kif iqis l-aħjar, konvinti li se jaħdem fl-aqwa interess nazzjonali. Jekk iqis li għandu jżomm lill-Oppożizzjoni nfurmata b’li qed jagħmel, ikun qed jagħmel tajjeb, anki jekk f’imgħoddi qarib, forsi ma kienx jiġri l-istess.
Fuq kollox, il-kontroversji partiġġjani quddiem is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa huma mhux biss pwerili imma wkoll perikolużi.

***

DISKUSSJONI

Grupp ta’ studenti universitarji li jsegwu l-iżviluppi Ewropej minn perspettiva federali organizzaw diskussjoni dwar l-aħħar ġrajjiet fiż-żona ewro wara li l-partit tas-Siriża rebħu l-gvern fil-Greċja.
Ma attendewx eluf ta’ studenti imma dawk preżenti kienu interessati fis-suġġett u qajmu mistoqsijiet importanti li għad m’hemmx tweġiba ċara għalihom. Fuq kollox, hemm il-kwistjoni ta’ kif l-aħjar għandha tiġi trattata t-talba… jew insistenza… Griega biex id-djun li tellgħu mal-pajjiżi taż-żona ewro jinħafrulhom. Il-kummenti li smajt tawni perspettiva differenti fuq dak li nemmen jien u fuq il-perspettivi li joħorġu mid-dibattiti li nieħu sehem fihom minn Brussell.
Tkellimna wkoll dwar il-ftehm li qed jiġi negozjat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar il-ħolqien ta’ suq wieħed bejniethom fl-oqsma tal-kummerċ, servizzi u investimenti. Anki hawn, tqajmu punti rilevanti ħafna għad-diskussjoni li tinsab għaddejja bejn l-Amerika u l-Ewropa.

***

BLACK VENUS

Meta fl-1968 ħareġ ir-rumanz “Black Venus” ta’ Jef Geeraerts qanqal kontroversja kbira u l-awtur ġie akkużat b’razziżmu u pornografija. Għal min jaqrah illum, dik l-akkuża għadha tista’ tgħodd. Ir-rumanz jiddeskrivi l-ħajja ta’ amministratur kolonjali fl-aħħar snin tal-ħakma Belġjana fuq il-Kongo.
L-inċidenti jakkumulaw wieħed wara l-ieħor f’eċċess ta’ xorb, sess, abbuż ta’ poter u korruzzjoni. Biss meta l-protagonist jintbagħat fuq spedizzjoni militari f’parti oħra tal-Kongo, insiru nafu ftit li xejn dwar x’ġara matul dak iż-żmien ħlief permezz ta’ flashback jew tnejn f’sekwenzi li donnhom ħolma trawmatika.
Effettivament ir-rumanz jista’ jinqara bħala denunzja ħarxa tat-tmexxija kolonjali skandaluża tal-Belġju fil-Kongo li warajha ħalliet konsegwenzi diżastrużi li għadhom jinħassu sal-lum. Jagħti stampa konkreta u ta’ spiss diżgustanti dwar kemm il-ħakma tal-“bojod” fuq l-Afrika “sewda” kienet waħda qerrieda.

Alfred Sant
19 ta’ Frar 2015

Facebook Comments

Post a comment