Mistoqsija kbira dwar l-Unjoni Ewropea kif kostitwita llum, hi jekk hux possibbli għaliha li tmexxi politika barranija komuni – waħda jiġifieri li tkun l-istess għall-pajjizi membri tagħha meta tiġi biex tittratta ma’ pajjizi sovrani li jinsabu barra l-Unjoni?
Id-domma hi li kull pajjiz membru għandu jagħmel minn kollox, waqt li jżomm il-ħelsien tiegħu, biex jikkordina l-pożizzjoni diplomtika tiegħu ma’ dik tal-membri l-oħra tal-Unjoni. Ġieli din il-linja tħaddmet u rnexxiet. Imma meta jqumu problemi komplikati u li jaħarqu, għad jinqalgħu diffikultajiet kbar biex pajjizi Ewropej differenti jallinejaw ruħhom ma’ xulxin. Dan ma jiġrix minħabba xi kalkolu ħajjen minn pajjiz jew ieħor. Jiġri sempliċement għax minkejja li jinsabu f’għaqda Ewropea b’suq wieħed u kollox, bejn il-pajjizi Ewropej membri ta’ din l-għaqda jippersistu differenzi ta’ interess nazzjonali li huma ġenwini u sostanzjali
Hemm id-differenzi li jinqalgħu mill-qagħda ekonomika li ma tkunx l-istess ta’ bejn l-istati. Hemm il-qagħda ġeografika tagħhom, bir-rizorsi naturali li tfornilhom jew ma tfornilhomx. Hemm ir-relazzjonijiet li jkunu bnew matul sekli twal ma’ ġirien differenti. Hemm il-qrubija etnika u lingwistika li mhux lakemm tinsiha… Kollha fatturi dawn li jkomplu juru kif l-Ewropa, igħidu xi jgħidu, tibqa’ Ewropa tan-nazzjonijiet.
Hu għalhekk li minkejja l-isforzi li jsiru biex tinbena politika barranija komuni, malajr f’dak li jkun qed jinbena, jibdew jidhru l-konsenturi. Fil-fatt dak li jista’ jintqal dwar politika barranija komuni, jista’ jittenna bl-istess qawwa fir-rigward ta’ politika komuni tad-difiza. Minkejja li kemm ilha ħajja l-Unjoni Ewropea, l-membri tagħha qarbu ħafna lejn xulxin, baqgħu differenzi – ġieli kbar – fil-mod kif jiġbidhom l-interess nazzjnali.
Juruna dan fost oħrajn, il-kazi tal-Libja u tar-Russja fl-Ukrajna.

***

IL-LIBJA

L-appelli biex l-Unjoni Ewropea tieħu rwol aktar importanti fil-krizi tal-Libja ma waqfux. Ħalliha li kienu zewġ pajjizi membri tal-Unjoni li telqu bil-qawwa f’interventi li wasslu għall-waqa’ tar-reġim ta’ Ghaddafi. Issa li l-izviluppi fil-Libja resqu qrib l-anarkija u agħar, l-pajjizi Ewropej qed joqogħdu b’seba’ għajnejn kif jiddeffsu jew ma jiddeffsux fil-problema. Ma jridux jinqabdu f’xi taħwida traġika bħal tas-Sirja. Min-naħa l-oħra jafu li l-Libja hi qrib sew tagħhom u li l-instabbiltà fiha jekk tibqa’ titwal, tista’ ġġib magħha perikli għat-territorju Ewropew.
Madankollu baqgħu jinħmew differenzi kbar ta’ apprezzament fil-mod kif pajjiżi membri tal-Unjoni qed iqisu l-isfida. L-akbar differenzi jqumu skont id-distanza li tifred lill-membri differenti mil-Libja nnifisha. Aktar ma huma qrib – bħall-Italja u Malta – aktar issibhom favur xi ħidma komuni. Aktar ma jkunu mbiegħda, anqas huma interessati.
Verità oħra hi li l-Ewropej dejjem sabuha diffiċli biex jibnu politika komuni koerenti dwar il-Mediterran. Għal ħafna zmien, kien jintqal li raġuni ewlenija għal dan ġejja mid-differenzi li dejjem tqajjem it-tilwima bla tmiem ta’ bejn Izrael u l-Palestinjani. Imma jirrizulta li anki fejn iqumu kwistjonijiet Mediterraneji li mhumiex affettwati direttament minn din it-tilwima, fosthom il-Libja, l-apprezzamenti li jaslu għalihom l-Ewropej jibqgħu differenti. B’hekk jibqgħu bogħod milli jieħdu inizjattivi komuni li jkunu tassew ta’ portata qawwija.
Meta qam diskors dwar il-possibltà ta’ intervent militari jew kważi fil-Libja, ftit kien hemm appoġġ minn pajjizi li mhumiex fid-dawra tal-Mediterran. Veru li mossa bħal din tinvolvi perikli kbar. Imma lanqas dawk li kienu minn ta’ quddiem biex jattakkaw lill Ghaddafi ma wrew entuzjazmu għal avventura oħra.
Dwar preżenza akbar tal-Ewropej fil-Libja, kull ma ġara kien li l-ministri Ewropej saqsew biex isiru studji dwar kif ħaġa bal din tista’ titwettaq. Dan kien mod ieħor kif il-proposta tinzamm lura kemm jista’ jkun.

***

IR-RUSSJA

Minn barra, it-tħaddim ta’ sanzjonijiet lejn ir-Russja dwar l-izviluppi tal-Ukrajna jista’ jiġi prezentat bħala xhieda li fejn iridu, il-pajjizi Ewropej jafu jaslu għal politika komuni. Hawn, bejniethom hekk kif aggravat il-krizi tal-Ukrajna, il-membri tal-Unjoni Ewropea ftiehmu l-ewwel dwar sanzjonijiet fuq membri tal-gvern Russu, u wara fuq mizuri li affettwaw l-operat tas-sistema finanzjarja Russa. U kellhom imbagħad jaffaċċjaw flimkien ir-ritaljazzjoni Russa, li nediet embargo fuq il-kummerċ ta’ prodotti tal-biedja ġej mill-Unjoni Ewropea.
Sallum, minkejja li l-kumplikazzjnijiet fil-kwistjoni tal-Ukrajna baqgħu jiżdiedu, għad m’hemmx fehma waħda sħiħa bejn il-membri tal-Unjoni Ewropea dwar kif l-aħjar jipproċedu flimkien. Meta ġew biex jikkunsidraw dax-xahar jekk kellhomx minn issa jtawlu ż-żmien tas-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja, ma nstabx qbil. Min ried li d-deċiżjoni tittieħed minn issa, min ried li tiġi posposta sas-sajf. Fost tal-aħħar żgur kien hemm min qed iqis li s-sanzjonijiet mhumiex iħallu riżultat siewi u għandhom jinħallu.
Sadattant, hemm pajjiżi, l-aktar dawk li kienu maqbuda fit-tnalja tal-Unjoni Sovjetika jew tal-Patt ta’ Varsavja, li għadhom jinsistu fuq linja ħafna aktar iebsa kontra l-Kremlin.
Sakemm jintlaħaq qbil dwar dan kollu, igħaddi ż-żmien u tkompli tnin l-aspettattiva li l-Unjoni Ewropea tista’ tippreżenta politika tassew magħquda dwar xinhu jiġri fl-Ukrajna.

***

DIBATTITU

Hemm min jgħid li dan hu ħażin għax l-Unjoni Ewropea għandha llum saħħa mondjali qawwija bħala potenza ekonomika, u jrid allura jkollha wkoll leħen ċar fuq materji ta’ politika internazzjonali li jidwu mad-dinja.
Oħrajn jgħidu li l-Ewropa hi Ewropa tan-nazzjonijiet u anke jekk ingħaqdet ekonomikment, il-leħen tagħha jibqa’ aktar qawwi jekk ikun divers.
Imma dan, jgħidu dawk li ma jaqblux, ifisser li għax bla għaqda, l-Ewropa ma tistax tinsisti li jgħaddi tagħha.
U xinhu tagħha? iwieġbu l-oħrajn: jekk għandha interessi diversi.
Id-dibattitu jkompli.

It-Torca – Il-Hadd 22 ta’ Marzu 2015

Facebook Comments

Post a comment