Parti mill-propaganda uffiċjali tal-aħħar snin kienet kif fiċ-ċirkostanzi tal-lum, kull individwu jrid jifhem li tul ħajtu (jew ħajjitha) fid-dinja tax-xogħol irid ikun lest jibdel l-impjieg numru ta’ drabi. Dan għax bit-teknoloġiji l-ġodda l-mod kif isir ix-xogħol ma jibqax l-istess imma jinbidel il-ħin kollu, hekk kif prodotti u servizzi li jiġu offruti fis-swieq jintemmu, jiġġeddu, jitjiebu jew jitwieldu bla waqfien.

Waqt li din il-propaganda baqgħet għaddejja, barra milli l-qgħad fl-Ewropa tal-anqas żdied sew, żdied ukoll ix-xogħol “part time”. Mela: ma sarux ukoll sforzi biex dan it-tip ta’ xogħol jintwera bħala attraenti? – għax, jintqal, iħalli aktar żmien lill-ħaddiema u impjegati biex igawdu l-ħajja.

Il-problema hi li f’dawn iċ-ċirkostanzi, ħaddiema żgħażagħ u oħrajn isibu li m’għandhomx bażi finanzjarja stabbli biżżejjed biex fuqha jippjanaw għall-futur, kemm jekk iridu jgħajxu familja, kemm jekk le. Aktar minn hekk, għal dawk li jaħsbu biżżejjed ’il bogħod, iqum it-tħassib dwar x’se jiġri minn pensjoni għal wara x-xogħol.

Il-prekarjat fl-impjiegi hu mifrux ħafna aktar milli jintqal.

***

Il-Knisja NGO?

Għalkemm ir-reliġjon tal-istat għadha dik Kattolika, skont il-Kostituzzjoni, fir-realtà l-Knisja Rumana f’Malta tilfet ħafna mill-influwenza reali tagħha. Agħar minn hekk, fost parti sostanzjali tal-poplu, tilfet ukoll mill-awtorità morali tagħha.

Kemm ilu li għadda r-referendum dwar id-divorzju, donnu li bħala istituzzjoni l-Knisja tilfet il-boxxla dwar kif għandha tippreżenta ruħha bħala istituzzjoni. Niddubita kemm dan għandu x’jaqsam ma’ min qed imexxi minn fuq nett, illum jew ilbieraħ. Aktar minn sforz biex timmodernizza, x’aktarx li l-problema fundamentali tal-Knisja hi kif se terġa’ ssir rilevanti fost il-poplu Malti. Dan m’għadux jaħseb aktar bil-moħħ ta’ ħamsin, jew anki tletin sena ilu.

Ironikament, il-mewġa ta’ konsumiżmu bla rażan li nieda l-gvern ta’ Fenech Adami wara l-1987 u li għadha tirrombla sal-lum, irrendiet lill-Knisja f’NGO.

***

F’Monte Kristo (2)

Kont sorpriż bl-attendenza kbira (xi 350 ruħ) f’Monte Kristo nhar il-Ġimgħa għal diskussjoni f’isem il-grupp tas-soċjalisti tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-mudell soċjali Ewropew. L-okkażjoni kienet aktar pjaċevoli għalija għax preżenti kellna lil Mario Vella li kien ili ma narah.

Skont Mario hemm aktar minn mudell soċjali Ewropew wieħed. Lest naqbel miegħu sakemm naċċettaw imbagħad li l-istrutturi fundamentali tal-mudelli jixtiebhu u ma ssibhomx f’ekonomiji kontinentali oħra (ħlief forsi għall-Awstralja).

Qbilna madankollu li waħda mill-isfidi ewlenin quddiem l-Ewropej hi kif se jsostnu l-kisbiet soċjali tagħhom huma u jaffaċċjaw il-kompetizzjoni ekonomika li ġejja minn kullimkien fid-dinja. Hi kompetizzjoni li se tibqa’ tkun organizzata skont ir-regoli tan-neoliberaliżmu.