Inkoraġġanti n-numru ta’ proġetti ġodda f’Malta li qed jissemmew bħala li tqanqal l-interess fihom. Hu importanti li jingħataw attenzjoni sħiħa biex il-proposti li qed isiru ma jispiċċawx fgati fil-burokrazija jew miżmuma ċassi għal żmien twil wisq quddiem l-eżitazzjoni ”strateġika” li ta’ spiss tinfirex f’pajjiżna quddiem dak li jinħass ġdid.

Biex inkun għedt kollox: inħossni ftit xettiku meta nisma’ bi proġetti kbar ta’ investiment. Smajt bi gzuz minnhom matul is-snin. Fil-maġġoranza enormi tagħhom jew baqgħu fuq il-karta jew dak li beda bħala iljunfant, spiċċa gremxula.

Pajjiżna għandu bżonn kbir ta’ investiment fi strutturi produttivi ġodda. Ma jfissirx li bilfors dawn l-investimenti jsiru f’fabriki jew lukandi; imma jridu jorbtu ma’ attività, tkun ta’ liema natura tkun, li tqalla’ flus lill-pajjiż.

Fl-istess ħin, huma importanti ħafna wkoll l-investimenti u inizjattivi li jwettqu ażjendi li diġà jeżistu biex iżidu fix-xogħol tagħhom. Għadni nisma’ stejjer koroh dwar kif proposti ta’ investiment hekk, baqgħu sal-lum jaffaċċjaw burokrazija qawwija li ta’ spiss toħnoqhom.

***

Riformi strutturali

Il-pajjiżi taż-żona ewro, speċjalment dawk li jinsabu ekonomikament batuti, ta’ spiss jintalbu jwettqu riformi ”strutturali”. Il-bżonn tagħhom jintqal li ġej mill-fatt li l-ekonomiji Ewropej jeħtiġilhom jimmodernizzaw rwieħhom billi jibdlu l-mod kif imexxu l-affarijiet. Imbagħad jirnexxilhom isostnu l-kompetittività tagħhom biex iħarsu u joħolqu l-impjiegi.

L-istess riformi madankollu ħadu fama kerha. F’ħafna pajjiżi spiċċaw lista ta’ miżuri li bihom tnaqqsu pagi, impjiegi u benefiċċji soċjali. Bħalikieku b’hekk biss jistgħu jitwettqu riformi li jimmodernizzaw l-ekonomija.

Jien wieħed minn dawk li jemmnu fil-ħtieġa ta’ riformi strutturali. Numru minnhom huma meħtieġa ħafna. Biss, bl-ebda mod ma tista’ tirriduċihom għat-tnaqqir tal-kundizzjonijiet li fuqhom issejjes il-mudell soċjali Ewropew.

***

Taxxi

Proposta li qed tissemma aktar ta’ spiss fi Brussell hi favur li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jqarrbu dejjem aktar lejn l-istess struttura ta’ taxxi, mhux l-anqas fuq il-profitti u d-dħul. Jaqblilna bħala Malta? Ma jaqblilniex?

Min qed jagħmel il-proposta jargumenta li mhux sew li tissensel kompetizzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej dwar min se jiċċarġja l-anqas taxxa ħalli jattira lejh l-ażjendi ta’ pajjiżi oħra. Jargumenta li jekk se ssir din il-kompetizzjoni, irid tal-anqas jiġi żgurat li tkun waħda ġusta. Jibqa’ ma jintqalx kif se tkun ġusta u kif se titkejjel din il-ġustizzja.

Ħafna mid-diskors li qed insemmi qam wara li nstab kif ħafna kumpaniji kbar kienu evitaw li jħallsu t-taxxi billi rreġistraw l-uffiċċji tagħhom fil-Lussemburgu. Id-diskors mhux se jieqaf kif ġieb u laħaq.

Facebook Comments

Post a comment