Hekk kif riesaq l-aħħar tas-sena, l-Unjoni Ewropea u l-membri tagħha qed ikollhom jaffaċċjaw sitwazzjoni politika tassew komplikata. Hi ħaġa ċara li l-krizijiet tal-immigrazzjoni rregolari u tat-terrorizmu qed joħolqu diffikultajiet kbar kemm biex tinstab soluzzjoni għalihom, kemm biex din titwettaq meta tinstab. Lil hinn minn hekk madankollu, is-sitwazzjoni hi komplikata għax kibru fl-aħħar zminijiet id-dubji bejn l-istati membri dwar kemm jistgħu jafdaw wieħed lill-ieħor.
Il-mod kif il-populizmu qed jissaħħaħ fil-pajjizi membri, mhux l-anqas fi Franza; il-wasla ta’ gvernijiet li huma xettiċi dwar l-Unjoni Ewropea, bħal fil-Polonja, jew ta’ oħrajn bħal fl-Ungerija u s-Slovakkja, li qed ikollhom diffikultajiet jaqblu ma’ linji politiċi mħaddna mill-Unjoni — biex ma nsemmux lir-Renju Unit bit-talbiet speċjali tiegħu; l-attakki minn taħt fuq pajjizi li għandhom sistemi ta’ taxxi li huma eħfef minn ta’ ħaddieħor; it-tkabbir ekonomiku fraġli u anki l-istaġnar li qed jippersistu fl-Ewropa, b’qgħad li għadu kbir ħafna, speċjalment fost iż-żgħażagħ — dawn kollha huma fost il-fatturi li matul l-aħħar xhur, servew ta’ toqol kostanti fuq it-tmexxija Ewropea.
Mhux ta’ b’xejn li l-President tal-Parlament Ewropew Schulz qed jimmoltiplika t-twissijiet tiegħu dwar il-periklu li jinsab quddiem l-Ewropa magħquda. Skont hu, l-isfidi u l-problemi mhumiex qed jiġu ffaċċjati b’mod li jagħti fiduċja lill-popli li jistgħu jingħelbu.

L-EFFETTI TAL-IMMIGRAZZJONI

Fl-aktar qasam jaħraq, dak tal-immigrazzjoni, minkejja l-pożizzjonijiet li ttieħdu mill-Kunsill Ewropew, baqgħu dubji sħaħ dwar kemm id-deċiżjonijiet meħuda se jitwettqu. L-istati membri tal-Unjoni waqgħu lura bil-kbir fuq l-impenji li kienu daħlu għalihom, pereżempju li jaċċettaw it-tpoġġija fosthom ta’ refuġjati skont tqassim bi kwota. Waqa’ lura wkoll bil-kbir il-programm li bih pajjiżi membri li qed jaslu r-refuġjati għandhom, kellhom iwaqqfu ċentri fejn jitlaqqgħu r-refuġjati deħlin biex jiġu dokumentati u jsiru l-arranġamenti dwar fejn se jintbagħtu.
L-Islovakkja u mid-dehra wkoll magħha issa l-Ungerija u l-Polonja, se tikkontesta fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew mal-Kummissjoni Ewropea, li tinforza t-tqassim tar-rifuġjati skont kwota. L-Awstrija bdiet tibni barrieri mal-fruntiera tagħha mas-Slovenja.
Qed issir kritika ħarxa tal-Greċja talli din sempliċement qed tilqa’ r-refuġjati jiżbarkaw għandha u mbagħad tħallihom jibqgħu sejrin lejn il-pajjiżi Ewropej fin-nord tagħha. Il-ministri Griegi jirrispondu li sabu ruħhom waħidhom quddiem il-mewġ ta’ wasliet, bla għajnuniet materjali jew finanzjarji, u kellhom jilqgħu kif setgħu għal dak li kien qed jiġri. Teżisti ansjetà sħiħa dwar jekk it-Turkija hix se tonora l-wegħdiet li donnha kienet qed tagħmel lill-Ewropej, biex iżżomm lura t-tluq tar-refuġjati mill-kosta tagħha.
U fil-Ġermanja, l-kanċellier Merkel kellha tħejji biex tiffaċċja l-aktar konferenza ġenerali iebsa tal-Partit tagħha kemm ilha li daħlet fil-kariga. Il-kritika kontra tagħha għall-mod kif tat sinjal lir-refuġjati biex jitilqu lejn pajjiżha m’hemmx li tieqaf, anki minn fost l-aqwa segwaċi tagħha. Sadattant, l-akbar punt ta’ konfort kien li l-għadd ta’ refuġjati jfittxu kenn donnu beda jbatti. Biss dan seta’ ġara għax il-ksieħ u l-ibħra mqallba bejn it-Turkija u l-Greċja kienu qed iħallu l-effett tagħhom.

KONSEGWENZI TAT-TERRORIŻMU

Bl-istess mod, għalkemm forsi anqas fuq din il-materja, l-isforzi biex ikun hemm politika waħda definittiva Ewropea dwar il-ħarsien kontra t-terroriżmu, qed tkarkar. Saru diskussjonijiet tekniċi komplikati fuq l-introduzzjoni ta’ sistema li żżomm informazzjoni dwar il-passiġġieri bl-ajru li jidħlu fl-Unjoni Ewropea minn barra l-fruntieri tagħha, u li jivvjaġġaw ġo fiha. Il-Parlament Ewropew kien ilu jżomm lura fuq dil-ħaġa, minħabba l-biża’ li s-sistema ta’ ħarsien tintuża biex tikkontrolla l-ħajja taċ-ċittadini. B’hekk kollox kien waqaf. Issa jidher li nstab kompromess. Il-Prim Ministru Franċiż Valls kiteb lid-deputati soċjalisti Ewropej biex iħeġġiġhom jivvotaw favur il-proposti ta’ kompromess li qiegħdin isiru. Il-Parlament suppost jivvota fuqhom fil-laqgħa plenarja tiegħu ta’ Jannar li ġej.
Imma sadattant, fuq oqsma oħra ta’ koperazzjoni fis-sigurtà, qed idum biex jinstab ftehim. Il-pulizija u s-servizzi sigrieti nazzjonali tal-pajjiżi membri ftit li xejn qed jafdaw lil xulxin u hemm min qed isibha bi tqila jgħaddi l-informazzjoni li għandu lil ħaddieħor.
Min-naħa l-oħra, kien minimu l-progress li sar fuq it-talba eċċezzjonali ta’ Franza biex is-sħab l-oħra tagħha fl-Unjoni Ewropea jagħtuha kull appoġġ fil-ħidmiet militari li biħsiebha tkompli twettaq b’risposta għall-attentati tat-13 ta’ Diċembru. Ironikament kien ir-Renju Unit li ħa l-aqwa pass, meta beda jtellaq ħbit bl-ajru fuq id-Daex, wara vot fil-Parlament Londoniż. Il-Ġermanja bagħtet vapur tal-gwerra u xi ajruplani biex iservu għall-forniment ta’ materjal lill-forzi Franċiżi, imma bir-riżerva li forzi Ġermaniżi ma kinux se jidħlu direttament fil-ġlied jew ħbit mill-ajru. Pajjiżi bħal Spanja u l-Italja għamluha ċara li se jibqgħu lura minn kull ħidma ta’ gwerra.

L-ELEZZJONIJIET REĠJONALI FRANĊIŻI

Fl-isfond ta’ dawn l-iżviluppi, fi Franza ġimgħa ilu nżammu l-elezzjonjiet reġjonali. Kienu ta’ sfrakass għall-partiti tradizzjonali, kemm tas-soċjalisti fil-gvern taħt il-President Hollande, li spiċċaw fit-tielet post, u kemm tal-lemin immexxija mill-eks president Sarkozy. Fuq quddiem nett, ġie l-partit tal-lemin estrem il-Front Nazzjonali, FN, immexxi minn Marine Le Pen. Ir-rebħa ta’ din tal-aħħar kienet akbar milli mistennija. Apparti milli l-FN għandu ċans tajjeb li jirbaħ kontroll fuq żewġ reġjunijiet tal-lanqas fi Franza, l-iskor li ġab ta’ qrib it-tletin fil-mija tal-vot fetaħ perspettiva politika ġdida li sal-lum ma kinitx tittieħed bis-serjetà. Din hi li fl-elezzjoni Presidenzjali li jmiss, fi ftit aktar minn sena oħra, Le Pen tispiċċa tirbaħ.
Il-partit tagħha ilu s-snin jippromwovi populiżmu sfrenat imma sofistikat. Jibni l-appell politiku tiegħu fuq il-biża mill-immigrazzjoni u l-ħtieġa li Franza tipproteġi ruħha minnu bil-qawwa. Il-ġrajjiet tal-aħħar sena, fejn l-immigrazzjoni u t-terroriżmu qanqlu daqstant kjass, servew biex ikabbru l-popolarità tal-FN, li għal numru ta’ Franċiżi beda jidher il-partit li jaf x’għandu jagħmel biex jiddefendihom. Kontra s-sejħa tiegħu, il-partiti tradizzjonali taċ-ċentru xellug u taċ-ċentru lemin fi Franza jidher li għadhom ma sabux tweġiba effettiva.
Il-komplikazzjoni tal-populiżmu, li mhuwiex attiv fi Franza biss, mhijiex l-iċken waħda fil-qafas tal-politika Ewropea bħalissa.

Facebook Comments

Post a comment