Interessanti kif żviluppat iż-żjara tal-President Kuban Raoul Castro fl-Italja. Mhux l-anqas il-laqgħa tiegħu mal-Papa Franġisku. Ħareġ aktar fiċ-ċar kemm il-Papa kien ħa rwol ewlieni fit-tqarrib ta’ dan l-aħħar bejn Kuba u l-Istati Uniti.

Jidher ukoll li s-simpatija bejn it-tnejn kienet qawwija għalkemm ma nifhimx għaliex dan jista’ jwassal lil Castro biex jerġa’ jsir Kattoliku prattikanti. Jekk il-pożizzjoni tiegħu sal-lum kienet dik ta’ marksist ateu, ma narax kif din tista’ tiġi affettwata minn laqgħa ma’ persuna oħra, tkun kemm tkun simpatika jew kariżmatika.

Jew forsi l-marksiżmu/komuniżmu li segwiet Kuba matul dawn is-snin kollha kien mibni fuq reazzjoni emottiva lejn kif fiż-żmien qabel ir-revoluzzjoni Kubana l-Knisja Kattolika kienet allineata mad-dittatura korrotta ta’ Batista? Dejjem ninfixel ftit meta kwistjonijiet ta’ twemmin reliġjuż personali jitħawdu mal-esperjenza politiko-soċjali.

***

Aktar dwar taxxi

Il-ħamba kontra abbużi mill-kumpaniji fl-Ewropa fil-mod kif jiżgiċċaw milli jħallsu t-taxxi dovuti minnhom għandha mnejn twassal għal żvilupp xejn mixtieq. Dan hu li tiżdied il-pressjoni biex it-taxxi fi ħdan iż-żona tal-ewro jiġu “armonizzati” – jiġifieri jitressqu lejn l-istess livelli u strutturi.

Ħaġa bħal din ma tkunx fl-interess ta’ Malta u, ngħid jien, mhux fl-interess ta’ pajjiżi oħra bħalha, ta’ daqs żgħir u medju, speċjalment lejn is-sud tal-Ewropa. Fil-qafas taż-Żona Ewro, pajjiżi hekk diġà għandhom flessibbiltà limitata meta jiġu biex jikkompetu mal-pajjiżi l-oħra taż-żona, li huma akbar u għan dhom varjetà wiesgħa ta’ riżorsi.

Biex jagħtu appoġġ lill-industrija u s-servizzi tagħhom, il-pajjiżi ċkejkna ma jistgħux jużaw aktar ir-rata tal-kambju, numru sħiħ ta’ inċentivi, id-dazji protettivi, u għadd ta’ miżuri oħra li jistgħu jkunu ta’ appoġġ għall-industrija u s-servizzi tagħhom. Baqgħalhom l-istruttura tat-taxxi biex jippromovu l-kompetittività. Jekk jitilfu l-flessibbiltà f’kif jintaxxaw, lilha wkoll, jispiċċaw f’qagħda tassew dgħajfa mqabbla mal-bqija.

Sal-lum, deċiżjonijiet dwar taxxa għadhom għalkollox ir-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali.

***

F’Monte Kristo

Nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju se norganizzaw laqgħa ta’ diskussjoni dwar il-mudell soċjali Ewropew. Is-suġġett ma jiġbidx ħafna nies imma qed isir kruċjali dejjem aktar għal kif l-Unjoni Ewropea titqies mill-popli.

Matul is-snin ta’ kriżi mill-2008 lil hawn, donnu li l-aqwa triq ta’ salvazzjoni kienet marbuta mat-tnaqqir tal-kisbiet soċjali li l-Ewropej kienu wettqu fid-deċenji ta’ qabel. Imma veru li ma kienx hemm triq oħra?

Beda jiġri li meta gvernijiet li daħħlu l-awsterità tilfu l-elezzjoni, min daħal warajhom li kien wiegħed il-maqlub, spiċċa jagħmel l-istess; dan biex ma nsemmux il-każi fejn, bħalma ġara fir-Renju Unit dax-xahar, reġa’ ġie elett gvern li kien wettaq l-awsterità.