Il-ħabib tiegħi Ivin Catania għamilli proposta. Din hi li nikteb rubrika fl-istil ta’ kull nhar ta’ Ħadd li għamilt snin twal nibgħat lit-torċa sa Frar tas-sena 2008. F’dawk l-artikli kont inħallat ”rapporti” jew kummenti ta’ ġrajjiet kurrenti ma’ spunti aktar personali dwar x’jolqotni fil-ħajja ta’ kuljum. Għal raġuni ċara, Ivin kien qed jaħseb li l-kummenti u r-”rapporti” tiegħi din id-darba jkunu l-aktar dwar xinhu għaddej fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew.
Issa ili għal aktar minn sentejn kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Tnejn nibgħat lil i news, blog ta’ 400 kelma, li xi zmien ilu beda jidher bl-Ingliz fuq id-di-ve. Zgur ma jagħmilx sens li dak li jidher hemm jirdoppja ruħu fit-torċa. Impenn bħal dak li ppropona Ivin kien se jfisser mela aktar xogħol ta’ kitba!!
Biss sibt li l-proposta li għamilli kienet waħda li ma stajtx ngħidilha le. U allura tlaqna. Fiċ-ċirkostanzi tal-lum, punt tajjeb minn fejn nibdew jista’ jkun dan li ġej.

***

L-EMBARGO RUSSU FUQ L-IKEL

L-embargo li ddikjarat ir-Rusja fuq importazzjoni tal-ikel mill-Unjoni Ewropea ħoloq problemi kbar. Tiġik it-tentazzjoni tissuspetta li l-Ewropej ma kinux stennewha xi ħaġa hekk. Biss kif jista’ jkun? Minħabba l-krizi tal-Ukrajna, fejn il-ġlieda baqa’ għaddej qatigħ matul Awwissu, huma stess kienu pproklamaw diversi mizuri qawwija ta’ sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja u uħud mid-diriġenti tagħha. Possibbli stennew li mhux se jkun hemm ritaljazzjoni?
L-aktar li ntlaqtu għalissa huma l-produtturi Ewropej tal-frott u tal-ħxejjex. Matul l-aħħar snin, dawn kienu sabu suq dejjem akbar għall-prodotti tagħhom fir-Russja, li xtrat mingħandhom bil-kbir skont politika maħsuba biex ittejjeb l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Russu. Il-problema tal-frott u l-ħxejjex tas-sajf hi li malajr jitħassru. Jekk ma jinbiegħux fi zmien qasir, għid li se jkun hemm telf kbir fuqhom għax mhux lakemm issib swieq ġodda għalihom mil-lum għal għada.
Il-Kummissjoni Ewropea, imbuttata mill-pajjizi membri l-aktar milquta, fosthom dawk tal-est li l-aktar riedu azzjoni soda kontra r-Russja, bħall-Polonja u l-Litwanja, iddeċidiet fuq pakkett ta’ għajnuniet finanzjarji għall-bdiewa u l-produtturi. Il-pakkett intlaqa’ tajjeb minnhom. Imma rapprezentanti tan-negozji involuti qalu li se jkun hemm bzonn ta’ ħafna aktar fondi malli jibdew jiskattaw il-problemi ta’ produtturi Ewropej ta’ ikel ieħor, bħal laħmijiet u ġobon.
L-embargo Russu se jolqot ħazin lir-Russja nnifisha. Hi se tispiċċa jew mingħajr ikel bizzejjed għall-ewwel, jew se jkollha tħallas prezzijiet ogħla sew għall-ikel li tixtri min barra. Sa issa – imma għadu kmieni – il-poplu Russu jidher li lest jissapporti dawn il-konsegwenzi.

***

TRID TITGĦALLEM

Wara l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju, sħabi u jien bdejna sa minn Ġunju nitilgħu kull ġimgħa lejn Brussel u mbagħad Strasburgu. Matul Ġunju l-parlamentari l-ġodda kienu għadhom ma daħlux fil-kariga, imma kienu mistennija jibdew jattendu għal laqgħat tal-gruppi politiċi rispettivi tagħhom. F’dawn il-laqgħat, l-aktar li saru kienu diskussjonijiet dwar manuvrar politiku bejn il-gruppi (popolari, soċjalisti, liberali, ħodor eċċ.) dwar min se jilħaq President tal-Kummissjoni u min se jilħaq President tal-Parlament Ewropew. Saru manuvri kbar ukoll dwar kif se jitqassmu l-pozizzjonijiet ta’ presidenti u membri tal-kummissjonijiet tal-Parlament, li fihom isir ix-xogħol il-kbir tal-Parlament – kummissjonijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ ekonomija, politka soċjali, kummerċ, affarijiet barranin, kultura u ħafna oqsma oħra ewlenin.
Minn Lulju, l-Parlament il-ġdid beda jitlaqqa’ b’mod plenarju fi Strasburgu – fejn saru zewġ seduti – u f’kumitati fi Brussell. Waqt il-plenarji, Jean Claude Juncker ġie ”elett” President għal ħames snin tal-Kummissjoni Ewropea, u Martin Schulz President għal sentejn u nofs tal-Parlament Ewropew.
Il-metodi kif jitmexxa l-Parlament Ewropew huma differenti sew minn kif jitmexxa l-Parlament Malti, u mhux biss għax id-daqs tiegħu jiġi mat-tnax-il darba dak tal-Parlament Malti. Nemmen li s-sistema kontinentali parlamentari hi differenti mhux ħazin mill-prattika Brittanika li rridu jew ma rridux, aħna nagħmlu parti minnha.
Qiest li l-ewwel ħaġa li kien jaqbilli nagħmel kienet li nieħu l-ħin tiegħi biex nitgħallem sew uħud mill-prattiċi u s-sistemi ewlenin tal-Parlament Ewropew qabel nitlaq għal din jew dik it-triq.

***

ATROĊITAJIET FL-IRAQ

Il-mod kif is-suldati tal-kalifat Izlamiku ħadu l-kontroll fuq firxiet kbar tat-territorju Iraqin ixxokkja ħafna Ewropej. Aktar u aktar meta baqgħu jinxterdu l-aħbarijiet dwar l-atroċitajiet li l-fundamentalisti Musulmani qed iwettqu kontra nies li ma għandhomx l-istess twemmin bħalhom.
Did-darba, malajr intlaħaq ftehim bejn il-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea, wara laqgħa li ssejħet b’urġenza għall-ministri tal-affarijiet barranin minn Lady Ashton, il-viċi president tal-Kummissjoni nkarigata mill-affarijiet barranin. Kull pajjiz membru tal-Unjoni seta’ jibgħat jekk irid, armi lill-forzi fl-Iraq, Kurdi u oħrajn, li qed jikkombattu kontra l-ġellieda tal-kalifat.
Fattur fid-deċizjonijiet li qed jittieħdu u jitħabbru għandu x’jaqsam ma jekk il-forzi tal-kalifat Izlamiku għandhomx bħala priġunieri, ċittadini tal-pajjizi rispettivi. Kif deher fil-kaz traġiku tal-ġurnalista Amerikan Foley, li spiċċaw qatgħulu rasu quddiem kamera għal video li xxandar mad-dinja kollha, priġuniera oħra għandhom mnejn ipattuha qares għall-azzjonijiet tal-Amerikani u tal-Ewropa.
Madankollu kollox juri li qed tissaħħaħ mhux tiddgħajjef id-determinazzjoni biex il-kalifat ma jitħalliex jirrombla ’l quddiem.
Il-ġlied u l-atroċitajiet huma mistennija jkomplu f’logħba kiefra u mdemmija.

***

BRUSSELL

Kont ngħix għal ħames snin fi Brussell bejn is-snin 1970 u 1975 – u l-bidliet li seħħew fil-belt minn dak iz-zmien mhumiex ċkejkna. Fost l-akbar bidliet li laqtuni hu kemm sirt tiltaqa’ ma’ Maltin hemm. Tkun għaddej fit-triq u jkellmuk. Jew tisma’ diskors Malti għaddej quddiemek jew warajk. Fi zmieni hemm, li tiltaqa’ ma’ Malti li ma jkunx sieħbek tal-ambaxxata kienet tkun ħaġa rarissima.
Ħaġa oħra li personalment sibtha kurjuza kienet din: fil-ħames snin li għext fi Brussell tlajt u nzilt Malta għal vaganza jew fuq xogħol xi erba’ darbiet b’kollox. It-titjiriet kienu jsiru minn Malta għal Ruma u minn hemm għal Brussell. Bejn Ġunju u Lulju ta’ din is-sena tlajt u nzilt diġà xi sitt darbiet. Mhux bl-istess mod madankollu, għax issa għandna titjiriet diretti.

***

DWEJJAQ EKONOMIKU

Id-dwejjaq ekonomiku fiz-zona ewro donnu qed jizdied mhux jonqos. Il-problemi mqanqla mill-inkwiet fl-Ukrajna ma jispjegawx waħidhom dak li jinsab għaddej.
L-ekonomiji ta’ Franza u tal-Italja qed jistaġnaw. Dik tal-Ġermanja tat sinjali li qed taqa’ lura għalkemm ħafna jinsistu li sal-aħħar tas-sena se tkun reġgħet ġiet f’postha. Qed jinstab ukoll faraġ fil-fatt li minn Spanja ħarġu aħbarijiet inkuraġġanti fl-aħħar ġimgħat. L-ekonomija Spanjola qed tikber b’rankatura rispettabbli wara snin ta’ riċessjoni.
Xorta, is-suspetti qed jikbru li mhux kollox miexi sew u li m’hemmx rankatura ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli fiz-zona ewro. Sadattant, baqgħu għaddejja t-tħejjijiet biex l-unjoni bankarja titwettaq skont il-kalendarju stabbillit għaliha. Qed jitħejjew testijiet qawwija dwar is-saħħa finanzjarja tal-banek Ewropej, kbar u zgħar. Dawk li ma jinstabux li qiegħdin jitmexxew fit-triq it-tajba, se jingħataw ordnijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew imwiezen mill-Kummissjoni Ewropea, biex idaħħlu mizuri ġodda ta’ prudenza ħalli jissaħħu.
Hemm min qed jibza’ li dan se jwassal biex il-banek jagħlqu aktar il-vitien tas-self u jiġġammjaw l-ekonomiji. Min-naħa l-oħra, il-mexxejja taz-zona ewro ma jistgħux iħallu lill-banek jitmexxew bla razan jew jinħlew fi djun kbar li jispiċċaw ma jiswew xejn, biex wara jiġu lura għand il-gvernijiet ħalli dawn juzaw il-fondi tat-taxxi li jkunu ħallsu ċ-ċittadini biex isalvawlhom ġildhom.
Hi sitwazzjoni fejn taqta’ kif taqta’, se joħroġ id-demm.

Facebook Comments

Post a comment