Il-kriżi tal-immigrazzjoni qed twassal lill-Ewropej biex jagħmlu affarijiet li żgur ma kinux jikkontemplaw li jagħmluhom sa ftit taż-żmien ilu. Xejn ma wera dan daqshekk fiċ-ċar bħas-summit li nżamm fi Brussell bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa, u t-Turkija mill-oħra. Dan l-aħħar pajjiż mhux mitqies bħala xi Superpotenza. Għalkemm il-qawwa tiegħu żdiedet sew fl-aħħar għoxrin sena, ftit jitqabbel fis-saħħa tiegħu mal-Unjoni Ewropea.
Filfatt, ilu li applika biex isir membru sħiħ tal-Unjoni. Din ma setgħetx tgħidlu le imma fil-fatt l-applikazzjoni Torka ħolqitilha imbarazz. Għal raġunijiet li ma setgħux jintqalu fil-beraħ, diversi pajjiżi membri, u mhux miż-żgħar, kienu kontra li t-Turkija tidħol membru. Fost ir-raġunijiet kien hemm: li hi pajjiż Iżlamiku għalkemm lajk; li għandha l-potenzjal biex isir l-aqwa pajjiż fl-Ewropa, u tgħaddi f’hekk lill-Ġermanja; li hi pajjiż mhux tassew Ewropew imma pjuttost Asjatiku; li bħalha membru, t-Turkija tibgħat lejn l-Ewropa tal-Punent miljuni ta’ ħaddiema bla xogħol biex jieħdu post il-ħaddiema Ewropej…
In-negozjati mat-Turkija kien għerqu fir-ramel ta’ aġġornamenti u posponimenti. Imbagħad l-istil awtoritarju fit-tmexxija tal-Prim Ministru Iżlamiku, illum President, Erdogan beda jaqla’ kritika ħarxa minn gvernijiet u għaqdiet volontarji Ewropej. It-Turkija li sadattant kienet qed tirranka bil-qawwi ekonomikament, ħassitha qed tiġi mwarrba mill-Ewropa. Bdiet tiżviluppa politika barranija ġdida billi tiftaħ rabtiet aktar qawwija mal-pajjiżi tal-Asja li fl-imgħoddi kienu parti mill-Imperu Ottoman.
L-invażjoni tar-refuġjati ġejjin mis-Sirja imma telqin mit-Turkija qalbet il-kalkoli Ewropej kollha. It-tensjonijiet li din qajmet fil-Ġermanja u fil-pajjiżi Balkani wasslu lill-Unjoni biex tibdel il-pożizzjoni tagħha lejn it-Turkija. Kellha tara kif se tinnegozja biex it-Turkija tikkopera dwar kif għandhom jintalqgħu u jinżammu dawn ir-refuġjati — fuq kollox, kif ma jibqgħux deħlin lejn l-Ewropa.
Anki l-fatt li nżamm, u bil-mod kif inżamm, is-summit kien rebħa diplomatika għat-Turkija. Fl-istess ħin, din qed ikollha konfront mar-Russja dwar ajruplan Russu li waqqgħet, waqt li qed ifur inkwiet ċivili ġdid f’diversi partijiet tal-pajjiż. Madankollu, it-Turkija żgur għandha għax tħossha sodisfatta bis-summit li kellha mal-Unjoni, li skont waħda mill-konklużjonijiet, għall-futur se jibqa’ jinżamm darbtejn fis-sena.
Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea qablet li twaqqaf fond ta’ tliet biljun ewro ħalli jintuża mis-sena li ġejja biex jipprovdi assistenza umanitarja u soċjali lir-refuġjati Sirjani, aktar minn żewġ miljuni, li jinsabu fit-Turkija. L-Unjoni Ewropea se tkun lesta biex terġa’ tagħti spinta ġdida lin-negozjati għal sħubija sħiħa tat-Turkija billi jinfetħu diskussjonijiet fuq tliet kapitli ta’ ħidma. Ukoll, qablet li jsir sforz ġdid biex tilqa’ t-talba Torka, li ilha li saret, biex ċittadini Torok ikunu jistgħu jivvjaġġaw fl-Ewropa bla viża.

IL-QAGĦDA TAL-EWROPA

Quddiem dak li qed jidher bħala d-dgħufija tal-Ewropa fil-kriżijiet li kellha taffaċċja dis-sena, mhix sorpriża li qed jiżdied l-inkwiet ta’ uħud mill-mexxejja dwar dak li qed jiġri. Tkellem ċar dwar hekk dil-ġimgħa f’intervista li ta lir-rivista Ġermaniża “Der Spiegel”, il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz. Skont hu, għalkemm l-Ewropa mhijiex tikkollassa, tinsab f’qagħda inkwetanti ħafna. Qed ikun hemm moviment kbir lejn it-tneħħija ta’ solidarjetà, l-ewwel minn fost uħud mis-soċjetajiet Ewropej, u dan l-aħħar ukoll minn fost gvernijiet sħaħ.
Schulz jara li l-Ewropej jinsabu maqbuda f’għażla bejn żewġ proposti ta’ tmexxija li qed jinfirxu mal-kontinent kollu. Hi għażla kontroversjali u diffiċli dwar kif il-popli tal-Ewropa għandhom jifhmu xinhu jiġri u dwar x’għandu jsir biex jilqgħu għall-isfidi.
Minn naħa, hemm dawk li jqisu li ma tistax tilqa’ għal żviluppi ta’ skala mondjali bħall-immigrazzjoni u t-terroriżmu bil-għodod ta’ stati nazzjonali, imma jrid ikollok risposta kontinentali. U min-naħa l-oħra, hemm dawk li quddiem l-istess żviluppi, qed jaspiraw għal rinaxximent tal-istati nazzjonali. Fl-intervista, Schult kien kritiku wkoll ta’ pajjiżu, l-Ġermanja. Qies li fid-deċiżjonijiet Ewropej li baqgħet timbotta, il-gvern Ġermaniż kien ta xhieda ta’ wisq “egoiżmu”.

AMBJENT, EKONOMIJI, TAXXI

F’dan l-isfond sadattant, xorta baqgħu għaddejja inizjattivi Ewropej li saru jitqiesu bħala rutina.
L-Unjoni Ewropea baqgħet issostni interess li fil-konferenza internazzjonali dwar il-ħarsien tal-klima li bdiet titlaqqa’ f’Pariġi, iseħħ qbil li jkun fil-linja tal-impenji li l-Ewropej lesti jieħdu dwar l-ambjent. Hemm min jgħid li dawn huma baxxi wisq u li l-Unjoni Ewropea messha kellha pożizzjoni ħafna aktar qawwija favur l-ambjent. Il-fehma maġġoritarja iżda hi li l-Unjoni qed tippreżenta l-aħjar pożizzjoni li tgħodd għaċ-ċirkostanzi tagħha u li hi politikament fattibbli. Issa hemm bzonn li ssostniha mal-ġnus l-oħra.
F’linja oħra ta’ ħidma, il-Kummissjoni Ewropea varat il-programm tagħha ta’ kull sena li matulu, wara li tkun analizzat il-baġits tal-gvernijiet membri u wara li tkun fliet l-ekonomiji tal-pajjiżi differenti, tipprova tiżgura li dawn qed iżommu fit-triq it-tajba. Kif baqa’ jiġri matul din is-sena, it-tħassib għadu jgerrem dwar kemm ir-rankatura pjuttost fjakka tat-tkabbir ekonomiku tista’ tinżamm fiż-żmien li ġej. Il-qgħad, l-aktar taż-żgħażagħ, baqa’ kbir wisq u l-inflazzjoni baxxa żżejjed. Għas-sena li jmiss, il-Kummissjoni qed tgħid li se tkun qed tagħti importanza akbar lill-iżvilupp soċjali. Mhix ħaġa ċara kemm se tkun tista’ tasal ‘il bogħod f’dan.
U mill-Parlament Ewropew baqgħet tirrombla l-kampanja kontra l-proċeduri amministrattivi li jħaddmu ċerti pajjiżi biex jgħinu lill-kumpaniji multinazzjonali jevitaw li jħallsu t-taxxi. Il-Parlament qed jirrekjedi li kull karta li tgħaddi bejn Ministeru tal-Finanzi u kumpanija biex jiftehmu dwar kemm din se tħallas taxxi, tiġi pubblikata. Aktar minn hekk, il-Parlament qiegħed jinsisti biex jiddaħħlu sistemi ġodda ta’ kif il-kumpaniji jirrekordjaw il-kontijiet tagħhom inklużi l-profitti, kif jiddikjarawhom, u kif il-pajjiżi membri jissettjaw ir-rati ta’ taxxi tagħhom.
L-ewwel riżoluzzjoni fuq din il-linja għaddiet b’maġġoranza kbira mil-laqgħa plenarja tal-Parlament Ewropew. Hu mistenni li dalwaqt tgħaddi mozzjoni oħra fuq l-istess linja, aktar qawwija. Għalkemm m’hemmx xejn xi tgħid kontra l-isforzi li jsiru biex kulħadd iħallas it-taxxi dovuti minnu, uħud mill-miżuri li qed ikunu suġġeriti jista’ jkollhom impatt ħażin ħafna fuq is-setturi Ewropej tas-servizzi finanzjarji, fosthom dak ta’ Malta.

Facebook Comments

Post a comment