Ir-rizultati ekonomiċi tajba li qed jinkisbu f’Malta jipprovdu opportunità tad-deheb biex jitwettqu ċerti riformi fondamentali f’oqsma ewlenin tal-komunità Maltija. Waqt li jkunu qed isiru, minħabba li l-ekonomija mhix taqa’ lura, anzi bil-maqlub, il-bidliet joħolqu ansjetà ħafna iċken minn fi zminijiet diffiċli.
Xorta waħda ma tantx jaqbel li ħidma bħal din titmexxa fuq front wiesa’ zzejjed. L-aħjar ikun li jintgħazlu ftit oqsma kruċjali u l-isforzi jikkonċentraw fuqhom.
Hi ħaġa ċara li l-qasam tal-enerġija ntgħazel mill-gvern, bir-raġun, biex jgħaddi mill-proċess ta’ riforma. L-Air Malta l-istess, imma hawn ilha għaddejja ħidma biex il-kumpanija titpoġġa fuq saqajha.
X’oqsma oħra jistgħu jibbenefikaw minn riformi?
L-għazla tiegħi?
L-amministrazzjoni publika. Il-forzi tas-sigurtà. Is-settur tal-industrija.

**

U ISSA…

Il-Parlament Federali Awstraljan reġa’ kkonferma li hu wieħed mill-aktar imqallba li jezistu. Xi sena u nofs ilu, l-Partit Liberali rebaħ il-gvern. Inqalgħu problem elettorali għal-liberali fi stati differenti tal-Awstralja. Stħarriġ tal-opinjoni pubblika wera li l-Prim Ministru Tony Abbott tilef bil-kbir mill-popolarità. Qamet malajr mewġa fi ħdan il-grupp parlamentari Liberali biex jibdlu l-Mexxej u l-Prim Ministru.
M’għandi l-ebda simpatija għal Abbott. Biss, jidhruli strambi l-modi kif jispuntaw il-manuvri fis-sistema politika Awstraljana. Ftit ilu, zviluppat l-istess tip ta’ sitwazzjoni fil-kaz tal-Partit Laburista Awstraljana meta kien fil-gvern: l-ewwel fir-rigward ta’ Kevin Rudd u mbagħad ta’ dik li ħaditlu postu Julia Gillard.
Dan it-taqlib mhux qed jiġri għax l-Awstraljani huma poplu kustinjuz. Aktar naħseb li jaħtu il-qosor (tliet snin) tal-leġislatura Awstraljana; u l-fatt li huma d-deputati waħidhom li jiddeċiedu min imexxi l-partit tagħhom.

***

ILSNA

Diżappuntanti l-aħbar mogħtija f’artiklu li qrajt: in-numru ta’ studenti li qed jistudjaw ilsna differenti qed jonqos bil-kbir. Franċiż, Ġermaniz anki Taljan: anqas u anqas studenti qed jagħmlu l-eżamijiet f’dawn il-lingwi.
Hi aħbar ironika wkoll: kienu webbluna li bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea se ninfetħu aktar lejn l-ambjent Ewropew.
Xejn mhi ħaġa sabiħa li daqstant żgħażagħ qed jitilfu l-esperjenza li jkunu jistgħu jikkomunikaw, ftit jew ħafna, b’lingwa u f’kultura oħra minn tagħhom.
It-tnaqqis jista’ qed jirriżulta minn problemi fil-mod kif jiġu mgħallma l-lingwi.
Madankollu, aktar nissuspetta li r-raġuni hi li l-ilsna barranin m’għadhomx jingħataw l-importanza li kellhom qabel.
Forsi l-Ingliż imminahom minn taħt. Imma jgħidulna li anki l-ħeffa fl-użu tal-ilsien Ingliż qed tonqos.
Sadattant dejjaqni ħafna l-punt li student wieħed biss daħal għall-eżami tal-Latin. Din hi fergħa ta’ studju li jixirqilha tiġbed interess wisq wisq akbar.

Alfred Sant
12 ta’ Frar 2015