Is-summit tat-Tnejn li għaddew, ġie prezentat bħala l-aħħar ċans biex tinstab soluzzjoni għall-krizi Griega. Min-naħa Ewropea, kien hemm stennija għal proposti ġodda min-naħa tal-gvern tas-Siriza. Bħas-soltu dawn waslu aktar tard milli kien imwiegħed. Kienu jinvolvu zieda fit-taxxa tal-VAT u taxxi ġodda li ntqal, mistennija jolqtu biss lill-għonja.
Hawn in-naħa tal-ewro, inkluz il-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali, qiesu għall-bidu li kien hemm bazi li fuqha seta’ jsir aktar diskors. Imma kien hemm bzonn li jsiru aktar studji tekniċi dwar kemm se jiġu jiswew għall-baġit Grieg il-miżuri ġodda. Uħud mill-mexxejja dehru xettiċi li s-somom finanzjarji se jreġu. Wara x-xogħol tekniku, kellha tittieħed id-deċizjoni politika finali biex jiġu approvati ħlasijiet ġodda bħala self lill-gvern Grieg. Dan kellu jippermettilu fost affarijiet oħra, li jħallas lura lill-Fond Monetarju Internazzjonali somma sostanzjali taħt wieħed mill-ftehimiet li saru fl-aħħar snin biex izommu lill-Greċja fuq saqajha – jekk dik hija espressjoni korretta fiċ-ċirkostanzi.
Il-kwazi ftehim milħuq ta n-nifs lis-swieq finanzjarji Ewropej li kienu ħadu majnata malli l-falliment tal-Greċja beda jidher qrib. Il-banek Griegi tilfu fondi kbar hekk kif depozitanti Griegi għaġġlu biex joħorġu flushom. Forsi l-aktar zvilupp importanti li rrizulta mis-summit kienet id-deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jagħti appoġġ lill-banek Griegi li kienu riesqa lejn kraxx. Sa qabel il-laqgħa, l-Bank Ċentrali kien qed jirrifjuta li jagħmel dan.
Matul il-ġimgħa reġa’ qam id-diżgwid dwar kif se jitlaħħmu l-proposti Griegi. Il-laqgħa tal-ewrogrupp li kellha tiddiskuti l-aspetti tekniċi twalet u tħawdet. Kif mistenni, l-kompromessi li ressaq il-Prim Ministru Tsipras qanqlu dizgwid fil-partit tas-Siriza. Malajr qamu ilħna biex isostnu li l-gvern kien ittradixxa l-wegħdi li għamel lill-elettorat. Publikament Tsipras stqarr li ma kienx se jkun hemm problemi biex iwettaq il-proposti. Prudenti, l-kanċellier Ġermaniza Merkel qalet li jekk jintlaħaq ftehim finali, se tistenna li l-ewwel jgħaddi vot favuru fil-Parlament Grieg, qabel itellgħu quddiem il-Bundestag biex dan jivvota fuqu.
U l-kwistjoni kollha għadha mdendla…

***

IL-FOND JUNCKER

Il-Parlament Ewropew ivvota favur il-fond Juncker, kif kien mistenni. Saru ħafna diskussjonijiet matul l-aħħar xhur bejn il-Parlament, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ministri. Il-fond kien wieħed mill-proposti ewlenin ta’ Jean Claude Juncker fl-isforzi tiegħu biex jilħaq President tal-Kummissjoni. Se jitwaqqaf b’mod differenti minn kif tħabbar li se jitwaqqaf għall-bidu. Per ezempju, kellu jkun mibni fuq fondi ġodda; talanqas hekk kienet il-kelma. Minflok, il-fond Juncker se jitlaq bi flejjes meħuda mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u jibni fuq garanzija mogħtija mill-Unjoni biex jattira lejh kontribuzzjonijiet mis-settur privat.
Fil-Parlament Ewropew kien hemm xettiċizmu ċar dwar kemm dal-fond seta’ jwassal ’il bogħod, imma mbagħad bħal daħlet il-fehma li dik kienet il-proposta li qed issir u aħjar hi minn xejn. Fin-negozjati dwar il-Fond, ir-rapprezentanti tal-Parlament Ewropew bdew jinsistu għal rwol aktar qawwi għall-Parlament innifsu fit-tmexxija tal-Fond. Per eżemju riedu li l-Parlament ikun involut fl-għażla ta’ min se jmexxi l-Fond u f’kif jiġu mfassla l-linji li fuqhom jitħejjew u jintgħazlu l-proġetti li l-Fond se jkun qiegħed tiffinanzja.
Saru negozjati twal sakemm il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament u l-Kunsill qablu fuq l-arranġamenti kollha għat-tmexxija tal-Fond. Issa rridu naraw kemm il-Fond ta’ Juncker – l-isem uffiċjali tiegħu hu l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi – se jirnexxielu jċaqlaq ix-xenarju ekonomiku fl-Ewropa. Għan ewlieni għalih hu li jgħin biex jittajjar l-istaġnar li baqa’ jifni l-ekonomiji Ewropej fl-aħħar snin billi jippromwovi proġetti li għalkemm utli, jibqgħu ma jsirux għax jinħassu mgħobbija b’riskji li l-banek mhux lesti jidħlu għalihom. Wieħed jittama li l-fond ma jispiċċax dominat mill-pajjiżi l-kbar – il-Ġermanja u Franza. Hekk hemm min qed jibża’.

***

ELEZZJONIJIET

Ir-ritmu tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea u l-klima li fih iseħħ jiġu affettwati l-ħin kollu mill-andament tal-elezzjonijiet nazzjonali li jkunu qed iseħħu. L-aħħar elezzjoni li nżammet kienet dik tad-Danimarka, fejn il-partit soċjal demokratiku żied fl-appoġġ imma tilef il-gvern għax il-partiti alleati miegħu f’koalizzjoni marru ħażin sew. Bil-maqlub partiti tal-lemin estrem jew ewro xettiċi marru tajjeb. Dan kompla xegħel bozoz ħomor fi Brussell fost dawk li jinkwetaw mill-avvanzi li għamlu u qed jagħmlu partiti ta’ dat-tip. Ma għenx ir-riżultat pjuttost diżappuntanti li kiseb il-partit demokratiku Taljan tal-Prim Ministru Renzi fl-elezzjonijiet lokali u muniċipali. Il-popolarità kemm ta’ Renzi u kemm tal-PD jidher li qed jixxellfu waqt li jiżdied it-tħassib tal-poplu Taljan dwar il-migrazzjoni.
Minnufih wara s-sajf, resqin elezzjonijiet nazzjonali fi Spanja u fil-Portugall. Ta’ Spanja se jkunu kruċjali għax it-tbassir hu li f’linja mar-riżultati tal-elezzjonijiet reġjonali li għadhom kemm saru, iż-żewġ il-partiti l-kbar, tal-popolari u tas-soċjalisti, se jsibu żewġ partiti ġodda Podemos u Ciudadanos jikkompetulhom bil-kbir. Sadattant lejn tmiem is-sena, fi Franza jinzammu elezzjonijiet reġjonali importanti, li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma, għandhom jissarrfu f’telfqa oħra qawwija għall-partit soċjalista tal-President Hollande.
Kollha fatturi dawn li jidħlu fil-kalkoli ta’ x’għandu jsir u ma jsirx fuq livell Ewropew, mhux l-anqas dwar il-każ tal-Greċja.