Fil-Kummissjoni Ewropea u fil-Parlament Ewropew qed jiżdiedu d-dibattiti u d-diskussjonijiet dwar is-sistemi tat-taxxi mħaddma mill-pajjiżi differenti. Kollox telaq ftit tax-xhur ilu meta ġew pubblikati d-deċiżjonijiet moħbija li kienu qed jittieħdu fil-Lussemburgu biex għadd kbir ta’ kumpaniji multinazzjonali jingħataw trattament favorevoli meta jiġu ntaxxati. Dan ippermettilhom jiffrankaw biljuni ta’ ewro f’taxxi.

Għall-bidu kien hemm min qal li l-interess fil-biċċa se jiżvinta malajr. Mhux hekk ġara. Jidher li hemm kunsens politiku wiesa’ sew biex il-problema tiġi ttrattata bis-serjetà. Mill-bidu nett, il-problema kienet politika. Fi żmien meta maġġoranza kbira ta’ ċittadini Ewropej qed iħossu li ġew mgħobbja b’wisq piżijiet, ftit ħadu gost jisimgħu li l-kumpaniji l-kbar setgħu jeħilsuha daqshekk ħafif milli jagħtu sehemhom.

Dan ma kienx dwejjaq li ħakem biss lill-eletturi tal-partiti tax-xellug jew tal-lemin. Affettwa l-eletturi kollha.

Jiġri x’jiġri madankollu, għadni m’iniex konvint li qed tinstab soluzzjoni għall-isfida ta’ kif il-multinazzjonali se jinġabu taħt kontroll fil-qasam tal-ħlas tat-taxxi.

***

Immigranti

It-traġedji l-kbar tal-aħħar ġimgħat ma servew bl-ebda mod biex ibiegħdu lill-immigranti milli jipprovaw jaqsmu l-baħar. Reġa’ kien hemm il-mejtin imma numru rekord ta’ nies irnexxielhom jaslu l-art wara li ġew “salvati” mill-għarqa.

Personalment ma nistax nifhem il-loġika ta’ dak li jinsab għaddej. Jekk bħala stat ta’ fatt, kull min irid jidħol fl-Ewropa se jiddaħħal, ikun aħjar mela li mill-ewwel jintbagħtu vapuri biex iġorruhom lejn il-kontinent, milli tħallihom jitilqu f’dgħajjes karrakki u toqgħod tiġborhom mill-ilma, biċ-ċans li se jmutu ħafna.

Min-naħa l-oħra, jekk – kif nemmen – il-politika għandha tkun li ssir għażla tal-immigranti li jiddaħħlu fl-Ewropa, dak li qed jiġri bħalissa jhedded is-sigurtà tal-istess Ewropa. Din it-theddida teħtieġ risposta soda li mingħajr bl-ebda mod ma tinjora jew twarrab il-prijoritajiet umanitarji, timmira ħalli tiżgura li dak li qed jiġri ma jkunx il-preludju għall-ftuħ ta’ ġrieħi ġodda u profondi.

***

Trasport pubbliku

It-tariffi l-ġodda għat-trasport publiku ġew ippreżentati bħala roħs fil-prezzijiet. Mhux hekk, qalli ħabib. Veru, dawk li jużaw il-karozzi tal-linja regolarment u ta’ spiss se jkunu qed jiffrankaw jekk jixtru l-biljetti f’gozz.

Imma għal dawk li mhumiex daqshekk spissi fl-użu tagħhom, u allura m’għandhomx għalfejn jixtru bil-goff, il-prezz tal-biljetti wieħed b’wieħed żdied. Għalihom se jkun kiber l-inċentiv biex minflok jinqdew bit-trasport publiku, jużaw il-karozzi privati.

Biss forsi l-aqwa mod kif it-trasport publiku jikseb lura l-klijenti mhux billi jraħħas (jew jgħolli) l-biljetti, daqskemm billi jassigura servizz li jkun fil-ħin u effiċjenti. Ma narax li mira bħal din għandha tkun diffiċli żżejjed biex tintlaħaq.

Facebook Comments

Post a comment