Komplew jizdiedu t-turijiet li l-klima ekonomika Ewropea qed titjieb. L-aħħar rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali reġa’ kkonferma li t-titjib ekonomiku fl-Ewropa mistenni jkun ftit aħjar milli kien qed jitbassar sa ftit taż-żmien ilu. Safrattant, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomiji tal-pajjiżi l-kbar “ġodda” qed iqum it-tħassib peress li dawn issellfu ħafna fid-dollaru u l-valur ta’ din il-munita issa tela’ sew.
L-esperti għadhom qed jgħidu li l-pass li ħa l-Bank Ċentrali Ewropew biex jixtri kull xahar 60 biljun ewro ta’ ċedoli ta’ self tal-gvernijiet qed jagħti r-riżultati u se jibqa’ għaddej. Xorta waħda l-biża’ għadu jferfer fost il-mexxejja tal-gvernijiet li mill-ġdid it-tkabbir ekonomiku baqa’ fraġili wisq. L-iċken barma ‘l isfel fil-mod kif isir il-bejgħ u x-xiri jista’ jwaqqaf is-sinjali ta’ titjib. Kulħadd qed jittama li dan ma jiġrix għax barra milli resqin appuntamenti elettorali importanti, mhux l-anqas fi Franza, id-dwejjaq soċjali fost ħaddiema u nies qgħeda reġa’ qed itektek.

IL-QAGĦDA FIL-GREĊJA

U baqgħet tissemma’ b’pessimiżmu l-qagħda tal-Greċja. Ma jidhirx li l-gvern Grieg qed jirnexxielu jipperswadi lill-pajjiżi taż-żona ewro li sellfuh il-flus, li r-riformi li qed jippjana huma biżżejjed biex iżommuh fil-wiċċ. Għalhekk baqgħu lura milli jgħaddulu l-flus li jeħtieġ biex ikun jista’ jħallas il-kontijiet li għandu pendenti. Dejjem qed tersaq qrib il-ġurnata li fiha l-Greċja se jispiċċa fixxa.
Il-Prim Ministru Tsipras żar Moska, iltaqa’ mal-President Russu Putin imma kontra dak li kienu qed jaħsbu xi wħud ma ġab lura miegħu l-ebda krettu ġdid. Filfatt il-kondizzjonijiet ta’ self li l-Greċja għandha mal-Fond Monetarju Internazzjonali u maż-żona ewro jimpeduha milli tissellef aktar minn sorsi oħra. Tsipras u Putin ipprovaw jaraw kif ir-Russja tista’ tgħin lill-Greċja billi tixtri aktar mill-Greċja u tipprovdilha krettu fuq din il-bażi. Imma bħala membru tal-Unjoni Ewropea, il-Greċja qed ikollha tapplika embargo fuq ir-Russja u qed hi nnifisha tkun soġġetta għall-embargo Russu. Jidher li sar ftehim biex per mezz ta’ kumpaniji li jitwaqqfu bejn iż-żewġ naħat, din id-diffikoltà tinħall xi ftit. Hu xinhu, għajnuna fuq sisien kummerċjali ta’ din it-tip mhix se tipprovdi solljev ta’ malajr lill-Greċja.
Is-sħab iswed li għadu qed jinġabar madwar il-finanzi Griegi jaħti in parti għall-kawtela li biha l-Ewropej qed iqisu t-titjib imwiegħed fil-qagħda ekonomika.

EMIGRANTI

Il-Ġnus Magħquda kkritikaw bil-kbir il-mod kif l-Unjoni Ewropea qed tħalli jiġru inċidenti qliel bħall-mewt bl-għarqa din il-ġimgħa ta’ 400 emigrant li kienu qed jaqsmu l-baħar tal-Mediterran.
Il-verità hi li fl-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi membri kollha, jekk jistgħu, jaraw kif jagħmlu biex ifarfru minn fuqhom kull responsabbiltà għad-dħul tal-immigranti fl-Ewropa. Kollha jibżgħu li jekk juru inizjattiva jew jingħaqdu f’ħidma komuni mal-membri l-oħrajn, jispiċċaw ikollhom iġorru piżijiet soċjali u ekonomiċi wisq qawwija. Dan barra milli politikament iżidu l-oppożizzjoni interna għalihom bħala gvernijiet fost il-popli Ewropej. Is-sentiment kontra l-immigranti baqa’ jiżdied fl-aħħar xhur, mhux jonqos, minkejja l-appelli kollha li baqgħu jsiru għal sens ta’ ħniena u realiżmu. Il-fattur immigrazzjoni qed isir importanti ħafna tista’ tgħid fl-elezzjonijiet kollha Ewropej.
Minħabba f’hekk, il-kwistjoni dwar x’tista’ u x’għandha tagħmel l-Ewropa baqgħet imdendla minkejja li sena wara l-oħra, kważi fl-istess żmien, traġedji bħal ta’ din il-ġimgħa irrepetew ruħhom. Argument pjuttost ċiniku li kien intuża mill-gvern Ingliż pereżempju kien li jekk l-Unjoni Ewropea tipprovdi meżżi biex min jitlaq bid-dgħajsa lejn l-Ewropa jiġi salvat fil-każ ta’ periklu, se jiġri li aktar u aktar persuni jitħajru jaqsmu lejn l-Ewropa.
L-istess ħaġa ntqalet meta l-Italja mexxiet waħidha għal xi żmien programm ta’ salvataġġ fiċ-ċentru tal-Medtierran u rnexxielha ssalva ħafna ħajjiet. Il-programm twaqqaf għax il-ministeru tal-finanzi Taljan ddeċieda li kien qed jonfoq wisq flus fuqu, waqt li mill-Unjoni Ewropea ma ngħatat l-ebda għajnuna finanzjarja għalih.
Lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet madankollu, punt ieħor hu li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex il-mezzi politiċi u materjali biex tkun tista’ twaqqaf iċ-ċaqliq tal-emigranti. U allura l-kalkolu li ma jiġix mistqarr hu li minħabba f’hekk, jekk ma toqgħodx b’seba’ għajnejn, l-Unjoni tista’ tispiċċa jkollha tassorbi xmara ma taqta’ qatt ta’ nies maħruba minn pajjiżhom.

***

L-EWROPA U L-LIBJA

L-istess argument ta’ nuqqas ta’ mezzi materjali, jitqajjem fil-każ tal-kriżi fil-Libja. Dwar din ukoll regolarment nisimgħu is-sejħa biex l-Unjoni Ewropea “tagħmel xi ħaġa” jew “tagħmel aktar” ħalli ġġib il-paċi hemmhekk bejn in-naħat Libjani opposti għal xulxin. Fil-verità imma, x’tista’ tagħmel l-Unjoni b’mod konkret? Waħidhom u minn rajhom, żewġ membri tal-Unjoni, ir-Renju Unit u Franza, indaħlu biex ikissru r-reġim ta’ Ghaddafi. Irnexxielhom f’hekk. Wara, inġibdu lura u ħallew lill-pajjiż imfarrak jara kif se jsewwi l-ħsara u t-taħwid li għadhom jifnu lil-Libja sal-lum.
Fil-prattika biex il-qagħda Libjana tikkalma malajr… forsi… irid ikun hemm intervent qawwi militari ieħor li jkun mitlub minn rappreżentanti akkreditati tal-poplu Libjan. Din it-talba ma saritx u mhux se ssir. U l-Unjoni Ewropea m’għandhiex il-kapaċita militari… jew x’aktarx ukoll ir-rieda… biex tidħol għal ħidma bħal din, jitlobhielha min jitlobhielha.
Allura l-Unjoni ftit tista’ tagħmel aktar milli tħeġġeġ lin-naħat Libjani opposti għal xulxin biex jiftehmu bejniethom u twiegħdhom li tagħtihom għajuna ekonomika jekk jagħmlu hekk. Sa issa ma tantx wasalna ‘l bogħod f’din it-triq. Għax problema f’dan kollu hi li aktar faċli tkisser milli ssewwi. M’hemmx għalfejn ngħidu, barra milli jiġbdu lejhom lill-movimenti estremisti bħalma n-nar jiġbed lejh in-nemus, il-problemi fil-Libja qed jixprunaw aktar immigranti llegali biex jissograw li jitilfu ħajjithom billi ddisprati, jaqsmu l-Mediterran f’dgħajjes li bilkemm jiswew biex taqsam bihom l-Għadira tal-Mellieħa.