Apparti mill-ħruxija ta’ x’ġara fit-titjira traġika tal-Germanwings u ż-żieda fl-iskumdità li se jħossu xi vjaġġaturi bl-ajru huma u jirkbu ajruplan, nara żewġ kwistjonijiet li, fost oħrajn, huma tal-akbar importanza.

L-ewwel waħda: kif u sa fejn professjonisti fil-kura tas-saħħa għandhom jew jistgħu jaġixxu biex iwissu lill-awtoritajiet konċernati jekk f’ħidmiethom isiru jafu li l-pazjenti tagħhom jistgħu jkunu ta’ periklu għal ħaddieħor. Fin-nofs hemm id-dritt ta’ privatezza tal-pazjent, imma hemm ukoll konsiderazzjonijiet marbuta mas-salvagwardja tal-ħajja u s-sigurtà ta’ persuni oħra. Imbagħad: kif u b’liema skala se jitkejjel il-periklu li jista’ jolqot lil terzi?

It-tieni kwistjoni tinvolvi punt usa’. Hemm ċerta stigma, xejn ġustifikata, marbuta ma’ ċerta biża’ ”popolari” fejn jidħol il-mard mentali, inkluża d-dipressjoni. Mhijiex marda bħall-oħrajn, għax l-ebda marda mhi bħal marda oħra. Hemm mezzi stabbiliti kif tiġi trattata. Miljuni fuq miljuni ta’ nies mid-dinja huma soġġetti għaliha. Irridu noqogħdu attenti li l-ġrajja tat-titjira Germanwings ma tifrixx u ma tkabbarx l-istigma.

***

Bilanċ

Attendejt għal diskussjoni organizzata mill-uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt dwar il-bilanċ bejn xogħol u bżonnijiet normali tal-ħajja fil-qafas ta’ soċjetà li tippromovi l-ugwaljanza bejn is-sessi. It-tema ġiet trattata b’mod interessanti mill-perspettiva ta’ koppji tal-klassi tan-nofs, l-aktar professjonisti jew fin-negozju.

Jien ippreferejt inqis is-suġġett mil-lat ta’ kif jgħixu ħaddiema nisa u rġiel bi dħul baxx jew prekarju jew inkella addirittura qiegħda.

Fl-Ewropa (inkluża Malta) dawn in-nies żdiedu fil-għadd kemm ilha li seħħet il-kriżi ekonomika u finanzjarja tas-sena 2008. L-istatistika Ewropea turi li l-kriżi affettwat lin-nisa u l-irġiel bl-istess mod, u dan waqt li baqgħet tonqos id-differenza fit-trattament mogħti lis-sessi fuq il-post tax-xogħol. L-aktar mhedda mill-qgħad saru żgħażagħ u nisa b’impjieg prekarju.

F’dal-kuntest, il-bilanċ bejn l-eżiġenzi tax-xogħol u tal-ħajja sar aktar diffiċli minn qabel mal-Ewropa kollha, ugwalment għall-irġiel u n-nisa. L-istess konklużjoni ma tgħoddx għall-koppji bi dħul relattivament għoli.

***

Inizjattivi

F’dan iż-żmien, ħafna familji, assoċjazzjonijiet, parroċċi, każini u entijiet oħra jieħdu inizjattivi sbieħ billi jtellgħu wirjiet u attivitajiet li juru aspetti tal-Ġimgħa Imqaddsa. Isir ħafna tħabrik minn żmien qabel li jinvolvi mobilizzazzjoni kbira ta’ talent u entużjażmu.

Kont imdorri nżur skont kif inlaħħaq uħud minn dawn il-wirjiet għax tassew nammira r-reqqa u l-impenn li bihom jittellgħu. Din is-sena sibtha ħaġa ħafna aktar diffiċli mis-soltu li nsegwi din id-drawwa peress li ninsab ta’ spiss ”wisq” tiela’ u nieżel lejn Brussell.

Xorta waħda nawgura esperjenza mill-isbaħ lil min qed jieħu sehem f’dawn l-inizjattivi u lil min iżurhom.