Dil-ġimgħa għat-tieni darba fl-aħħar xahrejn irnexxieli nintilef fl-istazzjon tal-ferrovija tas-sud ta’ Bruxelles. Ħaġa bħal din tiddisturbani. Naf lil dan l-istazzjon meta kien qisu fabrika zgħira, mibni b’mod ikreh u sewdieni. Illum, infirex b’mod li jimpressjona — ħwienet u kurituri wiesgħa u linji tal-ferrovija riesqa minn kullimkien u spazji kbar barra fejn jinġabru l-awtobus.
Toqgħod taħseb fuqha, l-istess ħaġa ġrat lill-istazzjonijiet tal-ferrovija ewlenin l-oħra fi Bruxelles. B’kollox minnhom hemm tlieta – barra tas-sud, dak tan-Nord, li fi zmieni kien qisu remissa sewda u mitluqa, fgat f’irwejjaħ li m’inix se nagħti dettalji dwarhom, waqt li fit-toroq ta’ madwar kienu qed jipprovaw jiffjorixxu bla wisq suċċess l-ħwienet tal-pornografija u tal-istrip tease; u l-istazzjon ċentrali, li kien jixbah gabbana tal-iski fl-Alpi.
Illum, l-istazzjon tan-nord sar medda sħiħa ta’ ħwienet u uffiċċji li jħabbatha ma’ tas-sud; u dak taċ-ċentru tgħaqqad b’binja tawwalija taħt l-art mal-metro. Quddiemu ntelqet pjazza fejn ma jidħlux karozzi.
Jidhru aħjar minn qabel? Iva, ħafna aħjar.
Imma t-tifkira ta’ kif kienu t-tliet stazzjonijiet ta’ Brussell fi zminijiet oħra għadha ħajja.
U iva, dan spiċċa ezerċizzju ieħor fin-nostalġija.

***

IL-KAĊĊA GĦALL-KUMMISSARJI

L-istaġun tal-kaċċa għall-Kummissarji fetaħ. Dil-ġimgħa l-kumitati tal-Parlament Ewropew kienu qed iħejju għal kif se jilqgħu lill-Kummissarji l-ġodda nominati – x’mistoqsijiet se jistaqsuhom u kif se jkejlu s-siwi tat-tweġibiet li jingħataw.
L-għazliet ta’ karigi li għamel Jean Claude Juncker il-President il-ġdid tal-Kummissjoni baqgħu jqanqlu kummenti u kontroversji, kif ukoll l-istruttura li fassal għall-Kummissjoni, b’numru ta’ viċi Presidenti li se jkunu qed jissorveljaw il-ħidma ta’ Kummissarji oħra.
Hemm imbagħad numru ta’ personalitajiet fost in-nomini li qed iqanqlu mistoqsijiet, anki bil-mod kif Juncker poġġihom f’karigi li joħolqu kuntrast mal-esperjenza politika tagħhom. Dan jidher li qed jinħass fin-nomini minn Spanja, l-Ungerija, ir-Renju Unit, Franza, il-Finlandja u anki b’ċertu mod Malta. Fuq in-nomina ta’ Karmenu Vella, l-akbar kritika kienet kontra l-fatt li Juncker iddeċieda li l-ambjent ma jibqax dekasteru għalih waħdu imma għaqqdu ma’ zewġ oqsma importanti oħra.
Sadattant, skont fehma differenti li xterdet mhux ħazin, hemm ukoll ċans li l-proċess kollu tal-għazla tal-kummissarji bil-karigi tagħhom jispiċċa wieħed mans fejn il-proposti kollha ta’ Juncker jiġu aċċettati. Wara kollox il-Parlament Ewropew approva bil-kbir in-nomina ta’ Juncker innifsu. Li issa l-għazliet li għamel jiġu sfiduċjati mill-istess Parlament tista’ tinħass ħaġa ftit stramba.
Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew ma jistax iwaqqaf waħda jew tnejn min-nomini ta’ Juncker. Ir-regola hi li jrid japprova kollox, jew xejn, jekk Juncker iwebbes rasu fuq nomina jew oħra. Din ma tantx tpoġġi lill-Parlament Ewropew f’qagħda konfortabbli.

***
META JMISS LIL KARMENU VELLA

Karmenu Vella se jkun minn tal-ewwel li jvara l-ezerċizzju ta’ ezamijiet, qisna bħal meta konna nagħmlu l-‘O’ Level meta kont zgħir jien. Se jidher quddiem il-kumitat tal-Parlament Ewropew tal-ambjent biex jirrispondi għall-mistoqsijiet li jsirulu dwar il-kariga li għaddewlu.
L-interventi li jsirulu jitmexxew skont korejografija ta’ mistoqsijiet ppjanata minn qabel, li tirrifletti s-saħħa tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew u l-personalità tad-deputati nvoluti fil-kumitati parlamentari rispettivi.
Diġà għedtha u nerġa’ ngħidha: Karmenu Vella hu individwu ta’ kalibru personali u politiku li jista’ bla wisq problemi jilqa’ għall-mistoqsijiet li se jsirulu nhar it-Tnejn 29 ta’ Settembru waranofsinhar.

***

PERIKLU JEW LE

Il-marda tal-ebola fl-aħħar ingħatat aktar attenzjoni politika fl-Unjoni Ewropea. Wara li l-Parlament Ewropew għadda rizoluzzjoni dwarha fejn ħeġġeġ li jsiru aktar sforzi mill-Ewropa biex jikkumbattu l-marda, il-biċċa tqajmet f’laqgħa informali tal-Ministri tas-Saħħa Ewropej li nzammet fl-Italja.
Matulha madankollu, il-messaġġ ewlieni kien li ma tantx hemm għalfejn wieħed jinkwieta li l-marda se tasal sal-Ewropa. Tkellem fost oħrajn dwar hekk il-Kummissarju responsabbli mis-saħħa, Tonio Borg. Għalkemm kien hemm qbil li jizdiedu r-rizorsi li membri tal-Unjoni għandhom jibagħtu fl-Afrika tal-Punent biex jilqgħu għall-epidemja, wieħed jiddubita kemm l-istqarrijiet li saru qed jikkonvinċu lill-popli.
Fil-midja Ewropea zdiedu r-rapporti allarmisti dwar kif il-marda xterdet u qed tinxtered għax kien hemm wisq kompjaċenzi u letarġiji fl-inizjattivi li ttellqu biex jikkontrollawha. Iċ-ċifri ta’ nies li mietu biha komplew izidu ma’ dan l-allarm li mhux rifless fl-istqarrijiet uffiċjali.

***

SERVIZZ TA’ KAROZZI

Il-Parlament Ewropew jipprovdi servizz ta’ trasport għad-deputati. Jekk trid tivvjaġġa min-naħa għall-oħra fuq xogħol tal-Parlament jew tixtieq tmur lura jew il-lukanda jew id-dar, tibbukkja karozza u suppost jaqduk.
Mhux dejjem jiġri hekk. Diġà darbtejn jien u nistenna li tasal il-karozza li nkun ordnajt, ikolli nikkonkludi li għal xi raġuni jew oħra din mhix se tasal u nitlaq għal għonq it-triq. Meta t-triq twassal lejn l-ajruport interazzjonali ta’ Brussell u tkun imgħaġġel, l-esperjenza xejn mhi sabiħa. Jew tieħu taksi fit-toroq imbulmati bit-traffiku ta’ Bruxelles fil-ħin meta l-uffiċċji qed jitballtu, jew titlaq bit-trenn lejn l-ajruport ta’ Zaventem; imma qabel trid tinzerta tinsab qrib metro konvenjenti.
Anki meta jiġri hekk tibqa’ tinkazza. Għaliex ma waslitx il-karozza mwiegħda? Kieku ma kinitx hemm u ma wegħduhiex, ma kien ikun ġara xejn, kont tirranġa mod ieħor. Imma la wegħduhielek…!

***

BIBIEN IDURU

L-Ombudsman Ewropew Emily O’Reilly reġgħet qajmet il-kwistjoni tal-bibien iduru – frazi li tintuza biex tfisser kif uffiċjali għolja tal-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra, inkluzi Kummissarji, malli jispiċċaw mill-kariga tagħhom, isibu xogħol imħallas tajjeb ħafna ma’ ditti li qabel, fix-xogħol tagħhom, kienu nkarigati li jissorveljaw. O’Reilly qed tinsisti, wara li zdied in-numru ta’ kazi mressqa quddiemha ta’ allegat abbuzi f’das-sens, li jissaħħu s-salvagwardji kontra min malajr wisq, minn gwardjan fuq l-imġieba kummerċjali jispiċċa l-aġent tad-ditti li qabel kien jissorvelja.
Din hi xiħaġa li ilha tirrita lil ħafna organizzazzjonijiet Ewropej li jimmilitaw għal regoli etiċi sodi fil-governanza Ewropea imma baqgħu lura milli jaslu sa fejn riedu. Wieħed mill-aħħar “skandli” f’dan is-sens u qajjem ħafna kritika kien dwar deputat Ingliza fil-Parlament Ewropew li sas-sajf li għadda kienet inkarigata fi ħdan il-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-istess Parlament biex tizviluppa liġi Ewropea dwar is-servizzi finanzjarji.
Hekk kif spiċċat minn deputata, hi daħlet minnufih taħdem ma’ waħda mill-akbar ditti finanzjarji li se jkunu effettwati bil-qawwi minn din il-leġislazzjoni.
X’aktarx li anki din id-darba, l-appell tal-Ombudsman O’Reilly mhux se jasal wisq ’il bogħod.

***
DWAR IL-LIBJA

Il-ġrajjiet li baqgħu jseħħu fil-Libja qed iqanqlu tħassib kbir. Id-dizgwid fil-pajjiz (biex nuzaw espressjoni ħanina) jista’ jwassal biex il-pajjiz jisfaxxa fi tribujiet jew agħar, taħt il-ħakma ta’ xi setta fanatika Misilma. Fl-aħħar ġimgħat f’ħafna kapitali Ewropej mhux lanqas Bruxelles, qamet il-mistoqsija: x’għandu jsir? Mistoqsija li kienet aktar faċli li tagħmilha milli ssibilha tweġiba. Il-ministri tal-affarijiet barranin tal-Unjoni Ewropea kemm-il darba fil-laqgħat tagħhom, baqgħu ftit jew wisq ċassi quddiemha.
F’konferenza li tlaqqgħet apposta fl-Alġerija bejn il-pajjizi kwazi kollha tal-Mediterran fejn kienet rapprezentata wkoll l-Unjoni Ewropea ftit sar progress – ħlief li skont sorsi Alġerini, falla sforz ta’ Franza biex ikun hemm intervent militari barrani fil-Libja biex jimponi l-ordni. Filfatt kien hemm qbil, mid-dehra anki appoġġjat mill-Amerikani, li m’għandha tidħol l-ebda forza militari barranija fil-pajjiz. L-interventi għandhom ikunu kollha diplomatiċi u umanitarji maħsuba biex il-Libjani nfushom jaslu għal xi ftehim bejniethom.

28 TA’ SETTEMBRU 2014