Din il-ġimgħa fi Strażburgu ħadt l-opportunità biex insemmi d-diffikultajiet li jaffaċċjaw gżejjer żgħar meta jiġu biex jorganizzaw u jsostnu s-sistemi tat-trasport għall-komunitajiet tagħhom. Minħabba ċ-ċokon tagħhom, minħabba l-istess insularità tagħhom, se jkollhom spejjeż relattivament ogħla minn ta’ impriżi simili li joperaw f’territorji akbar u b’qagħda aktar ċenttrali.

Li tippretendi mbagħad li ażjendi bħal dawn li jinnegozjaw bi żvantaġġi ċari jobdu r-regoli dwar kif għandha ssir il-kompetizzjoni f’sitwazzjoni ħafna aktar mifruxa, tidhirli pożizzjoni estrema.

Twassal biex l-impriżi li jaħdmu fl-hekk imsejħa periferija jkollhom jikkompetu fuq bażi mhux sostenibbli. Fil-qagħda tagħhom, għandhom bżonn, mhux m’għandhomx, ta’ sussidji moħbija jew fiċ-ċar. Jekk ifallu, kif għamlet Cyprus Airways ftit ilu, ibatu l-komunitajiet li jgħixu fl-imbiegħed.

L-argument japplika għall-Air Malta u għall-Gozo Channel.

Biex inkunu onesti: fir-realtà jista’ jiġri li minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali li jridu jinżammu madwar ażjendi ta’ trasport f’inħawi mbiegħda, tidħol klima ta’ abbuż u ħala. Fl-imgħoddi dan ġara fil-każi tal-Air Malta u tal-Gozo Channel.

Li ma jibdel xejn mis-saħħa tal-argument favur statut speċjali għat-trasport f’pajjizi u reġjuni periferali.

***

Juncker

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, ġie jindirizza l-grupp ta’ deputati soċjalisti u demokratiċi fil-Parlament Ewropew. L-istil ta’ kif jitkellem ma jogħġobnix: igedwed wisq. Anki meta jitkellem b’lingwa li nifhem, xorta nżomm l-apparat tas-smigħ ma’ widnejja għax inkella ma nisimgħux tajjeb.

Imma Juncker għandu intelliġenza qawwija (biex ma ngħidilhiex ħżunija) fil-mod kif jippreżenta ruħu. Trid tammirah. Kienet ħaġa ovvja li ġie quddiem is-soċjalisti biex ikebbes l-appoġġ tagħhom għall-isforzi li qed jagħmel biex jimmobilizza l-fond ta’ investimenti “strateġiċi” ta’ xi 315 biljun ewro li jrid jonfoq f’investimenti ġodda fit-tliet snin li ġejjin.

Lid-deputati soċjalisti pprova jġibhom warajh billi jgħidilhom li l-pjan għall-investiment kienu tellquh huma. Anki deputati li jgemgmu kif il-fond ta’ Juncker mhu se jwassal imkien, rajthom imbissma, donnhom ferħanin li qed jingħataw dan ir-rikonoxximent.

***

Il-power station

Tajjeb li mal-għeluq tal-power station tal-Marsa l-poplu ngħata ċ-ċans li jżurha u jara kif kienet taħdem. Hi stallazzjoni li għandha post tal-unur fl-industrijalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ pajjiżna. Ġietna kważi b’xejn. Kienet ikkritikata u mżebilħa tul ħajjitha produttiva. Imma mingħajrha, Malta kien ikollha problemi kbar fil-provista tagħna tal-enerġija.

Nittama li barra ż-żjarat tal-publiku, xi ħadd jieħu ħsieb biex qabel tiżżarma għalkollox, jintbagħat tim ta’ “cameramen” b’direttur tajjeb ħalli jieħdu film tal-impjant kollu. Dan ikun jista’ jinżamm bħala rekord ta’ fiex kienet tikkonsisti u x’kienet tagħmel għall-ekonomija tal-pajjiż il-power station “tal-Marsa”.