Tressqet mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Parlament Ewropew kontra l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker. Tiċċensurah minħabba dak li ġie zvelat bil-“Luxleaks” dwar kif meta Juncker kien Prim Ministru tal-Lussemburgu, dan il-pajjiz għamel arranġamenti ma’ kumpaniji kbar biex jippermettilhom iħallsu ħafna u ħafna anqas taxxi milli suppost. Instabu bizzejjed voti ta’ deputati skont ir-regoli tal-Parlament biex il-mozzjoni titressaq fi zmien qasir. Il-gruppi politiċi l-kbar mhumiex jappoġġjawha. Il-mozzjoni mhix mistennija tgħaddi.
Madankollu, il-mozzjoni zzomm pressjoni politika fuq Juncker u sħabu fil-Kummissjoni, kif ukoll fuq il-gruppi politiċi l-kbar. Dawn kellhom jieħdu z-zmien biex jiddiskutuha ħalli jaraw kif se jirreaġixxu.
Problema politika għal kulħadd hi li l-ebda grupp ma jrid jidher li qed jagħlaq għajnejh għall-evazjoni tat-taxxi. Fi zmien meta miljuni ta’ ċittadini Ewropej ma jħossux li jinsabu f’qagħda finanzjarja tajba, zgur ifuru f’rabja kerha jekk jidher quddiem kulħadd li kumpaniji kbar qed jitħallew jiffrankaw it-taxxi bl-aktar mod laxk qisu ma ġara xejn.
Il-gruppi politiċi l-kbar – l-aktar is-soċjalisti u l-popolari – se jkollhom iwettqu l-manuvra delikata li jagħtu l-appoġġ lil Juncker waqt li jipproklamaw li huma kontra l-iffrankar ta’ taxxi. U li se jagħmlu minn kollox biex jikkumbattu l-proċessi li bihom dan jitwettaq.

***
MISTOQSIJA LIL DRAGHI

Mario Draghi, l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew resaq quddiem il-kumitat tal-Parlament Ewropew li jittratta materji ekonomiċi u finanzjarji. Ġie biex jagħmel prezentazzjoni dwar l-aħħar zviluppi fil-qasam li jmexxi. Wieġeb għall-mistoqsijiet li għamlulu d-deputati Ewropej.
Messni nistaqsih l-aħħar mistoqsija f’isem id-deputati soċjalisti. Għazilt li ma nidħolx f’aspetti tekniċi li kienu ssammru tajjeb fil-mistoqsijiet li saru minn ta’ qabli.
Minflok, iffokajt fuq l-aspetti strateġiċi tal-qagħda tal-ewro. Bħala munita, dan issa jinsab f’qagħda aktar soda milli kien fiha sa sentejn ilu. L-aqwa mertu għal hekk hu ta’ Draghi, li għamel ċerti stqarrijiet qawwija. Ħa deċizjonijiet kontroversjali. Uħud minnhom x’aktarx imorru lil hinn mill-poteri tiegħu. Imma rnexxielu jikkonvinċi lis-swieq finanzjarji tad-dinja li l-ewro ma kienx għar-rimi.
Saqsejtu dwar kif jara l-perspettivi strateġiċi tal-ewro fiz-zmien li ġej fil-qafas tal-kuntradizzjonijiet li nbnew dwaru fl-aħħar snin. U li għalihom ikkontribwixxa hu stess. Fosthom il-punt li tant kibru d-diverġenzi ekonomiċi bejn oqsma differenti taz-zona ewro, li t-tisħiħ tal-istrutturi tal-għaqda finanzjarja fiz-zona llum iwasslu biex is-sitwazzjoni ekonomika tkompli tistaġna.
Kif stennejt li se jiġri, Draghi evita li jwieġeb… għalkemm ċaħad l-aħħar argument.
Eventwalment, nixtieq nikkummenta aktar fuq it-tweġiba ta’ Draghi.

***

ĠENNA BLA TAXXI

Evazjoni ta’ taxxa… “tax havens”… fl-aħħar ġimagħtejn dawn kienu kliem li qanqlu retorika politika qawwija fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Issemma l-aktar il-Lussemburgu, issemmiet l-Olanda, issemmew territorji li jaqgħu taħt ir-Renju Unit, issemma’ Ċipru. Wieħed kien jistenna li tissemma Malta; fil-fatt ma ssemmietx daqstant.
Il-kontroversja qamet għal raġuni waħda: membri tal-Unjoni Ewropea zammew sa issa ħelsien sħiħ fit-tmexxija tas-sistemi ta’ taxxa tagħhom. F’dal-qasam, tista’ tgħid il-membri kollha ddefendew bil-kbir l-indipendenza tagħhom.
Biss id-differenzi fl-istrutturi tat-taxxi bejniethom ifissru li kumpaniji li jaħdmu f’diversi pajjizi, jagħmlu minn kollox biex imexxu l-profitti tagħhom minn lok għal lok, biex isibu kif b’hekk ikunu jistgħu jħallsu anqas taxxi. Ċerti pajjizi, bħal Malta, speċjalizzaw filli jħajru lejhom kemm kumpaniji jistgħu.
Hawn iqumu l-argumenti li għax qed jagħmlu hekk, qed jipprovdu rifuġju għal min irid jaħrab mit-taxxi li għandu d-dover iħallas, kemm bħala kumpanija, kemm bħala individwu. Il-mistoqsija tqum jekk dan huwiex isir b’mod moħbi u llegali – li jissejjaħ evazjoni tat-taxxa – jew b’mod legali, fit-rispett miftuħ tal-liġijiet ezistenti, li teknikament jissejjaħ “avoidance” tat-taxxi.
Matul id-dibatti li qamu fl-aħħar jiem, din id-distinzjoni bdiet tiċċajpar. Ħafna qed jikkontestaw li pajjizi membri tal-Unjoni jkollhom id-dritt li jdaħħlu liġijiet li jippermettu lil kumpaniji jiffrankaw il-miljuni mit-taxxi li messhom iħallsu f’pajjizi oħra.
Fl-iskandlu dwar Juncker, mistoqsija li qamet kienet: Juncker ippermetta l-evazjoni, jew is-sistemi tal-Lussemburgu tħaddmu b’mod legali? Hu jsostni li kollox f’pajjizu sar b’mod legali.
Il-buzilllis hu li għodda teknika li tintuza fil-mod kif jaħdmu l-amministraturi tat-taxxi hu dak li jissejjaħ “tax ruling”, jiġifieri deċizjoni mibgħuta b’ittra lil kumpanija, fejn din tiġu zgurata li se tiġi ttratata b’ċertu mod mill-amministrazzjoni tat-taxxi. L-ittra ġeneralment tinzamm kunfidenzjali.
Sadattant beda joħroġ ukoll li hemm aktar pajjizi milli maħsub li jipprattikaw din is-sistema. Fl-aħħar ġimgħa fil-Belġju, qam kjass sħiħ meta ġiet zvelata informazzjoni dwar “tax rulings” li l-amministrazzjoni tat-taxxa fil-Belġju ħarġet lil diversi kumpaniji hiex isserraħhom minn pizijiet qawwija tat-taxxa.

***
NANNIET

F’laqgħa qasira li kelli din il-ġimgħa mas-sur Philip Chircop, fissirli x-xewqa tiegħu u tal-għaqda volontarja li jmexxi, biex fl-Ewropa jinzamm jum li jiċċelebra l-ħidma u s-sehem tan-nanniet fil-familji tagħna. Fissirli kif in-nanniet jikkontribwixxu biex il-familji jgħixu f’aktar għozza u kif għandhom ukoll funzjoni ekonomika bl-għajnuna li jagħtu minn jum għal jum lil uliedhom bħala ġenituri.
Li jonqos apparti minn għarfien serju ta’ dan ir-rwol, hu wkoll għarfien ta’ ċerti “drittijiet” tan-nanniet. Per ezempju meta koppja għal raġuni jew oħra tisfaxxa, ħafna drabi n-nanniet jitilfu l-kuntatt man-neputijiet tagħhom. Iħossu n-nuqqas tagħhom imma m’hemm l-ebda għarfien legali li għandu jingħatalhom iċ-ċans li jibqgħu jaraw lil neputijiethom.
It-twaqqif ta’ Jum in-Nanniet skont is-sur Chircop iservi biex idaħħal rikonoxximent aħjar tar-rwol tagħhom fil-ħajja tagħna. Hemm diġà xi pajjizi li jiċċelebraw Jum bħal dan; jekk il-biċċa ssir fuq skala Ewropea, ir-rankatura favuriha tikber. Wegħedtu l-appoġġ tiegħi fl-isforzi li qed iniedi.

***

PJANI TA’ INVESTIMENT

Baqgħu għaddejja l-manuvri politiċi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew dwar il-pjan ta’ 300 biljun ta’ ewro li Juncker kien wiegħed li se jvara biex iqanqal it-tkabbir fl-ekonomija Ewropea staġnata.
Il-Kummissjoni kienet ħabbret li Juncker se jxandar il-pjan tiegħu qabel id-data li kien iffissa għall-bidu. Dan serva biex ħeġġeġ lill-gruppi politiċi ħalli joħorġu bil-pjani tagħhom qablu u jkunu jistgħu jagħmlu pressjoni fuqu. Bdew b’hekk il-liberali, warajhom is-soċjalisti.
Mistoqsija ewlenija li bdiet toħroġ bil-qawwa f’dan kollu kienet: X’se jkun is-sehem tal-investiment publiku fil-pakkett li jiġi propost? U kif se jinħareġ? Jekk jinħareġ mill-baġits tal-gvernijiet nazzjonali, dan għandu jitqies bħala parti mill-ispiza tagħhom li tibqa’ ma tistax twassal għal defiċit ta’ aktar minn 3 fil-mija tal-ekonomija, kif jgħidu r-regoli tal-Unjoni Ewropea bħalissa?
Sa issa, l-aktar li baqgħu siekta dwar dan kollu kienu appuntu, il-gvernijiet Ewropej.

***

PASS PASS IL-BANEK

Miexja ’l quddiem pass pass l-unjoni bankarja li biha l-banek Ewropej qed jingħaqdu f’sistema waħda ta’ tmexxija u kontroll. Wara l-mizuri li diġà ġew imdaħħla, hemm oħrajn li qed jinħmew u li se jirregolaw il-mod kif il-banek jinvesti u jieħdu s-sogri.
Il-proċess hu komplikat ħafna u jidher li se jkompli jikkomplika ruħu fiz-zmien li ġej. Minn naħa jintqal li dawn l-izviluppi huma meħtieġa, minn naħa oħra qed iqum tħassib dwar jekk ir-regolamenti ġodda humiex se jkunu komplikati u tqal wisq biex izommu lill-banek flessibbli u fl-istess ħin lesti ħalli jsellfu skont il-ħteġiet ekonomiċi tal-pajjizi Ewropej u tal-kumpaniji medji u zgħar.

***

MILIED 2014: TĦEJJIJIET

Din il-ġimgħa fit-toroq ta’ Brussell bdew it-tħejjijiet għall-festi tal-Milied. F’diversi nħawi jinbnew ringieli ta’ kabini mzejna minn fejn aktar tard fl-istaġun, jinbiegħu dekorazzjonijiet, oġġetti artiġjanali, ikel tradizzjonali u xorb. Bħalissa l-kesħa għadha ma daħlitx wisq; meta tasal fil-madwar tal-kabini jinġema’ suq sħiħ f’atmosfera ferreħija li ddum sa tard billejl. Il-prospett dalwaqt tas-swieq tal-Milied hu wieħed pjaċevoli.

23 ta’ Novembru 2014