Kienet aħbar tajba dik li d-differenza bejn il-pagi jew id-dħul tan-nisa fl-impjieg f’Malta u dawk tal-irġiel hi fost l-iċken fl-Ewropa. Dan hu riżultat li sa minn dejjem kellna nimmiraw għalih.
Biss biex inkun għal kollox sinċier, ninsab ftit xettiku dwar kemm l-aħbar hi tassew minnha. Minn rendikonti li smajt dwar kif jitqassam ix-xogħol f’pajjiżna, il-konklużjoni tiegħi kienet il-maqlub ta’ li ssemma fl-aħbar. Jew talanqas li għad hemm wisq nisa li jaħdmu f’kondizzjonijiet fejn id-drittijiet tagħhom mhumiex imħarsa. Meta jiġri hekk, ma nafx kif il-livell tal-pagi tagħhom jista’ jkun “sodisfaċenti”.
Perezempju ftit ilu f’uffiċċju fejn jingħataw servizzi li qabel kien jipprovdihom il-gvern, waqqfitni mara ta’ mezz età li kienet qed tnaddaf l-art. Kienet impjegata ta’ kumpanija privata mqabbda biex tieħu ħsieb it-tindif tal-post. Din il-mara taħdem 35 siegħa fil-ġimgħa imma ma tafx jekk għandhiex b’hekk dritt għall-vaganzi u dritt għal kumpens waqt il-mard. Saqsejtha għax ma taħdimx għal 40 siegħa u ssir “full time”; ma kellhiex tweġiba ċara.
Min j/tinsab f’qagħda li mhux ċar/a dwar xinhuma d-drittijiet tiegħu jew tagħha, ma nafx kemm se j/tkun f’pozizzjoni li j/titħallas bix-xieraq tax-xogħol mogħti. Ma naħsibx li dil-mara hi waħidha f’qagħda hekk.

***

L-ISTESS STIL

M’inix nara xi bidla fl-istil ta’ kif il-PN qed iwassal il-messaġġi politiċi. Meta taqra l-gazzetti tiegħu jew lil uħud mill-kittieba Nazzjonalisti fil-midja hekk imsejħa indipendenti, l-aktar li ssib hu negattivizmu ma jaqta’ xejn, Ħafna drabi jkun magħġun b’attakki personalizzati daqqa sottili, daqqa goffi; jew minn sens ta’ superjorità provinċjali u arroganti, ridikolu fil-pretensjonjiet mimlija psewdo-qdusija li jsostni.
Dan hu l-istess stil ta’ demonizzar li dejjem immarka l-PN. Issa tħawwar bi qrusa li tinxtamm minn seba’ mili bogħod: ta’ nies li ma jistgħux jifhmu kif tilfu l-post fix-xemx li mingħalihom kien tagħhom b’xi dritt divin.

***

PARTIĠĠJANI

F’Malta l-partiġġjanizmu hu qawwi bil-kbir. Imma anki aħna lanqas nibdew ħdejn il-partiġġjanizmu li daħal fis-sistema politika Amerikana.
Min jemmen li fi kwalunkwe pajjiz, l-interess nazzjonali għandu jirbaħ fuq kollox, ftit jista’ jifhem dak li għamlu r-Republikani fl-aħħar ġimgħat. Minn wara dahar il-White House, stiednu lill-Prim Ministru Izraeljan Natanjaħu biex jindirizza l-Kungress ħalli jwassal il-messaġġ tiegħu kontra l-politika tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-Iran.
Natanjaħu, li jinsab f’nofs kampanja elettorali ħataf l-okkazjoni – ma tlumux – biex jippriedka kontra l-politika tal-gvern Amerikan. Ir-Republikani tawh laqgħa memorabbli, tħabbatha ma’ dik li Winston Churchill ingħata ilu ħafna.
M’hemmx mod ieħor kif tfisser dak li għamlu r-Republikani: tal-mistħija.

Alfred Sant
09 ta’ Marzu 2015