Ma tantx inħobb niddiskuti l-imgħoddi, għax il-preżent u l-futur dejjem dehruli aktar interessanti. Imma ġieli fl-imgħoddi jkunu seħħew ġrajjiet… jew ikunu tqanqlu punti… li l-ekijiet tagħhom f’daqqa waħda jerġgħu iqumu fiż-żmien tal-lum b’mod stramb. U trid jew ma tridx, ikollok tgħid “Ara…!” jew… “Ara naqra…!”

Hekk ġrali dan l-aħħar. Quddiem ċerti ġrajjiet li seħħew, sibt ruħi ngħid “Ara…!” Ma stajtx ma nieqafx u nirrifletti. Kienu ġrajjiet li ma seħħewx fostna, għalkemm kellhom impatt qawwi fuqna. Fakkruni, ridt jew ma ridtx, fl-argumenti li b’ħanġra daqsiex, kienu joħorġu bihom in-Nazzjonalisti u l-alleati tagħhom matul is-snin.

Insemmi l-ewwel dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat fil-kummerċ u l-ivvjaġġar bejn Malta u l-Libja. Dil-kontroversja li qamet, laqtitni wkoll minn perspettiva li ftit li xejn issemmiet. Biss, naħseb għandha l-importanza tagħha.

Wara d-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea, Malta saret ukoll membru tas-sistema Shengen fi ħdan l-Unjoni. Biha f’ħafna mill-pajjiżi tal-Unjoni, jekk tidħol b’passaport f’wieħed minnhom, jew titlaq bħala ċittadin minn wieħed minnhom, tista’ mbagħad iżżur il-pajjiżi membri l-oħra fis-sistema bla xkiel ta’ xejn – bla viża, kważi mingħajr passaport.

SVIZZERA U MEDITERRAN

Meta ngħidu aħna, ċittadini Libjani jidħlu Malta b’viża għal hawn, din tkun tgħodd għall-pajjiżi l-oħra membri ta’ Shengen u l-Libjani jistgħu jibqgħu sejrin lejhom bla problemi. Jekk xi pajjiż membru ta’ Shengen iwaqqaf il-viża lil ċittadini ta’ pajjiżi barra minn Schengen, dan jgħodd għat-territorju kollu li jaqa’ taħt il-pajjiżi mdaħħla f’Schengen.

Nafu x’ġara. L-Isvizzera għandha tilwima mal-Libja u waqfet milli tagħti viża lil għadd ta’ ċittadini Libjani b’karigi ta’ awtorità jew imlaħħqin. B’dak li għamlet l-Isvizzera, dawn issa ma jistgħux jidħlu fit-territorju ta’ Shengen. U bi tpattija, l-Libja ddeċidiet li tagħmel l-istess ħaġa għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi membri ta’ Schengen, fosthom Malta.

M’inix se nidħol fil-merti tal-problema. Ħolqot diffikultajiet kbar għal ħafna ċittadini u negozji Maltin, u għall-ekonomija ta’ pajjiżna fi żmien imwiegħer. L-aqwa interess għalina fil-biċċa hu l-interess nazzjonali Malti. Il-gvern għandu d-dmir li jagħmel kull ma jista’ biex iħares dan l-interess.

Biss quddiem dal-każ, kelli nieqaf u ngħid … “Ara…!” Għax sa fejn naf jien, l-Isvizzera mhix membru tal-Unjoni Ewropea. Imma qed tieħu sehem bis-sħiħ f’qasam ta’ politika li hu tal-akbar importanza għall-Unjoni u għall-Ewropa kollha kemm hi. Mhux talli qed tieħu sehem fih. Talli fl-interess nazzjonali tagħha, l-Isvizzera telqet minn rajha b’inizjattiva qawwija fit-tmexxija ta’ Schengen u ġabet lill-bqija jsegwu dak li qed tagħmel hi. Nerġa’ ngħid, dan kollu mingħajr ma hi membru tal-Unjoni Ewropea!

Issa, jien bilfors niftakar fis-snin meta kellna l-kontroversja taħraq għaddejja fostna, dwar jekk Malta kienx jaqblilhiex jew le ssir membru tal-Unjoni Ewropea. U dwar jekk kienx aħjar għal Malta li tibni rabta mill-qrib mal-Unjoni, mingħajr ma ssir membru sħiħ, f’dak li konna nsejħulu “partnership” jew “Malta bħala Svizzera fil-Mediterran”. U niftakar x’kien jingħad f’dawk is-snin.

Kienu jgħidulna li “partnership” ma jistax isir, għax jew ġewwa jew barra fl-Unjoni Ewropea. Min hu ġewwa “jgawdi” mill-“benefiċċji” kollha tas-sħubija, u min hu barra jkollu jikkonsla bil-loqom, waqt li xorta jġorr piżijiet kbar. Kienu jgħidulna li ma tistax tagħżel din jew dik il-biċċa mill-kejk tal-Unjoni skont kif taħseb li jaqbel lilek, u li ma kien hemm l-ebda ċans ta’ rabtiet preferenzjali ma’ pajjiż li jibqa’ barra.

Issa, bl-aktar mod lampanti ħarġu fil-beraħ il-gideb li kien jintqal fuq das-suġġett. Minn barra l-Unjoni Ewropea, l-Isvizzera ddaħħlet tipparteċipa saħansitra fit-tmexxija tal-arranġamenti ta’ Shengen. U dan b’mod fejn hi spiċċat tieħu deċiżjonijiet li kellhom effett kbir fuq il-membri l-oħra tal-Unjoni, inkluża Malta fil-Mediterran. Mhux ta’ b’xejn ikollok tgħid “Ara…!”

TONN U MAKKU

Imbagħad inqalgħet ukoll storja oħra fl-aħħar ġimgħat… l-istorja ta’ x’se jiġri mis-sajd tat-tonn fil-Mediterran. Fl-aħħar snin, dal-qasam kien sar kolonna kbira tal-ekonomija f’pajjiżna, wieħed mil-ftit setturi li baqa’ jikber minn sena għal oħra, fi żmien meta ftit kellna setturi ekonomiċi li kienu qed jistagħnew minflok jistaġnaw.

Issa wieħed jista’ jkollu il-fehma tiegħu dwar kemm hu sew jew le, li t-tonn jibqa’ jinqabad fil-Mediterran b’mod li l-ispeċje tat-tonn tinqered għal kollox. Imma r-realtà hi li bis-sajd tat-tonn, l-ekonomija Maltija kienet qed tagħmel qligħ mhux żgħir. Żgur li ma kienx fl-interess tagħna li mil-lum għal għada, das-sajd jitwaqqaf.

Dik kienet il-proposta li tqajmet fil-laqgħat internazzjonali fejn jiddeċiedu dwar is-sajd. Il-biċċa kienet riesqa lejn deċiżjoni bejn il-ġnus involuti, fosthom l-Unjoni Ewropea u l-membri tagħha. Għall-bidu, Malta kienet ma’ xi oħrajn biex tirreżisti deċiżjoni bħal din. Madankollu, fl-aħħar ittieħdet id-deċiżjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea li din tivvota favur li s-sajd għat-tonn fil-Mediterran jitwaqqaf.

Malta kellha taċċetta din id-deċiżjoni għax spiċċat f’minoranza ta’ wieħed. Effettivament, ivvotajna favur il-proposta permezz tal-vot favur tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta ma għaddietx għax kien hemm ħafna ġnus oħra li qablu mal-Ġappun u vvotaw kontra. Milli nkiteb sa issa fil-gazzetti, lanqas hemm xi ħsieb fi ħdan l-Unjoni Ewropea dwar kumpens lill-ekonomija Maltija tad-dannu li din d-deċiżjoni biex jitwaqqaf is-sajd tat-tonn kienet se tikkawżalna.

X’ma tgħidx…“Ara…!”? Waqt li għedt hekk, barra mit-tonn, ħsibt ukoll fil-makku. Snin ilu konna wissejna li f’diskussjoni bejn pajjiżi miġbura fl-istess klabb, min hu qawwi għandu vantaġġ fuq min hu ċkejken – ħaġa li tifhimha. Kienu daħku bina. Konna semmejt il-bilanċ li jista’ jkun hemm bejn balieni u makku meta jiltaqgħu flimkien biex jiftehmu. Kemm reġgħu daħku! L-interessi nazzjonali, qalulna bil-paternaliżmu u l-pompa kollha, dejjem se jibqgħu jiġu salvagwardjati b’Malta membru tal-Unjoni Ewropea, għax fl-Unjoni ma hemmx differenza bejn il-kbir u ż-żgħir.

Ftit hemm bżonn ta’ aktar kummenti fuq il-ġrajja tat-tonn. Uriet li kif konna ngħidu, meta tkun parti minn klabb, trid toqgħod skont ir-regoli tiegħu… u meta tiġi għas-si u n-no, is-saħħa li jagħtik il-kobor u s-saħħa li jagħtik iċ-ċokon mhumiex l-istess.

Biss, il-PN fil-gvern ma riedx jisma’. Anzi ta’ gonzi-pn bl-arroganza li qatt ma ħalliethom, iddandnu b’kemm huma jafu kollox u ħaddieħor ma jaf xejn.

EWRO U ROVINA

Niġi għat-tielet ġrajja. Fl-aħħar ġimgħat faqqgħet il-problema enormi li qed tiffaċċja l-Greċja, pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, u membru taż-żona ewro. Wara li kien hemm gvern lemini, immexxi minn partit sieħeb tal-PN, li sparpalja l-flus, li ħawwad fl-istatistika u li saq lill-Greċja lejn ir-rovina, kellha ssir elezzjoni ftit ilu. Rebaħ il-partit soċjalista ta’ George Papandreou, li ġie mpoġġi quddiem kriżi liema bħalha. Il-Greċja sabet ruħha qrib ta’ falliment ekonomiku u finanzjarju. Illum fil-Greċja, sħab il-PN mil-lemin, qed jaraw kif iwaħħlu f’Papandreou għal dak li nqala’!

It-tattika tagħhom ma għaġġbitnix. Ġrat anki fostna fl-imgħoddi, bil-PN iwaħħal f’tal-Labour għall-ħofra li ħaffru tal-PN fil-finanzi tal-gvern Malti lejn nofs is-snin disgħin.

Biss mhux għalhekk li dan kien każ ieħor, fejn meta qiest xinhu għaddej fil-Greċja… kelli nerġa’ ngħid… “Ara..!” Għax il-Greċja tinsab fiż-żona ewro. Ma kinux qalulna kif il-fatt li tkun daħħalt l-ewro, se jagħtik garanzija li tista’ tilqa’ għall-maltempati li jqumu…? u li mn’alla aħna daħħalna l-ewro għax kieku min jaf x’konna se niffaċċjaw…?

Il-Greċja kienet mil-bidu nett fl-ewro, u qalgħetha bil-kbir. X’inhi din mela li jekk tkun bl-ewro, għandek ħobżok maħbuż għax m’hemmx aktar minn xiex tinkwieta?

Sadattant, il-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea daru fuq il-Greċja u qalulha: solvi l-problemi tiegħek int stess. Naqqas il-pagi. Għolli l-età tal-pensjonijiet. Naqqas il-benefiċċji soċjali. Inkella lanqas inħarsu lejk. U l-gvern Grieg kellu jagħmel hekk… u jiffaċċja strajkijiet u dimostrazzjonijiet ġieli vjolenti, fit-toroq… u se jerġa’ jkollu jżid il-piżijiet…

Imbagħad bil-wiċċ tost kollu, l-Prim Ministru Gonzi joħroġ jgħid bħal ma għamel ġimgħa ilu, li l-Partit Laburista dejjem ta pariri ħżiena u li mn’Alla li l-partit tiegħu ma aċċettax dawn il-pariri. Mhux ta’ b’xejn li dan hu gvern li qed jgħix gidba, qed jgħix f’gidba u qed jgħix b’gidba.

Nemmen li, kif qed isir, il-Partit Laburista jrid jibqa’ jgħid il-verità bla ħabi jew xinxilli. L-argumenti li qed insemmi hawn mhumiex argumenti biex Malta toħroġ mill-Unjoni Ewropea jew miż-żona euro. Dak illum ikun ta’ deni għall-ħaddiema u l-ekonomija ta’ pajjiżna, la l-affarijiet ġraw kif ġraw. Li treġġa’ l-arloġġ lura ftit jagħmel sens.

L-isfida quddiemna hi li b’Malta fejn tinsab u kif tinsab, irridu noqogħdu attenti biex insibu l-aħjar mod kif niddefendu l-interess nazzjonali. Dan l-aħjar mod irid jitlaq mil-verità. Matul is-snin, biex iġibuna fejn ġabuna, ta’ gonzi-pn għawġu l-verità bla ebda skruplu. Għadhom jagħmlu hekk sal-lum. Jien l-anqas wieħed li neħodha bi kbira jekk għad jinstab, forsi mhux wisq fil-bogħod, li anki l-istatistika tagħna hi mbagħbsa bħal ma nstab li kienet dik tal-Greċja… Imbagħad, jekk jiġri hekk, ikollna mument ieħor ta’… “I! Ara!…ma kinux qalulna…?”

Daqskemm qalu affarijiet matul is-snin! U kemm għamlu ħilithom biex ibellgħu rawa lill-poplu Malti u Għawdxi. L-aqwa li gonzi-pn ma accettax il-pariri li tawh tal-Labour.

ARTIKLU, IT-TORĊA, 21 TA’ MARZU 2010

Facebook Comments

Post a comment