“FIL-MOĦBI U B’RIEDA ĦAŻINA” – INTERVENT FIL-PARLAMENT F’DIBATTITU FUQ MOZZJONI MRESSQA MILL-WHIP TAL-OPPOŻIZZJONI DWAR ĦLASIJIET LILL-KABINETT TAL-MINISTRI, KAP TAL-OPPOŻIZZJONI, SPEAKER U MEMBRI PARLAMENTARI, IS-SIBT 11 TA’ ĠUNJU 2011

Il-mozzjoni li għandu quddiemu dal-Parlament… kif ukoll dad-dibattitu… qed ipoġġu mill-ġdid quddiem l-opinjoni publika kwistjoni tal-akbar importanza. Kif u kemm għandhom jitħallsu għall-ħidma li jagħmlu, dawk iċ-ċittadini li fid-demokrazija rappreżentattiva tagħna, ikollhom ħatriet leġislattivi… biex jiddeċiedu dwar il-liġijiet li jirregolaw l-imġiba f’dal-pajjiż… u dawk li jkollhom ħatriet kemm leġislattivi u eżekuttivi, bħala membri tal-kabinett tal-ministri li jmexxu l-gvern tal-ġurnata.

Kwistjoni oħra marbuta ma’ dawn il-mistqsijiet hi: kif għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar kemm jitħallsu Prim Ministri, ministri u deputati?

Ftit wara l-aħħar elezzjoni li l-partit ta’ gonzi-pn rebaħ bi żbrixx, il-kabinett tal-ministri ddeċieda li jagħti lilu nnifsu żieda sensazzjonali fid-dħul ta’ kull membru tal-kabinett mill-Prim Ministru ’l isfel. Iż-żieda ngħatat skont diversi binarji: kien hemm żieda li daħlet għax il-ministri ddeċidew li jibdew jieħdu… ħaġa li ma kintix tiġri sa dak il-waqt… l-onorarja ta’ membru tal-parlament; iddeċidew li jżidu din l-onorarja għall-parlamentari, imma ż-żieda bdew jeħduha huma biss; iddeċidew li jżidu l-allowances li minnhom jibbenefikaw il-Prim Ministru u l-Ministri.

Dawn iż-żidiet kollha li skont kif ġie kalkolat, ilaħħqu għal żieda medja ta’ 500 ewro fil-ġimgħa għal kull membru tal-kabinett, baqgħu moħbija anki mill-grupp parlamentari tal-gvern. Ħarġu għall-beraħ wara li saret mistoqsija parlamentari li t-tweġiba għaliha kienet tali li bil-mod wara, bdiet ħierġa l-verità.

Sadattant, fil-każ tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ħlasijiet lilu suppost kellhom jiżdiedu fuq binarju relatat maż-żieda li ħadu l-ministri, dawn il-ħlasijiet baqgħu ma ngħatawx.

Terġa’: jidher li hemm konfużjoni dwar x’ġara fil-każ tal-iSpeaker, li d-dħul tiegħu kellu wkoll jiċċaqlaq f’linja ma’ tal-ministri. Iż-żewġ persuni fil-ħatra ta’ Speaker minn meta l-kabinett iddeċieda kif iddeċieda, kienu jafu biż-żidiet u jekk kienu, kif ġew informati bil-bidliet fil-ħlasijiet? Huma ħaduhom iż-żidiet jew ma ħaduhomx?

SKANDLU

Ma setax jonqos li din il-kwistjoni ħolqot skandlu li ma bħalu fil-pajjiż. Intortament, weħlu wkoll id-deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Quddiem il-poplu dehru li żdiedu bil-kbir meta fil-fatt, fi ħlasijiet ta’ onorarja, kienu baqgħu fejn kienu.

Sadattant quddiem għajnejn kulħadd ukoll, minkejja li ma baqgħux lura milli jiġġustifikaw għemilhom, il-ministri u l-Prim Ministru dehru li minn taħt kienu qed jiffangaw u jitħanżru fuq dahar il-poplu. U dan fi żmien meta l-maġġoranza taċ-ċittadini u l-familji tagħhom kienu mistennija jġorru dejjem aktar piżijiet u jagħmlu dejjem aktar sagrifiċċji finanzjarji.

Mhux ta’ b’xejn li dil-kwistjoni kabbret l-isfiduċja mal-pajjiż in ġenerali fil-klassi politika. Anki minħabba f’hekk biss, dil-mozzjoni li għandna quddiemna messha tgħaddi minn dal-Parlament biex timmarka l-fatt li l-maġġoranza tal-parlamentari ma jistgħux jibqgħu siekta.

Ma jistgħux japprovaw deċiżjonijiet bħal dawn li għandhom iħammru wiċċ kull min jemmen fil-politika bħala ħidma dedikata għas-servizz pubbliku, bħala ħidma maħsuba biex tippromwovi l-ġid komuni, mhux il-benessri personali ta’ min jinsab fil-kmand.

Kemm jien ili f’dal-Parlament, inqalgħu problemi mela le, ħafna minnhom diffiċli ħafna. In-nuqqas ta’ qbil ġieli żbroffa f’tilwimiet kbar. Saru allegazzjonijiet wiesgħa u dojoq, dwar korruzzjoni u tixħim kontra deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra. Imma matul is-snin, minkejja d-differenzi ġieli kbar fost in-nies preżenti f’dil-Kamra, il-kunsens kien li s-servizz publiku għal min jidħol għall-ħajja ta’ politiku, ta’ deputat, eventwalment ta’ membru tal-kabinett, hu ta’ natura differenti minn kull impjieg ieħor.

Min jidħol għal ħidma fil-qasam publiku u politiku mhux qed jagħmel hekk biex jistagħna, imma biex jagħti servizz lir-republika.

U allura membru ta’ dal-Parlament, jekk daħal għal dil-ħidma, ma jistax ikollu… ma jistax ikollha… l-istess mira bħal min jidħol għal professjoni, min jaqbad impjieg, min imexxi negozju.

Issa hu veru li bħala Parlament ta’ pajjiż ċkejken, ħafna mid-deputati tagħna huma part-time u d-dħul tagħhom jiġi l-aktar mill-ħidma professjonali jew vokazzjonali jew ta’ impjieg tagħhom. Il-fehma dejjem kienet ċara madankollu: meta tkun qiegħed taġixxi bħala politiku, tistenniex qligħ mill-ħidma tiegħek. L-ilmenti li smajt minn professjonisti taż-żewġ partiti matul is-snin kien kif il-qligħ tagħhom mill-professjoni jsofri għax kostitwenti u klijenti jistennew li jnaqqsulhom it-tariffi jew addirittura ma jitolbux ħlas, biex iżidu l-appoġġ politiku fost il-votanti.

Hu veru wkoll li matul is-snin, kiber għarfien li meta deputat jieħu kariga ministerjali, u jkollu jsir full time fil-qadi tad-dmirjiet governattivi tiegħu, ma jistax ikun li d-dħul personali tiegħu jispiċċa sproporzjonatament baxx… aktar u aktar għax in-nefqa personali tiegħu u ta’ familtu tikber minħabba l-kariga li jkun daħal għaliha… Niftakar min kien igerger miegħi li meta sar ministru, tant tilef flus li m’għandux għalfejn jibqa’ fil-kariga…

IS-SERVIZZ PUBBLIKU

Allura kulħadd għandu jqisha bħala ħaġa minn ewl id-dinja li d-dħul finanzjarju għal min ikun membru fil-kabinett imissu jirrifletti l-importanza tal-kariga għat-tmexxija serja ta’ dal-pajjiż. Imma fl-issettjar ta’ dil-paga, ħlas, għidlu li trid… irid jibqa’ dejjem l-għarfien li s-servizz publiku hu ta’ natura differenti minn karriera privata, bl-aspirazzjoni leġittima ta’ dawk li f’ħajjithom jixtiequ jimmassimizzaw id-dħul finanzjarju tagħhom.

Bl-ebda mod dan ma jista’ jkun il-qies li bih jitkejlu l-aspirazzjonijiet għad-dħul finanzjarju tal-membri ta’ dil-Kamra mill-ħidma politika tagħhom, aktar u aktar jekk jaspiraw biex ikunu membri tal-kabinett.

U kien għalhekk ukoll li fis-snin imgħoddija, sal-lum, l-aqwa kontroversji kienu dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni privata minn membri ta’ kabinetti differenti.

Il-mottiv għal din l-allegata korruzzjoni dejjem kien fil-moħħ ta’ min mexxa l-akkużi u ta’ min kellu jiflihom bir-reqqa, li l-benefiċjarju tal-korruzzjoni qed jikkompensa u bil-kif, għad-dħul relattivament baxx tiegħu, billi jabbuża fl-interess tiegħu u ta’ familtu, mill-poter statali li jkollu.

Imma l-punt dejjem baqa’ dan: min daħal għall-ħidma politika ma messux qiesha bħala mod kif jiggwadanja fortuna; jekk ried dan, messu daħal fin-negozju jew għal xi ħidma oħra fejn is-sodisfazzjon finanzjarju se jkun dirett u akbar.

Is-sistema parlamentari tagħna hi mudellata fuq id-demokrazija Ingliża u tipproġetta mġiba politika msejsa fuq kuntrasti bejn avversarji, fejn min jirbaħ, jirbaħ kollox.

IL-KRITIKA U D-DEMOKRAZIJA

Ir-rebbieħ imma għandu jkun lest biex jilqa’ għall-kritika li se jkun suġġett għaliha mill-Oppożizzjoni fil-Parlament u barra minnu, u mis-soċjetà ċivili, sakemm jibqa’ minn fuq. Jilqa’ għall-kritika billi jħabbar id-deċiżjonijiet u l-ħidma tiegħu mhux billi jaħbihom. Jilqa’ billi jfisser id-deċiżjonijiet u jiġġustifikahom. Aktar mal-kontroversja tkun qawwija, aktar għandu d-dmir li jagħmel dan… b’mod miftuħ, ċar, trasparenti, onest. Hu dan li jagħti ħajja lid-demokrazija parlamentari. Hu dan li jagħmilha għodda tal-aqwa interess għat-tmexxija tan-nazzjon.

Sistema demokratika bħal din biex tiffunzjona tajjeb ma tistax u m’għandhiex twarrab il-kontroversja u l-kuntrasti: dan ikun ifisser il-mewt tagħha, għax tnissel soċjetà bbażata fuq il-kompjaċenza u l-koalizzjonijiet ta’ interessi okkulti.

Sistema demokratika bħal din madankollu teħtieġ ċertu ammont ta’ good faith, ta’ rieda tajba fl-andament tagħha – good faith, rieda tajba li trid tintwera min-naħat kollha. Hu din ir-rieda tajba li dejjem kienet… u għadha nieqsa sal-lum… fid-demokrazija parlamentari tagħna, forsi minħabba ċ-ċokon stess tas-soċjetà tagħna.

Jiena wieħed minn dawk li jidħqu meta jisimgħu sena wara l-oħra lil dan jew lil dak jimbottaw għal riformi fl-istituzzjonijiet tagħna… saħansitra fil-kostituzzjoni tagħna… għax jgħidulna kif dawn mhumiex jiffunzjonaw tajjeb biżżejjed. Mentri jekk wieħed irid ikun oġġettiv, jirrealizza li f’ħafna każi l-istituzzjonijiet li ddaħħlu taħt il-kostituzzjoni attwali, dik tal-Indipendenza bl-emendi tas-snin sebgħin, huma istituzzjonijiet robusti u adatti għaċ-ċirkostanzi tagħna, kif urew tul l-aħħar sebgħa u erbgħin sena.

Fejn inqalgħu l-problemi, dan ma ġarax minħabba l-istituzzjonijiet li għandna imma minħabba li l-parteċipazzjoni fihom ma saritx b’rieda tajba, b’good faith, anki fil-kuntest avversarju tal-politika tagħna. Nistgħu nibdlu u nirriformaw kemm irridu l-istituzzjonijet, imma sakemm ma jkunx hemm minimu ta’ good faith, ta’ rieda tajba, il-problema ta’ intoppi politiċi u soċjali kbar se jibqgħu magħna.

U biex tintwera dir-rieda tajba, element kruċjali irid ikun il-wiri ta’ rispett lejn l-istituzzjonijiet tad-demokrazija parlamentari, fuq kollox lejn il-Parlament. Hu minnu li matul is-snin, il-poter tal-eżekuttiv baqa’ jiżdied sakemm il-Parlament sar rubber stamp, ħlief meta jinqalgħu ċirkostanzi anomali f’sitwazzjoni bħal tas-snin 1996-1998, jew bħal tal-lum, fejn gvern ikollu maġġoranza ta’ wieħed u deputat joqgħod jilgħabha tal-ors. Ġeneralment, l-eżekuttiv jirranġa biex tgħaddi tiegħu f’kull ħin fuq kollox.

Biss il-poter tal-eżekuttiv ma jistax jinjora li jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi politiċi tal-bilanċ intern bejn id-deputati skjerati fil-Parlament, il-leġittimità tal-istess poter toħroġ mill-fatt li l-membri tal-eżekuttiv effettivament huma sotto kumitat tal-Parlament.

Jekk il-poter eżekuttiv iżbelaħ, jinjora, iċekken, iwarrab il-funzjonijiet li l-Parlament qiegħed hemm biex jaqdi, jixxaqqaq l-ingranaġġ fin li fuqu d-demokrazija tagħna titmexxa, anki jekk ħafna ma jindunawx b’dan.

Il-punti li qed insemmi jieħdu qawwa akbar fi żminijietna, meta l-ħtieġa ta’ trasparenza u ta’ kontabilità… ta’accountability… fil-ħidma pubblika qed issir dejjem aktar meħtieġa, mhux biss f’Malta, imma mal-Ewropa… mad-dinja kollha.

AWSTERITÀ U RIEDA ĦAŻINA

Bir-raġun, il-popli qed jesiġu li min qed jirrapreżentahom u jmexxihom, min qed jimponi taxxi u sagrifiċċji fuqhom, min jinsab f’pożizzjoni ta’ poter u qed jistqarr viżjonijiet għall-futur tagħhom u tal-familji tagħhom… ikun trasparenti f’li jgħid u jagħmel… mhux l-anqas fejn jidħlu l-flus u l-benefiċji li hu… min jinsab fil-poter, jiġifieri… qed igawdi minnhom.

Jorbot dan mal-miżuri ta’ awsterità li nxterdu ma’ bosta pajjiżi Ewropej, mill-Irlanda sal-Islanda sar Russja sal-Greċja u l-Ġermanja. U sa Malta wkoll, igħid xi jgħid gonzi-pn. Għax waqt li l-ekonomija tagħna, kif imkejla mill-Prodott Gross domestiku, tidher li qed tikber, ħafna u ħafna familji qed ikollhom jibqgħu jissikkaw iċ-ċinturin.

L-awsterità wkoll tinsab fostna… fil-ġlieda tal-familji biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja… biż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, tal-gass u tal-elettriku… bit-tqaċċit ta’ impjiegi fl-Air Malta u f’postijiet oħra tax-xogħol… bl-għeluq ta’ azjendi ewlenin bħat-tarznari… bin-nuqqas ta’ dħul fost is-self employed iż-żgħar…

Hu f’dal-qafas… jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna… li messna nqisu l-mozzjoni li għandna quddiemna… Min irid imexxi u fl-istess ħin irid igawdi ħajja tajba ħafna billi jdaħħal flejjes tajba ħafna, se jkun qiegħed… barra milli jiskredita lilu nnifsu… jiskredita wkoll lid-demokrazija parlamentari f’pajjiżna.

Dil-mozzjoni qed titkellem dwar deċiżjoni mill-kabinett tal-gvern attwali fir-rigward tal-flejjes li jdaħħlu l-membri tiegħu, li hi indiċenti minn kull aspett. Biss ikolli nammetti li l-aktar li ħassejtni offiż b’dak li ġara, kien b’dak li ntqal mill-onor Prim Ministru waqt waħda mis-seduti fejn tqajmet dil-ħaġa, f’Jannar li għadda jekk niftakar tajjeb. Biex ifisser id-deċiżjoni li ttieħdet mill-kabinett ħalli jżid id-dħul ta’ kull wieħed mill-membri tiegħu, il-Prim Ministru nfexx f’paraguni mad-dħul privat ta’ membri oħra ta’dal-Parlament li mhumiex ministri u m’għandhomx karigi tal-gvern.

F’dak il-waqt, il-Prim Ministru nstema’ u deher qisu x-shop steward ta’ grupp ta’ impjegati li għandhom il-fakultà unika li jilagħbuha kemm tal-ħaddiema u kemm tas-sidien, waqt li mhuma accountable lejn ħadd. Bħala ħaddiema jgergru kemm ħaddieħor jinsab aħjar minnhom. Bħala sidien jiddeċiedu kif se jiffangaw. Addio l-ideal tas-servizz pubbliku li ninsabu lkoll suppost iddedikati għalih f’dal-Parlament.

Bla riżervi ngħidha dil-ħaġa hawn illum: qatt kemm ili deputat, ma smajt espressjoni daqshekk meskina u arroganti ta’ kif wieħed għandu jikkunsidra… xinhu x-xogħol li aħna d-deputati jew huma… għax hekk trid tgħid… huma ! l-ministri tal-kabinett… qegħdin hawn biex inwettqu. L-ispjega li ngħatajna nħasset bħala manifest ta’ regħba min-naħa tal-kabinett.

Fil-fatt, jekk tifli sew il-fatti li wasslu għad-deċiżjoni biex il-ministri tal-kabinett jingħataw bħala medja żieda ta’ 500 ewro fil-ġimgħa u l-mod kif twettqet, ikollok tammetti li kollox kien ippernjat fuq meskinità tal-għaġeb.

M’għandix għalfejn nidħol fid-dettalji… Imma… kien hemm il-mod mistur kif ittieħdet id-deċiżjoni… Kien hemm il-mod kif inħbiet… Kien hemm il-mod kif ġiet imfissra… Kien hemm is-sinjifikat tagħha… fiż-żieda astronomika li ngħataw il-ministri tal-kabinett u li ġabithom ħafna aħjar fid-dħul minn dak li jirċievu ħafna mill-aqwa mexxejja tas-settur privat!

U hekk hu li b’mod moħbi, mhux mistqarr, mhux spjegat, is-servizz publiku fl-aqwa livelli tiegħu sar mod kif taqla’ flus mill-aktar tajba. Anki fis-settur privat, fejn għad hemm ħafna nuqqasijiet, dal-livell ta’ kontabilità jitqies bħala mhux aċċettabbli.

Meskinità u trid tintqal mill-ġdid: bad faith, nuqqas ta’ rieda tajba. Għax f’dan kollu, id-deputati tal-Parlament intużaw bħala paraventu, ġew involuti u quddiem l-opinjoni publika għadhom involuti, fit-taħwida li saret biex il-ministri jingħataw iż-żidiet li ngħataw.

Id-deputati ddaħħlu bla ma jafu fl-istorja billi fuq il-karta, l-kabinett iddeċieda li se jżid fl-onorarji tad-deputati kollha… imma diż-żieda baqgħet ma ngħatatx… ħlief għall-ministri…!

IL-PARLAMENT RIDIKOLAT

Issa skont il-liġijiet finanzjarji tal-pajjiż, min jitħallas minn vot fl-estimi finanzjarji, irid jitħallas minn dak il-vot. Jekk il-ministri ddeċidew li għandhom għax jitħallsu l-onorarji ta’ deputati u mhux biss is-salarji tagħhom ta’ ministri, dawk l-onorarji tagħhom kellhom jitħallsu mill-Parlament. Sa fejn nafu, ma ġarax hekk.

Jekk kien hemm żidiet fl-onorarji tad-deputati li minnhom ibbenefikaw il-ministri qabel deputati oħra… li qatt ma ħadu dawn iż-żidiet… il-ħlasijiet relattivi kellhom joħorġu mill-voti tal-Parlament. Sa fejn nafu, dil-ħaġa ma ġratx. Minflok, il-Ministri tħallsu mill-voti tal-ministeri tagħhom.

U sadattant, il-gvern ħareġ jgħid li kien approva żieda sostanzjali fl-onorarji … jew paga, għidilha xi trid… tad-deputati, li ħadd minnhom baqa’ ma ħa… imma li f’moħħ il-poplu…ma tagħtihx raġun, kienet allajbierek, imbelgħet mid-deputati… Nazzjonalisti u Laburisti… Imbagħad meta qamet l-agħa li tqajmet, il-gvern mar fir-rivers u ddikjara li qed jikkanċella ż-żieda li kellhom jieħdu d-deputati, waqt li l-ministri kienu se jagħtu lura bin-nifs iż-żidiet li kienu gawdew għal sentejn u aktar.

Għall-poplu kollu tista’ tgħid…u għall-maġġoranza kbira tad-deputati li mhumiex ministri… il-mod kif tmexxiet dil-biċċa irredikola lil dil-Kamra… ħoloq anzi, mill-bidu sal-aħħar, preċedent inkredibbli ta’ disprezz lejn dal-Parlament. Ħaġa tal-għaġeb: is-Sedja kienet waħda mill-ftit f’dal-Parlament u f’dal-pajjiż li ma ndunatx b’dil-ħaġa, anki meta jien u oħrajn ġbidnielha l-attenzjoni għad-disprezz lejn il-Parlament li l-aġir tal-Prim Ministru u tal-kabinett kien ifisser.

Jekk kien hemm każ fejn id-deputati Maltin… taż-żewġ naħat tal-Kamra issa, ġew irredikolati u soġġetti għal disprezz kien dan: li l-ministri ħadu żidiet tassew kbar fil-pagi tagħhom, u ħadd ma kien jaf; li dan sar in parti fuq żieda li d-deputati baqgħu ma ħadux imma l-ministri iva, tal-onorarju li jirċievu bħala membri ta’dil-Kamra; li dawn il-ħlasijiet biż-żieda li kienu magħhom għall-ministri ma ħarġux mill-voti tal-Parlament, għalkemm kienu suppost parti mill-onorarji li l-ministri ddeċidew li għandhom jibdew jieħdu; li diż-żieda mbagħad twaqqfet għax il-Prim Ministru bħala kap tal-eżekuttiv ħa għalih li ż-żieda li ta lilu nnifsu u lill-ministri sħabu… b’medja ta’ żieda li tlaħħaq 500 ewro fil-ġimgħa… qajmet daqstant storbju fil-pajjiż – u waqqaf iż-żieda ħafna iċken li kien immarka fl-onorarju tad-deputati.

Id-deputati ta’ dal-Parlament ġew ittrattati qishom kienu tfal fil-kindergarten.

U hemm sinjal ieħor f’dan kollu dan ta’ kif taħdem il-bad faith, ir-rieda ħażina. Hu l-mod kif ġie trattat il-Kap tal-Oppożizzjoni, li dwaru titkellem ukoll dil-mozzjoni. Hu mod maħsub għal tal-apposta biex iċekken lill-Kap tal-Oppożizzjoni, tattika li kif naf tajjeb hi waħda li jiddeletta ħafna biha gonzi-pn.

Bħalikieku tattika bħal din, lil hinn minn kwistjonijiet ta’ personalità, mhix minnha nnifisha turija wkoll ta’ disprezz lejn id-demokrazija parlamentari ta’ pajjiżna, fejn il-kostituzzjoni tirrikonoxxi l-kariga tal-Kap tal-Oppożizzjoni bħala waħda kostituzzjonali.

U minn hawn ukoll allura joħorġu l-meskinità u l-arroganza murija mill-eżekuttiv fid-deċiżjonijiet meħuda dwar kemm għandhom jitħallsu l-ministri.

Fuq kollox, dawn id-deċiżjonijiet ma kellhomx jittieħdu bil-moħbi u jinżammew moħbija.

Għandna nagħtu eżempju minn fuq nett dwar trasparenza u kontabilità, mhux lanqas fuq ħlasijiet li nirċievu.

Dal-kabinett tal-ministri qed ikollu pressjoni mill-Unjoni Ewropea biex jibdel is-sistema Maltija li biha tingħata żieda fil-pagi kull sena biex tikkumpensa għall-għoli tal-ħajja. Kif jista’ dal-kabinett ikun koerenti kemm mal-Unjoni Ewropea u kemm mal-ħaddiema u l-impjegati Maltin, meta żieda sostanzjali fil-pagi tal-istess ministri seħħet fid-dlam mingħajr ma ħadd kien jaf biha?

U tqum ukoll il-mistoqsija: biex inħarsu l-kredibilità tal-klassi politika mal-poplu, wasalx iż-żmien kif diġà pproponiet l-Oppożizzjoni li l-ħlasijiet lid-deputati u lill-Ministri jkunu deċiżi mhux mill-kabinett imma minn kummissjoni mwaqqfa apposta, skont kriterji magħrufa minn kulħadd. Dwar hekk il-gvern jekk fhimt tajjeb, diġà qal le : il-kabinett għandu jibqa’ responsabbli biex jiddeċiedi kemm jitħallsu l-membri tiegħu.

Personalment, ma nafx kif membru ta’ dil-Kamra jista’ jifhem li qed jaqdi tajjeb il-mandat tiegħu jekk b’xi mod ma juri jew ma turix formalment nuqqas ta’ qbil mal-attitudni u mad-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru u tal-kabinett tiegħu dwar il-pagi u dħul tal-ministri u tad-deputati. U dil-mozzjoni qed tagħtina opportunità biex nuru li ma naqblux u biex nilqgħu għad-daqqa qawwija li dan l-iskandlu ta lid-demokrazija parlamentari tagħna.