Fil-lanja ta’ gvern li qed jgħix gidba, jgħix b’gidba u jgħix f’gidba, gonzi-pn għaddej il-ħin kollu b’ħidma biex idarri n-nies jemmnu li n-nuqqas ta’ inizjattiva u l-medjokrità huma xi ħaġa naturali għal pajjiżna. Il-ftaħir li jsir, appoġġjat minn klikek li qed ipappuha tajjeb, hu magħmul bl-intenzjoni li n-nies ma tikkontestax dak li tara madwarha… biex ma ssaqsix: imma dan ma messux sar aħjar?

Aktar minn hekk, il-propaganda tal-gvern il-ħin kollu tagħfas biex tikkonvinċi lin-nies, kontra dak li huma jafu mill-esperjenza stess tagħhom, li pajjiżna miexi ’l quddiem minħabba l-bżulija tal-gvern u l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea. Il-verità hi li hemm fetta tal-poplu li sejra tajjeb, waqt li maġġoranza kbira tan-nies jafu li l-qagħda ekonomika u soċjali tagħhom u ta’ familthom tinsab staġnata jew marret lura.

Agħar minn hekk: setturi vitali tal-ekonomija reali tal-pajjiż qed jonqoshom in-nifs wara li għal żmien twil, tħallew jaqdfu għal riħhom. Naturalment, l-ewwel eżempju ta’ dan li jiġik f’moħħok illum hu tal-Air Malta u l-mod diżastruż kif f’dawn l-aħħar disa’ snin, il-gvern ħalliha taqa’ f’ħofra.

Imma eżempju ieħor qawwi tal-inkompetenza u n-nuqqas ta’ għaqal ta’ gonzi-pn jagħtihulna Għawdex. Fl-aħħar sentejn u nofs, żort Għawdex ħafna anqas ta’ spiss milli kont nagħmel qabel. Biss bqajt attent għal li jinsab għaddej hemm.

Minn dejjem emmint – bħal ma emmint dwar it-tarzna – kontra dak li kienu jgħidu u għadhom jemmnu ħafna – li Għawdex, jekk jitmexxa tajjeb u jibni fuq is-sens ta’ inizjattiva tal-Għawdxin, jista’ jkun mutur ta’ ħidma ekonomika u soċjali mill-aktar siewi. U jista’ jirnexxi minkejja li l-gżira għandha l-iżvantaġġi taċ-ċokon u tad-distanzi li kulħadd jaf bihom.

BŻONN TA’ STRATEĠIJA SERJA

Biss, kollox jiddependi fuq kemm titwettaq sew strateġija serja għall-iżvilupp ta’ Għawdex. B’modi differenti, sar progress meta Għawdex kellu lil Dr Karmenu Mifsud Bonnici bħala Prim Ministru li ħa interess dirett fih; meta kien hemm Anton Tabone bħala ministru għal Għawdex; u meta Anton Refalo kien segretarju parlamentari għal Għawdex.

Minn dak iż-żmien lil hawn, it-triq kienet għan-niżla. Il-bażużlar, l-inkompetenza, il-korruzzjoni, il-vendikazzjonijiet bi tbissima, il-partiġġjaniżmu, l-isparpaljar ta’ flus u ma nafx xiex aktar servew u qed iservu biex Għawdex tqanfed aktar minn Malta fil-mod kif jiġi amministrat. Biżżejjed taqra r-rapport tal-awditur ġenerali tas-sena 2008 dwar l-isptar ta’ Għawdex biex tifhem xinhi l-problema. Sadattant, anqas u anqas Għawdxin qed isibu xogħol f’pajjiżhom stess – l-impjiegi hemm naqsu bil-kbir, u dan taħt gvern li (gidba oħra!) jiftaħar kemm iżomm ix-xogħol bħala priorita ewlenija tiegħu.

Għalhekk dan l-aħħar waqt id-dibattitu fuq il-budget għal Għawdex tas-sena 2011, kien għajb tisma’ lill-ministru għal Għawdex titkellem kif tkellmet. It-titjib għal dawk li jagħtuha appoġġ, qisu sar l-istess bħallikieku kien titjib fil-ħajja tal-Għawdxin kollha kemm huma. Għawdex jixraqlu ħafna aħjar: jixraqlu tmexxija serja mhux manuvrar partiġġjan u personali, moħbi taħt espressjoni taz-zokkor, jew kważi.

L-aqwa jintlaħaq meta l-ministru għal Għawdex ssemmi kif mar Għawdex fil-ftit anqas minn sentejn bejn l-1996 u l-1998 li kien taħt gvern Laburista. Ma tantx inħobb noqgħod inħares lura jew niftaħar b’li ġara jew ma garax fl-imgħoddi. Dejjem qiest li aħjar tħares ’il quddiem. Imma żżejjed kollu żejjed. Tisma’ lill-ministru preżenti għal Għawdex tgħid li bejn l-1996 u l-1998 Għawdex kellu jitqanna bl-awsterità, imqabbel mal-lum, u taċċetta dak li hi qed tgħid mingħajr ma tmeriha, hu mod kif tasal sal-quċċata tal-gidba.

Fil-kaxxa li tinsab ma’ dan l-artiklu, tidher rassenja tal-ħidmiet u inizjattivi li l-Gvern Laburista wettaq f’Għawdex bejn l-1996 u l-1998. Min irid ikun oġġettiv u lest jaċċetta l-verità tal-fatti – mhux il-verità ta’ xi propogandist li forsi jitħallas tajjeb biex imexxi skola tal-ħrejjef politiċi f’Għawdex – jagħraf kif qatt daqskemm ġara bejn l-1996 u l-1998, ma kien hemm imbuttatura hekk qawwija f’dik il-gżira ħalli l-affarijiet jimxu ’l quddiem.

B’segretarju parlamentari konna ħafna aktar effettivi mill-ministri Nazzjonalisti għal Għawdex. U r-raġuni għaliex hi ċara. Fi żmien il-Labour, mhux ministru wieħed kien impenjat, imma l-membri kollha tal-gvern, biex iwettqu strateġija serja li kienet timmira biex tibni lil Għawdex tassew bħala reġjun. X’differenza mil-lum!

KELLU JKUN IL-BIDU

Dak li qed jidher fil-kaxxa, kellu jkun biss il-bidu. Emminna li jekk Għawdex jiġi trattat bħala reġjun, seta’ javvanza. Ridna nagħmlu dan mhux bil-kliem vojta, imma bil-fatti. Ridna li l-Għawdxin u l-gvern ċentrali jissieħbu fi sforz biex Għawdex jirranka fit-triq tal-progress.

B’xorti ħażina, kollox intesa. Dawk li telgħu wara l-1998, ma kinux interessati. Ħallew kollox jinxef fuq iz-zokk. Wara, gidba oħra tal-PN kienet meta qalu li mal-Ewropa waslu biex jittrattaw lil Għawdex bħala reġjun. Minn dan kollu ma ġara xejn.

Kif setgħu l-Ewropej jieħdu lil Għawdex bis-serjetà bħala reġjun, meta l-istess gvern Malti ma kien qed juri l-ebda serjetà f’dil-ħaġa?

Safrattant, matul is-snin, aħna żammejna l-impenn tagħhna biex lil Għawdex nibqgħu nikkunsidrawh bħala reġjun. Addattajna u tejjibna l-pjani li konna qed nipproponu għall-iżvilupp ta’ Għawdex, kif jidher mid-dokument li ppublikajna fil-ktieb ta’ pjani politiċi u ekonomici “Pjan għal Bidu Ġdid” tal-2007. Niddubita qattx kien hemm trattament politiku aktar serju dwar Għawdex, minn dak li jidher f’dak id-dokument.

Niddejjaq inħares lura minflok ’il quddiem, imma xi kultant, biex tagħmel kontrapiż għall-gideb għaddejja, ma jibqagħlekx triq oħra. Il-Partit Laburista żamm kuntatt dirett mal-ħajja tal-Għawdxin biex ikun jista’, minkejja kull gidba li jaqilgħu kontra tiegħu, jipproponi l-aħjar triq lejn progress veru f’Għawdex. Ninsab konvint li l-istess għadu qed jiġri llum.

Għawdex mhux se jimxi ’l quddiem sakemm ikollna gvern li jibqa’ jgħix gidba. Għawdex għandu bżonn il-Labour fil-gvern biex jirpilja tassew.

……………………………………………………………………………………………

ĦIDMIET F’GĦAWDEX MILL-GVERN LABURISTA: 1996-1998

Din hi rassenja ta’ x’wettaq il-gvern Laburista f’Għawdex bejn l-aħħar tal-1996 u l-1998.

–Lestejna u ppublikajna abbozz ta’ Pjan ta’ Żvilupp għal Għawdex b’inizjattivi dettaljati dwar proġetti ta’ xogħol u titjib sostenibbli fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-gżira.

–Lestejna u ppublikajna White Paper għat-twaqqif ta’ Kunsill Reġjonali għal Għawdex li wara konsultazzjoni mal-Għawdxin, kien approvat mill-Kabinett.

–Ħejjejna liġi għat-twaqqif tal-Kunsill Reġjonali li kienet waslet biex titressaq quddiem il-Parlament.

–Tlesta rapport estensiv dwar l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, b’rakkomandazzjonijiet fost oħrajn biex is-servizzi ta’ l-isptar jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-Għawdxin.

–Ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar l-isptar bdew jitwettqu minnufih:

–inbniet taqsima ġdida u moderna tal-emerġenza;

–ġew estiżi s-servizzi ta’ speċjalisti fl-isptar;

–issaħħet l-amministrazzjoni tal-isptar

–Iffirmajna ftehim ma’ tnax-il Kunsill Lokali u mal-Kurja ta’ Għawdex għat-twaqqif ta’ ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani Għawdxin. Dan kien l-ewwel ftehim tripartit ta’ din ix-xorta li qatt sar f’Malta.

–Introduċejna skema ta’ għajnuna finanzjarja għall-għaqdiet volontarji Għawdxin.

–Ħejjejna skema ta’ inkoraggiment, inkluż finanzjarju, għall-artisti Għawdxin.

–Żgurajna li tour operators Ewropej iġibu lejn Għawdex it-turisti li jkollhom f’Malta.

–Introduċejna s-Sentinella, animazzjoni ta’ gwardja storika ta’ żmien il-Kavalieri, fil-Gran Kastell. Din kienet attrazzjoni turistika kbira (…li waqfet hekk kif inbidel il-Gvern!)

–Sar folk-festival ta’ tliet ijiem imsejjaħ “Iljieli Sajfin” fir-raħal tal-Għarb.

–Sar ftehim mas-sidien tax-xarabanks f’Għawdex li permezz tiegħu x-xarabanks ġew modernizzati u n-numru tagħhom irdoppja; is-sidien ingħataw perjodu ta’ konsolidament sas-sena 2000 meta l-Gvern seta’ jikkunsidra l-liberalizzazzjoni tas-servizz bla skeda.

–Ġiet identifikata u bdiet tintuża barriera fil-limiti tal-Għarb għat-tfiegħ ta’ radam b’mod organizzat u kontrollat.

–Ġew rijabilitati l-Għases tal-Pulizija fi ħmistax-il lokalità.

–Ġew rijabilitati diversi bereġ tas-Saħħa fl-irħula.

–Sar it-tħammil tal-menqa f’Marsalforn.

–Bdew u tkomplew ix-xogħolijiet fuq l-iżbokk tad-drenaġġ f’Ras il-Ħobz biex id-drenaġġ beda jintefa’ aktar ’il barra fil-baħar u f’aktar fond. (In-Nazzjonalisti kienu ilhom għaxar snin iwiegħdu l-proġett u qatt ma tellquh.)

–Wettaqna xogħolijiet kbar ta’ rijabilitazzjoni u tisbiħ fix-Xlendi u Marsalforn.

–Saru xogħolijiet kbar ta’ manutenzjoni u titjib fil-Housing Estate taċ-Ċawla.

–Mexxejna programm estensiv ta’ manutenzjoni fl-iskejjel governattivi u fiċ-Ċentru tal-Università.

–Waqqafna ċentru ġdid tax-xjenza f’Wied il-Lunzjata fejn studenti mill-iskejjel sekondarji setgħu jagħmlu l-fieldwork tagħhom u xogħol ieħor tal-laboratorju, bħal f’Villa Psaigon f’Malta.

–Wettaqna t-tieni fażi taċ-Ċentru Amministrattiv fir-Rabat fejn ġew akkomodati tmien fergħat ta’ dipartimentital-Gvern.

–Bħala akkomodazzjoni soċjali, offrejna għall-bejgħ 24 unit, u għadd ta’ garaxijiet fil-Qala u mkejjen oħra, kif ukoll il-bini ta’ 26 maisonettes fix-Xewkija.

–Għaddejna liġi biex l-appelli tal-Kriminal tal-Qorti Inferjuri u tal-Bord tal-Kera bdew jinstemgħu f’Għawdex stess.

–Twaqqaf Reġistru ġdid f’Għawdex għat-Tribunal tat-Talbiet Żgħar.

–Wettaqna proġett ta’ riabilitazzjoni u estensjoni fil-Villaġġ tas-Snajja Ta’ Dbieġi fejn inbnew units ġodda, parking area u faċilitajiet sanitarji flimkien ma’ tisbiħ ġenerali tal-lokal.

–Ittrasferejna xogħol tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali minn Malta għal Għawdex biex b’hekk inħoloq xogħol produttiv f’Għawdex stess għal 36 skrivani Għawdxin li kienu jaħdmu Malta.

–Tellaqna diskussjonijiet mal-banek biex jittrasferixxu xogħol ta’ “back-office” minn Malta għal Għawdex. Id-diskussjonijiet kienu avanzati ħafna mal-Mid-Med (illum HSBC).

–Ftehmna mal-Koperattiva Għawdxija tal-bdiewa għall-kiri ta’ art minn għandhom għall-użu ta’ uffiċini u fl-istess ħin bħala għajnuna lill-koperattiva.

–Bnejna mill-ġdid it-Triq tal-Mielħa li mix-Xagħra tieħu għal Marsalforn.

–Bnejna mill-ġdid Triq Sant Antnin u nbena belveder ġdid magħha fl-Imġarr.

–Sar tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ mains ġodda biex tittejjeb id-distribuzzjoni tal-ilma f’irhula tal-Gharb, San Lawrenz, Kerċem, Santa Lucia u l-Ghasri.

–Organizzajna l-ewwel Fiera tal-Ktieb f’Għawdex.

–Irranġajna biex is-seduti dwar materji Għawdxin tad-Development Control Commission tal-Awtorità tal-Ippjanar isiru f’Ghawdex.

–Wettaqna ħidma kbira ghall-izvilupp tal-mollijiet u facilitajiet oħra fiċ-Ċirkewwa u l-Imgarr; tħejjew il-pjanti u saru l-konsultazzjonijiet mehtiega għall-proġett u tlesta t-tħammil taċ-Ċirkewwa.

–Inbeda x-xogħol fuq il-bini tal-vapuri għall-Gozo Channel.

Peress li ġara dak li ġara, u kollox kellu jieqaf ħesrem, dir-rassenja ma tistax tagħti ħjiel sħiħ ta’ x’kien qed iħejji l-gvern Laburista għall-futur f’Għawdex. Wara li nbidel il-gvern, proġetti li ħtiġilhom medda twila ta’ żmien biex jitwettqu, baqgħu fuq l-ixkaffa – forsi għax ma kinux imfassla biex joħolqu perkaċċi għall-ftit tal-qalba, imma tfasslu għall-ġid tal-Għawdxin kollha.

Facebook Comments

Post a comment