Fil-Parlament dil-ġimgħa, sar dibattitu dwar l-Uffiċċju tal-Ombudsman. Serva ta’ kuntrapunt għall-manuvri diżgustanti ta’ gonzi-pn biex joħnoq skrutinju tal-kuntratt skandaluż tal-power station, mill-Kumitat tal-Parlament dwar il-Kontijiet Publiċi (PAC). Id-dibattitu kien dwar abbozz ta’ liġi maħsub biex jagħti setgħa lill-Ombudsman li jaħtar Kummissarji għal Investigazzjonijiet Amministrativi (jiġifieri, Ombudsmen oħra) f’oqsma speċjalizzati tal-amministrazzjoni publika.

Oqsma fejn diġà jinsabu funzjonijiet simili għal dawk li huma indikati fl-Abbozz se jibdew jaqgħu taħt il-provedimenti tal-liġi tal-Ombudsman. Il-ħidma tagħhom tiġi se taqa’ għalhekk taħt id-direzzjoni tal-Ombudsman u bħalu, se jibdew jitqiesu bħala uffiċjali tal-Parlament. Uffiċjali f’dil-lista huma l-Ombudsman tal-Università, u l-Awditur Intern tal-MEPA, l-Awtorità tal-Ambjent u Ippjanar.

L-abbozz ġie preżentat mill-gvern bħala avvanz kbir għax se jsaħħaħ l-protezzjoni ġusta u ħafifa taċ-ċittadini kontra impożizzjonijiet arbitrarji min-naħa tal-eżekuttiv. Jien għadni xettiku dwar l-għan veru tal-gvern.

Fil-fatt, gonzi-pn ra kif jilqa’ għall-kontroversji li qamu fir-rigward tal-ħidma tal-Awditur Intern tal-MEPA. Dan telaq jesponi l-abbużi li kienu u għadhom isiru f’dik l-Awtorità. La kien qed jogħġob lill-bord u uffiċjali għolja ta’ dik l-organiżazzjoni, u lanqas lill-ministri tal-gvern. Il-kwistjonijiet li jinqalgħu dwar żvilupp u permessi tal-bini f’pajjiż ċkejken bħal tagħna jafu jiżbroffaw bil-kbir f’soċjetà fejn jiddominaw il-favoritiżmu politiku, il-klijenteliżmu bla rażan u mhux l-anqas, il-korruzzjoni.

L-Awditur ġie attakkat fuq diversi fronti. Saru sforzi biex il-mezzi u r-riżorsi li jista’ juża jitnaqqsulu, kif ukoll biex jiċċekknu l-kompetenzi tiegħu. Dan imbagħad wassal biex il-gvern jisfa kritikat, flimkien mal-bord tal-MEPA, anki minn nies li s-soltu jagħtuh appoġġ għami. U allura, kif issa drajna li jiġri, gonzi-pn ra kif jillipazza.

ISTITUZZJONI IMPORTANTI

L-istituzzjoni tal-Ombudsman hi waħda tal-akbar importanza. Jixraqlu tislima l-ex-Aġent President tar-Republika Pawlu Xuereb li kien pijunier tal-kunċett tal-Ombudsman f’pajjiżna. L-idea ta’ Ombudsman twasslet fostna per mezz tal-kuntatti mifruxa li l-Partit Laburista kellu fis-snin sittin mal-partiti soċjal-demokratiċi tal-Iskandinavja fejn l-ewwel twaqqaf l-Uffiċċju ta’ Ombudsman. Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-elezzjoni tal-1971 ippropona li ssir l-istess ħaġa f’Malta.

L-avversarji politiċi tal-Partit Laburista jikkritikaw il-fatt li fis-snin ta’ gvern Laburista, l-Uffiċċju tal-Ombudsman baqa’ ma twaqqafx. Wieħed għandu jgħid li fis-snin sebgħin twettqu żviluppi ekonomiċi u soċjali enormi, li wasslu għal bidla kbira fil-funzjonijiet tal-gvern. Kellhom jieħdu preċedenza fuq proġetti oħra. Imbagħad wara, il-problemi politiċi li kibru fil-pajjiż sfortunatament ħarbtu bil-kbir il-possibiltà ta’ żviluppi li setgħu jressqu lejn amministrazzjoni publika aħjar.

Is-sabiħa hi li l-Partit Nazzjonalista meta reġa’ fil-gvern, għadda leġislatura sħiħa bejn l-1987 u l-1992, u aktar minn nofs oħra, bejn l-1992 u l-1996, mingħajr ma għamel xejn biex idaħħal l-Ombudsman. Minflok, waqqaf Kummissjoni dwar l-Inġustizzji bl-iskop li tħares lejn inġustizzji allegatament imwettqa mill-amministrazzjoni Laburista preċedenti. Dil-Kummissjoni tfasslet u tmexxiet bl-aktar mod partiġġjan.

Imbagħad, bejn l-1996 u l-1998, Gvern Laburista kien ħoloq Ombudsman apposta għall-Università, l-aktar biex iħares l-interessi tal-istudenti minn inġustizzji amministrattivi u oħrajn fl-Università. Għal kważi għaxar snin wara, dan l-Uffiċċju tħalla jopera mill-gvern Nazzjonalista bl-aktar mod ineffettiv… minkejja l-ilmenti ripetuti tal-istudenti.

KLIJENTELIŻMU BLA RAŻAN

Madankollu, jekk se nqisu bis-sens is-siwi tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u tal-Kummissarji li se jkollu madwaru, irridu nirrikonoxxu xinhi r-realtà politika u soċjali li se jkunu qed joperaw fiha.

Suppost li bil-privatiżazzjoni li seħħet, u bit-tkabbir tas-suq ħieles fl-ekonomija tal-pajjiż, il-biċċa l-kbira tal-ġid, tal-impjiegi ġodda u tal-investiment qed issir illum mis-settur privat. Imma r-realtà hi li l-operat tal-gvern għadu l-aqwa mutur fil-pajjiż.

Kompliet tikber u tinfirex diskrezjoni sħiħa fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet governattivi. Sadattant, it-trasparenza naqset, mhux żdiedet. Qabel, il-ministri kienu jidhru sew bħala l-persuni responsabbli minn deċiżjonijiet amministrattivi, tajba jew le. Illum, il-paraventi li jaħbu r-responsabbiltajiet ministerjali immoltiplikaw ruħhom.

Fl-imgħoddi, konna nikkritikaw is-sistema klijentelistika li kienet titħaddem fil-pajjiż mill-istrutturi politiċi. Stennejna li maż-żmien, dal-klijenteliżmu kellu jitrażżan.L-għażliet ridnihom isiru fuq il-bażi ta’ min hu l-aktar effiċjenti u meritevoli.

Uħud ħasbu li r-rankatura mistennija lejn soċjetà li tkun imsejsa fuq il-mertu, kienet se tissoda bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Illum nafu mill-esperjenza li għaddej minnu l-pajjiż, kemm dan kollu kien kimera.

Il-klijenteliżmu mhux talli ma ddgħajjifx fl-aħħar għoxrin sena… talli tqawwa. F’ċerti każi nfirex b’mod li ma kienx immaġinabbli fis-snin ħamsin u sittin. Sar arma kostanti ta’ gvern.

IL-KLASSI MEDJA U L-KLIJENTELIŻMU

Ħsibna li l-klijenteliżmu hu aktar effettiv ma’ ċittadini li jkollhom dħul finanzjarju u livell ta’ edukazzjoni pjuttost baxxi, għax aktar se jibqgħu jiddependu mill-“pjaċiri” li jista’ jagħmlilhom il-politikant. Aktar ma jikber il-livell ta’ dħul finanzjarju u ta’ edukazzjoni taċ-ċittadin u tal-familja tiegħu, anqas se jkun hemm lok għall-klijenteliżmu.

Biss, għalkemm il-klassi medja żdiedet sew fostna, dat-tnaqqis mistenni fil-klijenteliżmu ma seħħx. Anzi l-klijenteliżmu tqawwa, anki fil-ħidma politika indirizzata lejn il-familji u ċ-ċittadini bi dħul medju.

Rajna dil-ħaġa tiġri bil-kbir fl-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn għall-ewwel darba l-klijenteliżmu ntuża b’mod sistematiku… u b’suċċess… bħala arma politika indirizzata biex tirkupra voti li jkunu ġejja mhux biss mis-saffi ta’ dħul baxx fis-soċjetà, imma mis-saffi bi dħul finanzjarju medju u anki għoli.

Dwar reklutaġġ fl-armata… permessi ta’ bini mill-MEPA, uħud minnhom abużivi għall-aħħar… għoti ta’ oqbra… agevolament fuq pieni ta’ VAT… kunsiderazzjoni riveduta dwar ħlasijiet ta’ taxxa fuq id-dħul… għoti ta’ promozzjonijiet, ħatriet u allowances… l-amministrazzjoni publika intużat bħala arma politika partiġġjana… Il-klijenteliżmu sar arma effettiva anki fir-rigward tal-klassi medja. U l-istorja żgur se tkompli…

IT-TRIBUNAL TAL-INĠUSTIZZJI

Dan kollu għandu x’jaqsam mal-Uffiċċju tal-Ombudsman għax il-klijenteliżmu bla rażan tal-lum hu piż qawwi fuq l-amministrazzjoni publika. Hu parti integrali mill-korruzzjoni f’ħafna livelli tat-tmexxija. Għal kull pjaċir, favur, att ta’ klijenteliżmu li jsir favur xi ħadd… qed jiġi mogħti l-ġenb jew imċaħħad b’mod inġust, id-dritt ta’ xi ħaddieħor.

Il-gvern qiegħed hemm biex jaqdi n-nofs tal-poplu li jivvotalu u dak il-ħamsa fil-mija tal-poplu li jista’ jitħajjar jivvotalu jekk ikun moqdi. Malli tersaq l-elezzjoni, il-muturi li bihom dis-sistema klijentelistika tasal għall-għanijiet tagħha, jiġu attivati aktar mis-soltu, lesti biex jgħaffġu fuq id-drittijiet tal-proxxmu.

Hu hawn li l-uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissarji l-ġodda jieħdu t-tifsira vera tagħhom. Jekk se jkun hemm rimedju għall-abbuż istituzzjonalizzat fit-tmexxija tal-istat, biex tassew ikun serju u ġenwin, dar-rimedju ma jistax ikun partiġġjan.

Kien għalhekk li l-Partit Laburista baqa’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-hekk imsejħa Kummissjoni dwar l-Inġustizzji imwaqqfa mill-gvern ta’ Fenech Adami. Meta mbagħad, twaqqaf l-uffiċċju tal-Ombudsman taħt it-tmexxija tal-Parlament fis-sena 1995, għedna li minn dak iż-żmien ’il quddiem nistennew li kull min ikollu xi każ ta’ inġustizzja jew ilment kontra l-amministrazzjoni publika… għandu jieħu l-każ tiegħu jew tagħha quddiem l-Ombudsman. Għadni nemmen li dawn id-deċiżjonijiet kienu korretti.

Sadattant kien baqa’ l-problema ta’ x’se jsir mill-każi ta’ inġustizzji u abbużi amministrattivi li saru bejn is-sena 1987 u t-twaqqif tal-Ombudsman, din id-darba mill-gvern Nazzjonalista. Għax wara l-1987, iddaħħlu inġustizzji kbar ġodda, minkejja il-ħrejjef kurrenti dwar kemm kienu qaddisin il-mexxejja Nazzjonalisti fil-gvern ta’ wara l-1987, qishom xi santi padri.

Hawnhekk ukoll, ma ridniex aħna, bħala Partit Laburista, nagħmlu l-istess żball tal-PN u nsewwu l-inġustizzji li saru mill-gvern Nazzjonalista wara l-1987, billi ndaħħlu makkinarju partiġġjan ġdid.

Fl-1997, waqqafna tribunal ġudizjajru apposta biex jikkunsidra l-każi kollha ta’ inġustizzja jew abbuż amministrattiv li saru bejn l-1987 u d-data tat-twaqqif tal-Ombudsman. Taħt it-tmexxija tal-Imħallef Farrugia Sacco nemmen li t-Tribunal tal-Inġustizzji ta prova ta’ kif gvern serju seta’ jsewwi l-inġustizzji amministrattivi mingħajr ma joħloq eċċessi ġodda.

Veru, fil-kamp Laburista mhux kulħadd apprezza dil-pożizzjoni. Uħud qiesu li wieħed kellu jimxi bl-istess tattika u manjiera bħal ma għamlu n-Nazzjonalisti wara l-1987… u bħalma għadhom jagħmlu…

Bit-Tribunal tal-Inġustizzji fittixna li mhux biss nagħtu sodisfazzjon lil min tassew bata minn xi inġustizzja, imma tajnieh ukoll is-sodisfazzjon li quddiem kulħadd ħareġ ċar kemm kellu raġun fl-ilment tiegħu. Id-deċiżjoni favuru ma kinitx ittieħdet fuq bażi partiġġjana, imma għax qorti sabet kemm kellu raġun.

Biss, żewġ affarijiet fis-sistema tat-Tribunal tal-Inġustizzji setgħu saru aħjar. L-ewwel kien hemm il-problema ta’ kif id-deċiżjonijiet setgħu jkunu operattivi fiċ-ċirkostanzi kollha. Beda jiġri li fejn f’ċertu każi d-deċiżjonijiet tat-Tribunal tal-Inġustizzji kienu jikkozzaw ma’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-Servizz Publiku, qamu diffikultajiet biex id-deċiżjonijiet tat-Tribunal jitwettqu.

Imbagħad kien hemm il-limitu ta’ Lm 5,000 fuq il-kumpens finanzjarju li seta’ jingħata lil min kien sofra xi inġustizzja. Għadu jiddispjaċini sal-lum li aċċettajt l-oġġezzjoni li tqanqlet minn parti mill-kabinett tal-ministri ta’ dak iż-żmien, kontra li l-kumpens finanzjarju seta’ jkun miftuħ. Illum nemmen li kumpens hu kumpens, u messna ħallejna għall-qorti li tiddeċiedi x’kellu jingħata jew ma jingħatax.

Biss, il-problema bi Tribunal li se jiġġudika dwar inġustizzji jew abbużi amministrattivi hi li l-proċeduri tiegħu jridu jitmexxew skont kriterji legali, li tajjeb jew ħażin, jinvolvu spejjeż u żmien. Il-vantaġġ tal-Uffiċċju tal-Ombudsman hu… jew kellu jkun… li barra milli jagħti garanzija ta’ imparzjalità, jaħdem skont proċeduri extra-ġudizjarji, ħfief, serji u trasparenti, ħielsa minn kriterji legalistiċi li jdewmu ta’ xejn b’xejn.

IS-SERVIZZ PUBLIKU

Għax barra mill-klijenteliżmu sfrenat li jiddomina lil pajjiżna, hemm ukoll il-kwistjoni tat-tmexxija tas-servizz publiku.

Bla dubju, ħafna ħaddiema u impjegati fiċ-ċivil huma ta’ kalibru kbir. Imma minkejja l-hekk imsejħa riformi li saru, rajna matul is-snin il-poteri u kompetenzi amministrattivi fil-qasam publiku jinfirxu, waqt li l-kwalità tat-tmexxija, it-trasparenza u l-koerenza naqsu bil-kbir.

Biex tgħaxxaqha, l-ispezzettar fl-organiżazzjoni tal-gvern kompla jdaħħal nuqqas ta’ responsabbiltà ġenwina. Inħolqu awtoritajiet, bordijiet, kumpaniji, aġenziji, kummissjonijiet, fondazzjonijiet u ma nafx xiex aktar. Ġie ingaġġat staff li jaħdem mal-gvern bħala impjegat jew self-employed b’kuntratt. Dan sfronda l-kunċett ta’ uffiċjal publiku, bid-doveri u drittijiet tiegħu taħt il-Kostituzzjoni. Kellna s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, bil-ħtieġa li Malta bla tħejjija ta’ xejn, tassimila malajr muntanja ta’ regolamenti ġodda. Dawn il-fatturi komplew iħawdu l-borma.

Fir-realtà, l-amministrazzjoni publika tinsab għaddejja ħafna aktar minn qatt qabel, bl-iskossi… Bil-mod kif jingħataw il-bonuses lil min qiegħed imexxi d-dipartimenti u l-ministeri, l-kontroll tal-ministri fuq il-personell żdied, inkluż fuq dettalji maniġerjali u amministrattivi.

F’dit-tnalja qed jinqabdu nies ta’ rieda tajba u talent, li qed jibqgħu lura jew ma jingħatawx dak li jistħoqqilhom. Dejjem kienet teżisti din it-tnalja klijentelistika, manipulata minn gamorri ta’ nies li huma “ta’ ġewwa” per mezz ta’ rabtiet familjari jew politiċi… Illum dit-tnalja saret aktar qawwija għax is-sistema ta’ klijenteliżmu ġiet modernizzata.

F’dan l-isfond, l-Ombudsman kien inbena bħala istituzzjoni nazzjonali, mis-sur Joe Sammut li bil-lidership tiegħu tah profil qawwi u effettiv. Iċ-ċittadini setgħu jħossu li kellhom bastjun ta’ difiża għall-interessi tagħhom.

Madankollu llum, ma tantx nara li hemm x’tifraħ bil-fatt li n-numru ta’ ilmenti li qed jaslu għand l-Ombudsman jidher li naqas. Kienu kważi 700 fis-sena 2001 u niżlu għal 551 fis-sena 2008.

Ma tiftiehemx l-ispjega li dat-tnaqqis ġara għax il-gvern żarma minn ċerti organiżazzjonijiet tiegħu bil-privatiżazzjoni. Wara kollox, fuq il-livell tal-Ombudsman Ewropew, in-numru ta’ ilmenti minn Malta, baqa’ fl-istess ilma bejn l-2006 u l-2009, billi jvarja bejn is-36 u l-25.

IL-POPLU JIXRAQLU AĦJAR

Allura hemm raġunijiet oħra għala naqsu l-ilmenti bil-miktub. Forsi għax il-profil tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq bażi nazzjonali ċkien? Fl-aħħar rapport tiegħu li għadu kemm għamel lill-Parlament, l-Ombudsman il-Prim Imħallef emeritus Dr Joseph Said Pullicino jirreferi għad-diżastru li kien hemm fl-operat ta’ Arms Limited u jirrimarka li ħadd ma ressaq il-każ quddiemu. Hix ir-raġuni għal dan li ċ-ċittadini qed “jinsew” li jeżisti l-Ombudsman?

Biex inkun għedt kollox: smajt il-kumment minn uħud li l-proċessi li bihom jimxi l-Ombudsman m’għandhomx ikunu l-istess bħal tal-qrati, għax l-Uffiċċju appuntu qiegħed hemm biex jipprovdi rimedju extra-ġudizjarju li jkun ħafif u bla dewmien.

Aktar u aktar dan japplika fil-każ tal-Kummissarju jew Ombudsman li se jieħu l-post tal-Awditur intern tal-MEPA. Biex tgħaxxaqha imma, jidher li l-poteri tal-Awditur Intern tal-MEPA se jitnaqqsulu meta jinġab fl-Uffiċċju tal-Ombudsman. L-Att li bih twaqqaf l-Ombudsman fl-1995, jgħid li l-ebda lment ma jista’ jiġi trattat mill-Ombudsman jekk isir aktar minn sitt xhur wara l-jum li fih min qed jilmenta jkun sema’ bil-każ li jikkonċernah. Sal-lum, l-Awditur Intern tal-MEPA ma kellu l-ebda limitazzjoni ta’ żmien fuq x’ilmenti jista’ jqajjem jew jikkonsidra.

Issa, se jkollu l-istess limitazzjoni bħall-Ombudsman. Din xejn mhi ħaġa tajba.

Kieku kien hemm serjetà fit-tmexxija tal-pajjiż, il-gvern kien jieħu l-okkażjoni ta’ emendi fl-Att dwar l-Ombudsman biex jara kif se jagħtih aktar saħħa – bħala ħarsien mill-klijenteliżmu sfrenat u t-taħsir lampanti fis-sistemi tal-amministrazzjoni publika.

Mhux hekk ġara. Ma ngħata l-ebda ħsieb għal kif il-Parlament jista’ jkollu kuntatt mill-qrib mal-Ombudsman, kif dan ripetuttament talab. Ma saret l-ebda proposta dwar kif tista’ tispiċċa s-sitwazzjoni attwali li biha ilmenti ġustifikati milqugħa mill-Ombudsman, jibqgħu bla rimedju. Ħaġa bħal din m’għandha tkun tollerabbli għal ħadd.

Ma saret l-ebda proposta biex il-limitu ta’ sitt xhur li jitpoġġa fuq l-ilmenti li jista’ jilqa’ l-Ombudsman jitneħħa. Ma saret l-ebda diskussjoni dwar kif nestendu l-funzjonijiet tal-Ombudsman lejn oqsma li qabel kienu responsabbiltà tal-istat, u llum ġew privatizzati, imma fejn għad baqa’ obbligu qawwi ta’ servizz publiku liċ-ċittadini… bħal fil-posta, fil-provista tal-gass, fit-telekomunikazzjonijiet u fil-banek.

Fil-ġlieda kontra l-klijenteliżmu, l-korruzzjoni u l-inġustizzji fl-amministrazzjoni publika, pajjiżna u ċ-ċittadini tiegħu jixirqilhom ħafna aħjar.

(tmiem)

————————————————————————————————————

“IL-KLIJENTELIŻMU TQAWWA FL-AĦĦAR GĦOXRIN SENA”: INTERVENT FID-DIBATTITU PARLAMENTARI DWAR IT-TIENI QARI TAL-ABBOZZ TA’ LIĠI “ATT BIEX JAGĦTI SETGĦA LILL-OMBUDSMAN BIEX JIPPROVDI SERVIZZI AMMINISTRATTIVI U INVESTIGATTIVI LIL KUMMISSARJI GĦAL INVESTIGAZZJONJIET AMMINISTRATTIVI SPEĊJALIZZATI, U BIEX JAĦTAR LIL DAWK IL-KUMMISSARJI BĦALA UFFIĊJALI TAL-PARLAMENT” – 18 TA’ OTTUBRU 2010

L-għan ewlieni tal-abbozz ta’ liġi li għandna quddiemna hu li jagħti s-setgħa lill-Ombudsman li jaħtar Kummissarji għal Investigazzjonijiet Amministrativi f’oqsma speċjalizzati tal-amministrazzjoni publika. Jekk qed nifhem tajjeb l-abbozz, l-għażla ta’ dawn l-oqsma – ħlief għal dawk li diġà huma identifikati – issir mill-Ombudsman bi ftehim mal-Prim Ministru tal-ġurnata. Il-Kummissarji nfushom responsabbli mill-oqsma jinħatru mill-Ombudsman fuq ftehim bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, jew jekk ma jkunx hawn dal-ftehim, mill-Ombudsman.

Oqsma fejn jinsabu funzjonijiet simili għal dawk li huma indikati fl-Abbozz issa jaqgħu taħt il-provedimenti tal-liġi tal-Ombudsman kif se tiġi emendata bl-abbozz. Il-ħidma tagħhom taqa’ għalhekk taħt id-direzzjoni … jekk nistgħu nsejħulha hekk… tal-Ombudsman. L-oqsma li jiġu f’dil-lista huma l-Ombusdman tal-Università, l-awditur intern tal-MEPA, l-Awtorità tal-Ambjent u Ippjanar, u l-Kummissarju tat-Tfal. Dawn il-Kummissarji u l-istaff tagħhom, bħall-Ombudsman innifsu, jibdew jitqiesu bħala uffiċjali tal-Parlament.

L-abbozz qed jiġi preżentat u qed jitqies mill-gvern bħala avvanz kbir għax isaħħaħ l-istrutturi li joffru protezzjoni ġusta u ħafifa liċ-ċittadini kontra impożizzjonijiet arbitrarji min-naħa tal-eżekuttiv. Nittama li hekk se jiġri. Imma ninsab xettiku dwar l-għan veru li wassal lill-gvern biex iressaq dan l-abbozz.

Intqal ukoll li l-abbozz jirriżulta mill-ħidma li wettaq il-Kumitat Magħżul tal-Kamra li kellu jħejji bidliet kostituzzjonali u oħrajn biex isaħħu d-demokrazija. Anki hawn, niddubita kemm dan jista’ jintqal peress li l-aqwa xogħol ta’ dal-Kumitat, li llum qiegħed fil-friża, kellu jkun dak li jassigura li t-tmexxija tal-elezzjonijiet f’pajjiżna ssir fl-aqwa trasparenza u f’rispett sħiħ tar-regoli kostituzzjonali.

Kulħadd jaf kif fl-andament tax-xogħol ta’ dak il-Kumitat, u fl-attitudni tal-gvern lejn kif għandha tittejjeb it-tmexxija ġusta u trasparenti tal-elezzjonijiet, ma kienx hemm rieda tajba min-naħa tal-gvern. Il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Ombudsman kienu punt relattivament minuri fl-għanijiet impoġġija quddiem dak il-Kumitat Magħżul.

Ir-raġuni vera għaliex għandna dan l-abbozz quddiemna hi li l-gvern ried jara kif se jilqa’ għall-kontroversji li kienu qed iqumu fir-rigward tal-ħidma tal-awditur intern tal-MEPA. L-awditur tal-MEPA kien qed jesponi l-abbużi li ta’ spiss kienu u għadhom isiru f’dik l-Awtorità. Dan la kien qed jogħġob lill-bord u uffiċjali għolja ta’ dik l-organiżazzjoni, u lanqas kien qed jogħġob lill-ministri tal-gvern. Il-kwistjonijiet li jinqalgħu dwar żvilupp u permessi tal-bini f’pajjiż ċkejken bħal tagħna jafu jiżbroffaw bil-kbir f’soċjetà fejn jiddominaw il-favoritiżmu politiku, il-klijenteliżmu bla rażan speċjalment lejliet elezzjoni, u mhux l-anqas, il-korruzzjoni.

L-Awditur kien ġie attakkat fuq diversi fronti. Saru sforzi biex il-mezzi u r-riżorsi li kien jista’ juża jitnaqqsulu, kif ukoll biex jiġu mċekkna l-kompetenzi tiegħu. Dan imbagħad wassal biex il-gvern jisfa kritikat, flimkien mal-bord tal-MEPA, anki minn nies li s-soltu jagħtuh appoġġ għami. U allura, kif issa drajna li jiġri, l-amministrazzjoni Gonzi rat kif tillipazza għall-kritika tal-awditur intern tal-MEPA u għall-ħsara politika li kienet qed issirilha wara l-attakki publiċi fuq l-awditur, billi tibdillu l-istatus tiegħu u tinkorporah mal-istrutturi tal-Ombudsman.

B’hekk, apparti mill-lipazzar opportunist li sar it-trademark ta’ din l-amministrazzjoni, nemmen li l-gvern qed ifittex li jolqot żewġ agħsafar b’ġebla waħda – minn naħa, jidher li qed jagħti… u fil-fatt jagħti, aktar awtonomija u forsi saħħa lill-uffiċċju tal-awditur intern, mibdul fir-rwol ta’ Kummissarju fl-uffiċċju tal-Ombudsman, u min-naħa l-oħra, qed jara kif jillimita jew irażżan il-funzjonijiet u l-poteri li seta’ kellu l-awditur.

Ma nistgħux inwarrbu r-realtà ta’ dal-manuvrar politiku meta niġu biex napprezzaw it-tifsira sħiħa ta’ dan l-abbozz.

L-istituzzjoni tal-Ombudsman hi waħda importanti għal pajjiżna u għandna nagħmlu kull sforz biex insostnuha u nsaħħuha. Xieraq li nsemmi hawn lill-politiku Laburista u ex-Aġent President tar-Republika Pawlu Xuereb li sa mis-snin sittin, kien pijunier tal-kunċett tal-Ombudsman f’pajjiżna. U minn hawn, insellem it-tifkira tiegħu…

Wasal fostna dal-kunċett tal-Ombudsman per mezz tal-kuntatti mifruxa li l-Partit Laburista kellu fis-snin sittin mal-partiti soċjal-demokratiċi tal-Iskandinavja fejn l-ewwel kien twaqqaf l-Uffiċċju ta’ Ombudsman. Il-proposta li jitwaqqaf l-Ombudsman f’Malta kienet fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-elezzjoni tal-1971.

L-avversarji politiċi tal-Partit Laburista sal-lum għadhom jikkritikaw il-fatt li mbagħad fis-snin ta’ gvern Laburista, dan l-uffiċċju baqa’ ma twaqqafx. Waqt li hemm x’tikkritika f’dil-ħaġa, u naf li Pawlu Xuereb kien jiddispjaċih li l-ħolma tiegħu ma twettqitx meta xtaq, wieħed għandu jgħid ukoll li fis-snin sebgħin kienu għaddejja żviluppi ekonomiċi u soċjali enormi fil-pajjiż, li wasslu għal bidla kbira fil-funzjonijiet tal-gvern u li ħadu preċedenza fuq proġetti oħra, waqt li mbagħad wara dawk is-snin, il-problemi politiċi li kibru fil-pajjiż sfortunatament ħarbtu bil-kbir il-possibiltà ta’ żviluppi innovattivi li setgħu jwasslu għal governance aħjar tas-sistema ta’ amministrazzjoni publika.

Is-sabiħa hi li l-Partit Nazzjonalista meta reġa’ fil-gvern fl-1987, għadda leġislatura sħiħa bejn l-1987 u l-1992, u aktar minn nofs oħra, bejn l-1992 u l-1996, mingħajr ma għamel xejn biex idaħħal l-uffiċċju tal-Ombudsman. Minflok, waqqaf Kummissjoni dwar l-Inġustizzji bl-iskop li tħares lejn inġustizzji amministrattivi u oħrajn, allegatament imwettqa mill-amministrazzjoni Laburista preċedenti. Dil-Kummissjoni kienet maħsuba u mfassla bl-aktar mod lampanti, biex tissodisfa miri partiġġjani fl-interess tal-Partit Nazzjonalista.

Terġa’, ta’ min isemmi li bejn l-1996 u l-1998, Gvern Laburista kien ħoloq Ombudsman apposta għall-Università, l-aktar bil-għan li jħares l-interessi tal-istudenti minn inġustizzji u minn atti ta’ amministrazzjoni arbitrarja fl-Università. Wara, għal kważi għaxar snin sħaħ, dan l-Uffiċċju tħalla jintesa, u tħalla jopera mill-gvern Nazzjonalista bl-aktar mod ineffettiv, minkejja l-ħtieġa kbira għalih… u minkejja l-ilmenti ripetuti tal-istudenti. Talanqas fl-aħħar żminijiet, jidher li dil-problema ġiet irranġata.

Madankollu, jekk se nqisu bis-sens is-siwi tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u tal-Kummissarji li se jkollu madwaru, irridu nirrikonoxxu xinhi r-realtà politika u soċjali li se jkunu qed joperaw fiha. Il-funzjonjiet li qed nitkellmu dwarhom jittrattaw l-amministrazzjoni tal-makkinarju tal-istat fil-forom kollha tiegħu, jew kważi.

Suppost li bil-privatiżazzjoni li seħħet, u bil-ftuħ tal-ekonomija tal-pajjiż għal tmexxija fuq il-bażi tas-suq ħieles, suppost… li l-biċċa l-kbira tal-ġid, tal-impjiegi ġodda u tal-investiment qed issir illum mis-settur privat. Imma r-realtà hi li l-operat tal-gvern għadu l-aqwa mutur fil-pajjiż. Minflok naqas matul is-snin, l-operat tal-gvern kompla jiżdied, b’Malta fl-Ewropa daqs kemm meta ma kinitx. Is-sehem tal-gvern fl-ekonomija… b’mod reali… qatt ma kien qawwi daqs illum.

Minn das-sehem, kompliet tikber u tinfirex diskrezjoni sħiħa fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet governattivi. Sadattant, it-trasparenza… ngħidu xi ngħidu… effettivament naqset, mhux żdiedet. Sa ftit taż-żmien ilu, l-ministri kienu jidhru sew bħala l-persuni responsabbli minn deċiżjonijiet amministrattivi, tajba jew le. Illum, waqt li d-deċiżjonijiet governattivi nfirxu fuq oqsma ġodda – anki b’mod hekk imsejjaħ regolatorju, li fil-fatt jimplika dejjem fil-kuntest Malti, realtà operattiva – il-paraventi li jaħbu r-responsabbiltajiet ministerjali immoltiplikaw ruħhom.

Fl-imgħoddi, bħal meta kont żagħżugħ jien, konna nikkritikaw is-sistema klijentelistika li kienet titħaddem fil-pajjiż mill-istrutturi politiċi. Konna nistennew li maż-żmien, u mal-maturazzjoni tan-nazzjon u tas-sistema politika tiegħu, dal-klijenteliżmu kellu jitrażżan dejjem aktar biex id-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi jittieħdu fuq il-bażi ta’ xinhu ġust. L-għażliet ridnihom isiru fuq il-bażi ta’ min hu l-aktar effiċjenti u meritevoli.

Kien hemm min ħaseb li din ir-rankatura mistennija lejn soċjetà li tkun imsejsa fuq il-mertu, mhux l-appoġġ klijentelistiku, kienet se tissoda bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Fl-Ewropa, ħafna raw il-miraġġ ta’ sistema ta’ tmexxija li għax skont huma, kienet ibbażata fuq il-mertu mal-kontinent Ewropew kollu, kellha tapplika bl-istess mod għal Malta, u tinforza f’Malta stess, il-kriterju tal-mertu. Illum nafu mill-esperjenza li għaddej minnu l-pajjiż, kemm dan kollu kien kimera.

Il-klijenteliżmu mhux talli ddgħajjef fl-aħħar għoxrin sena… talli tqawwa. F’ċerti każi anki nfirex b’mod li ma kienx immaġinabbli fis-snin ħamsin u sittin. Il-klijenteliżmu sar arma kostanti ta’ gvern, anki jekk illum hu moħbi taħt il-kopertura ta’ customer service jew ta’ xi buzz word oħra. Min ikun politikament iffavorit jew influwenti, jirnexxielu fl-aħħar iġib il-boċċa lejn il-likk, u min le jibqa’ jsaffar. Il-mod kif il-partiti politiċi jinsabu ras imb’ras ikompli jaċċentwa dil-problema.

Il-prattika tal-klijenteliżmu fi ħdan soċjetà ċkejkna bħal tagħna saret aktar minn qabel, prattika li ġaladarba tkun twettqet, ma tistax tiġi mħassra, anki jekk tkun manifestament inġusta jew żbaljata. Fis-snin ħamsin, għall-elezzjoni tal-1955, il-gvern immexxi minn Dottor Ġorġ Borg Olivier kien daħħal mijiet ta’ nies bħala deffiena u kuraturi taċ-ċimiterji, sempliċiment biex jikkapparra l-vot tagħhom u tal-familji tagħhom. Il-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien mill-Oppożizzjoni, kien ikkundanna dan l-aġir u ddikjara li jekk jitla’ fil-gvern, se jkeċċi minnufih lil dawk impjegati b’dal-mod abużiv. Tela’ fil-gvern u hekk għamel. Niddubita kemm ħaġa bħal din tista’ tiġi kontemplata b’suċċess illum, minn kwalunkwe partit politiku Malti.

Għax minkejja li b’mod qawwi, l-livelli tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi tjiebu mis-snin ħamsin lil hawn, u rajna, speċjalment fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, żieda sostanzjali fil-klassi medja, fil-klassi tan-nofs, dak li wieħed kellu jistenna bħala riżultat ta’ dal-fenomenu, ma seħħx. Wieħed kien jistenna li bit-tisħiħ tal-klassi medja, il-kilba għall-klijentliżmu se tiffjakka.

Fl-imgħoddi konna naħsbu li l-klijenteliżmu kien aktar effettiv ma’ ċittadini li jkollhom dħul finanzjarju u livell ta’ edukazzjoni pjuttost baxxi; se jkunu huma li l-aktar jibqgħu jiddependu mill-hekk imsejħa pjaċiri li jista’ jagħtihom il-politikant. Aktar ma jikber il-livell ta’ dħul finanzjarju u ta’ edukazzjoni taċ-ċittadin u tal-familja tiegħu, anqas se jkun hemm lok għall-klijenteliżmu. Se jiżdied l-impenn fost aktar nies, ħalli d-deċiżjonijiet ta’ natura publika jittieħdu skont il-mertu u l-ġustizzja.

Biss, għalkemm il-klassi medja żdiedet sew fostna, dat-tnaqqis mistenni fil-klijenteliżmu ma seħħx. Anzi l-klijenteliżmu… marbut mal-firxa fil-ħidmiet tal-gvern… tqawwa. Baqa’ attiv u importanti anki fil-ħidma politika indirizzata lejn il-familji u ċ-ċittadini bi dħul medju. Baqa’ importanti fil-mod kif il-gvern tal-ġurnata seta’ jirristawra u jsaħħaħ il-lealtà lejh ta’ ċittadini u familji bi dħul medju li kienu se jinfatmu minnu.

Rajna dil-ħaġa tiġri bil-kbir fl-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn għall-ewwel darba l-klijenteliżmu ntuża b’mod sistematiku…u b’suċċess… bħala arma politika indirizzata biex tirkupra voti li jkunu ġejja mhux biss mis-saffi ta’ dħul baxx fis-soċjetà, imma ta’ saffi bi dħul finanzjarju medju u anki għoli.

Reklutaġġ fl-armata… permessi ta’ bini mill-MEPA, uħud minnhom abużivi għall-aħħar… għoti ta’ oqbra… agevolament fuq pieni ta’ VAT… kunsiderazzjoni riveduta dwar ħlasijiet ta’ taxxa fuq id-dħul… għoti ta’ promozzjonijiet, ħatriet u allowances… kien hemm ġibda sħiħa ta’ miżuri fejn l-amministrazzjoni publika intużat bħala arma politika partiġġjana… Ingħatajna prova ħajja ta’ kif il-klijenteliżmu fit-twettiq tal-amministrazzjoni publika issa wessa’ l-funzjoni tiegħu – sar arma effettiva anki fir-rigward tal-klassi medja. U l-istorja żgur se tkompli…

Se jkun hemm min jistaqsi: imma dan x’għandu x’jaqsam mal-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-bqija? Mela m’għandux!

Bħallikieku l-klijenteliżmu bla rażan li jinsab għaddej mhux piż qawwi fuq l-amministrazzjoni publika.

Bħallikieku mhux parti integrali mill-korruzzjoni li tinsab għaddejja f’ħafna livelli tat-tmexxija.

Bħallikieku għal kull pjaċir, favur, att ta’ klijenteliżmu li jsir… sejjaħlu kif trid… mhux qed tiġi mminata l-integrità tas-sistema ta’ tmexxija publika… u fl-istess waqt… għal kull pjaċir, favur, att ta’ klijenteliżmu li jsir… kbir jew żgħir… mhux qiegħed, fl-istess waqt li qed jiġi aġevolat l-interess ta’ xi ħadd… qed jiġi wkoll ħafna drabi, mogħti l-ġenb jew imċaħħad b’mod inġust, id-dritt ta’ xi ħaddieħor?

Saħansitra l-mod kif ċittadin jista’ b’mod effikaċi u ġust, forsi jħares l-interess tiegħu nnifsu, jispiċċa maqbud fi proċessi politiċi, ħafna minnhom sotteraneji, li huma wkoll jitħaddmu fuq linji partiġġjani. B’hekk, qed tkompli tiġi msaħħa l-kultura ta’ “aħna” u “huma” fil-mod kif jiġi proċessat ix-xogħol publiku.

Il-gvern qiegħed hemm biex jaqdi in-nofs tal-poplu li jivvotalu u dak il-ħamsa fil-mija tal-poplu li jista’ jitħajjar jivvotalu jekk ikun moqdi. Malli tersaq l-elezzjoni, il-kanali kollha li bihom dis-sistema klijentelistika tista’ tasal għall-għanijiet tagħha, jiġu attivati aktar milli jkunu s-soltu, u ma jkun hemm l-ebda diga sħiħa biżżejjed biex tikkontrollahom u żżommhom milli jgħaffġu fuq id-drittijiet tal-proxxmu.

Hu hawn li l-uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissarji li jitkellem dwarhom dan l-abbozz, jieħdu t-tifsira vera tagħhom.

Jekk se jkun hemm rimedju… “redress”… għal dan l-abbuż istituzzjonalizzat fit-tmexxija tal-istat, biex tassew ikun serju u ġenwin, dar-rimedju ma jistax ikun partiġġjan.

Hu għalhekk li l-Partit Laburista baqa’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-hekk imsejħa Kummissjoni dwar l-Inġustizzji li l-gvern Nazzjonalista ta’ Fenech Adami waqqaf wara l-1987. Din kienet biss makkinarju partiġġjan biex jagħti sodisfazzjon, ta’ spiss fih innifsu abużiv u inġust, għall-hekk imsejħa inġustizzji amministrattivi u oħrajn li kienu allegatament twettqu qabel l-1987.

Meta mbagħad, twaqqaf l-uffiċċju tal-Ombudsman taħt it-tmexxija tal-Parlament fis-sena 1995, konna għedna li minn dak iż-żmien ’il quddiem nistennew li kull min ikollu xi problema… xi każ ta’ inġustizzja jew ilment kontra l-amministrazzjoni publika… għandu jieħu l-każ tiegħu jew tagħha quddiem l-Ombudsman. Għadni nemmen li d-deċiżjoni li ma nirrikonoxxux il-Kummissjoni dwar l-Inġustizzji u nappoġġjaw it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman kienet waħda korretta u meħtieġa biex nagħtu l-kontribut tagħna ħalli jittella’ xi lqugħ għall-klijenteliżmu li qed jimmina l-għeruq tad-demokrazija u tal-fair play f’pajjiżna.

Sadattant imma, kien baqa’ l-problema ta’ x’se jsir mill-każi ta’ inġustizzji u abbużi amministrattivi li allegatament saru bejn is-sena 1987 u t-twaqqif tal-Ombudsman, din id-darba mill-gvern Nazzjonalista. Għax fost konsegwenzi oħra, sforzi partiġġjani biex taparsi jissewwew l-inġustizzji waqt li titħaddem sistema klijentelistika estensiva, żgur se ddaħħal inġustizzji ġodda. U hekk ġara… bil-kbir… wara l-1987, tgħid x’tgħid il-ħaġjografija kurrenti dwar kemm kienu qaddisa il-mexxejja Nazzjonalisti fil-gvern ta’ wara l-1987.

Imma hawnhekk ukoll, ma ridniex aħna, bħala Partit Laburista, nagħmlu l-istess żball tal-Partit Nazzjonalista u nsewwu l-inġustizzji li saru mill-gvern Nazzjonalista wara l-1987 – allegati biss, jew ta’ veru – billi ndaħħlu makkinarju partiġġjan ġdid u inġust. Fl-1997, waqqafna tribunal ġudizjajru apposta biex jikkunsidra l-każi kollha ta’ inġustizzja jew abbuż amministrattiv li saru bejn l-1987 u d-data tat-twaqqif tal-Ombudsman, bil-ħsieb li dawn il-każi jiġu kunsidrati b’mod serju, u fejn jinstab li huma ġustifikati, jingħataw rimedju serju. Taħt it-tmexxija tal-Imħallef Farrugia Sacco nemmen li t-Tribunal tal-Inġustizzji kien ta prova ċara ta’ kif b’mod trasparenti u rigoruż, gvern serju seta’ juri li kien determinat li jsewwi l-inġustizzji amministrattivi mingħajr ma joħloq eċċessi ġodda.

Nammetti li fil-kamp Laburista mhux kulħadd apprezza din il-pożizzjoni. Kien hemm min qies li wieħed kellu jimxi bl-istess tattika u manjiera bħal ma għamlu n-Nazzjonalisti, li wara l-1987… u ngħid jien sal-lum… jaħbu l-prattika tagħhom ta’ partiġjaniżmu u klijenteliżmu sfrenat taħt lingwaġġ u manjieri qaddisa li għadhom jingannaw lil ħafna nies… anki sal-lum. Messna nagħmlu bħalhom, naqtgħu għad-dritt u kull min isostni li ġie maħqur jew jgħid li ġralu hekk, nagħtuh li jrid – hekk kienu jgħiduli xi wħud. Jien ma qbiltx u għalkemm nifhem għaliex tqum din l-għajta, għadni ma naqbilx: u dan fl-interess nazzjonali: li fl-aħħar mill-aħħar jissarraf ukoll fl-aħjar interess ta’ min jkun sofra minn xi inġustizzja u tal-familja tiegħu jew tagħha. Soċjetà li tibqa’ ankrata, maqbuda fil-ħama ta’ aħna u intom, anki wiċċ imb’wiċċ ma’ xinhu ġust u x’mhuwiex, ma tistax tiżviluppa bl-aħjar mod skont l-aqwa talenti li għandha. B’xorti ħażina, dak li għadu qed jiġri llum.

U allura fl-1997, bit-Tribunal tal-Inġustizzji konna fittixna li mhux biss nagħtu sodisfazzjon lil min tassew kien bata minn xi inġustizzja, imma tajnieh ukoll is-sodisfazzjoni li quddiem kulħadd ħareġ ċar kemm kellu raġun fl-ilment tiegħu. Id-deċiżjoni favuru ma kinitx ittieħdet fuq bażi partiġġjana, imma għax il-qorti b’mod indipendenti, kienet sabet kemm kellu raġun.

Biss, żewġ affarijiet f’dik is-sistema tat-Tribunal tal-Inġustizzji setgħu saru aħjar. L-ewwel kien hemm il-problema ta’ kif id-deċiżjonijiet setgħu jkunu operattivi fiċ-ċirkostanzi kollha. Beda jiġri li fejn f’ċertu każi d-deċiżjonijiet tat-Tribunal tal-Inġustizzji kienu jikkozzaw ma’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-Servizz Publiku, qamu diffikultajiet biex jitwettqu d-deċiżjonijiet tat-Tribunal.

Imbagħad kien hemm il-limitu ta’ Lm 5,000 fuq il-kumpens finanzjarju li seta’ jingħata lil min jiġi ppruvat li sofra min inġustizzja. Dan kien limitu li għal ċerti każi żgur, irriżulta li kien baxx wisq. Għadu jiddispjaċini sal-lum li aċċettajt l-oġġezzjoni li kienet tqanqlet minn parti mill-kabinett tal-ministri ta’ dak iż-żmien, kontra li l-kumpens finanzjarju seta’ jkun miftuħ. Illum nemmen li kumpens hu kumpens, u messna ħallejna għall-qorti li tiddeċiedi x’kellu jingħata jew ma jingħatax, skont ċerti regoli li madankollu ma kellux ikollhom saqaf daqstant baxx.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-problema bi Tribunal li se jiġġudika dwar inġustizzji jew abbużi amministrattivi hi li l-proċeduri tiegħu jridu jitmexxew skont kriterji legali, li tajjeb jew ħażin, jinvolvu spejjeż u żmien. Il-vantaġġ tal-Uffiċċju tal-Ombudsman hu… jew kellu jkun… li barra milli jagħti garanzija ta’ imparzjalità, jaħdem skont proċeduri extra-ġudizjarji. Dawn suppost ikunu ħfief u trasparenti: veru, iridu jkunu serji u robusti: imma fl-istess ħin ħielsa minn kriterji legalistiċi li jdewmu ġieli ta’ xejn b’xejn, it-tmexxija ta’ każ dwar ilment. Nerġa’ nqajjem dal-punt aktar tard.

Għax barra mill-isfond tal-klijenteliżmu sfrenat li sar jiddomina lil pajjiżna aktar minn qabel, hemm ukoll il-kwistjoni tat-tmexxija tas-servizz publiku. Matul is-snin, saru ħafna stqarrijiet dwar kemm tejjibna l-operat ta’ dak li qabel konna nsejħulu ċ-ċivil. Personalment nemmen li ħafna minn dawn l-istqarrijiet huma bżar fl-għajnejn.

M’hemmx dubju li hemm ħafna ħaddiema, impjegati u mexxejja amministrattivi fiċ-ċivil li huma ta’ kalibru, anki ta’ kalibru kbir. Imma minkejja l-ħafna bidliet u hekk imsejħa riformi li saru, assistejna matul is-snin għal firxa dejjem aktar titwessa ta’ poteri u kompetenzi amministrattivi fil-qasam publiku, waqt li fl-istess ħin, il-kwalità tat-tmexxija, it-trasparenza u l-koerenza f’dak li jkun għaddej, naqsu… u naqsu bil-kbir.

Biex tgħaxxaqha, l-ispezzettar fl-organiżazzjoni taċ-ċivil kompla jdaħħal nuqqas ta’ responsabbiltà ġenwina fit-tħaddim ta’ deċiżjonijiet u proċeduri. Kellna l-ħolqien ta’ awtoritajiet, bordijiet, kumpaniji, aġenziji, kummissjonijiet, fondazzjonijiet u ma nafx xiex aktar. Kellna l-ingaġġ ta’ staff li jaħdem mal-gvern mhux bħala parti miċ-ċivil imma bħala impjegat jew self-employed b’kuntratt, u dan sfronda l-kunċett ta’ uffiċjal publiku, bid-doveri u drittijiet tiegħu taħt il-Kostituzzjoni. Kellna s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, bil-ħtieġa li Malta tassimila malajr malajr muntanja ta’ regolamenti ġodda li għalihom ma kien hemm tħejjija ta’ xejn. Dawn il-fatturi fost oħrajn, komplew iħawdu l-borma.

Fir-realtà, l-amministrazzjoni publika tinsab għaddejja ħafna aktar milli qatt kienet qabel, bl-iskossi… skont kif jonfoħ ir-riħ politiku jew skont xi jkun tela’ fil-quċċata tal-attenzjoni publika. Ir-responsabbiltajiet huma diffużi. Bil-mod kif jingħataw il-bonuses lil min qiegħed imexxi d-dipartimenti u l-ministeri, l-kontrolli tal-ministri fuq il-personell żdiedu, mhux naqsu. Taħt dehra ta’ awtonomija amministrattiva, ir-realtà hi li żdied il-kontroll politiku fuq l-amministrazzjoni publika, mhux sempliċiment fuq policies jew issues strateġiċi, imma aktar importanti… fuq dettalji maniġerjali li jistgħu jissarrfu f’riżultati klijentelisti.

Ma jidhirlix li dan qed jissarraf f’xi titjib fil-performance tal-gvern. Li żgur hu li qed jgħin, fin-nuqqas ġenerali ta’ trasparenza li qed jirriżulta, biex jissaħħaħ it-taħwid amministrattiv, ispirat minn mottivi ta’ partiġjaniżmu politiku, u maħdum ħalli jiġi sostnut u miżmum il-poter politiku eżistenti.

Hu f’dit-tnalja li qed jinqabdu nies ta’ rieda tajba u ta’ talent, li qed jibqgħu lura jew ma jingħatawx dak li jistħoqqilhom, għax ma humiex tal-istess lanja politika tal-gvern tal-ġurnata, jew għax anke jekk huma tal-istess lanja, ma jaqblux ma’ xi orjentament li qed jieħu l-gvern, jew sempliċiment għax hu xinhu t-twemmin politiku tagħhom… m’għandhomx il-kuntatti meħtieġa, jew ħaddieħor għandu kuntatti aħjar minn tagħhom.

Dejjem kienet teżisti din it-tnalja klijentelistika, manipulata minn gamorri ta’ nies li huma ta’ ġewwa… gamorri li jafu lil xulxin per mezz ta’ rabtiet familjari jew politiċi jew ta’ negozju jew ta’ professjoni fost oħrajn… u ma jagħtux ċans lil min mhux ta’ ġewwa bħalhom … Hi tnalja li tista’ tgħidilha forsi l-agħar piż li dejjem ġarret dil-gżira ċkejkna, jekk wieħed iħalli fil-ġenb il-piż tal-kolonjaliżmu fl-imgħoddi, u tal-fondamentaliżmu psewdo-reliġjuż fi żminijietna.

Imma llum, it-tnalja ta’ amministrazzjoni publika mgerfxa, forsi għal tal-apposta, li hi abbinata ma’ sistema ta’ klijenteliżmu, saret aktar qawwija u soda għax ġiet modernizzata.

Naħseb li tkun ħaġa xierqa u onesta li nirrikonoxxu kif il-bidliet li qed isiru fil-mod kif jopera l-Ombudsman u kif se joperaw il-Kummissarji li jitwaqqfu b’dil-liġi, għandna npoġġuhom ukoll f’dal-kuntest.

Li jwassalni biex nagħmel ġudizzju fuq l-operat ta’ dal-Parlament fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, inkluż tiegħi bħala membru tal-Kamra. L-Ombudsman bl-uffiċċju tiegħu hu istituzzjoni li tirrispondi għal dal-Parlament, l-istess bħall-Awditur Ġenerali. L-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar nagħtu kasu u nużawh għax-xogħol ta’ skrutinju li suppost hu pedament ewleini fix-xogħol tagħna bħala parlamentari. Biex inkun għedt kollox, għad baqagħlna ħafna aktar x’nagħmlu biex bħala Parlament nasserixxu s-saħħa li għandu jkollu l-Awditur Ġenerali fl-iskrutinju tal-amministrazzjoni publika.

Jekk għadna lura fir-rigward tal-Awditur Ġenerali, kemm ninsabu aktar lura meta niġu biex inqisu l-importanza mogħtija minn dal-Parlament stess lejn l-Ufficcju tal-Ombudsman. Iva, formalment, nagħtuh din l-importanza, għax anke daħħalnieh fil-Kostituzzjoni, imma mill-bqija… ftit jew wisq tista’ tgħid li qiesna l-operat tiegħu bl-attenzjoni li tistħoqqlu. Kemm kellna dibattiti plenarji fuq ix-xogħol li jkun għamel l-Ombudsman?

Nerġa’ ngħid: naċċetta li anke jien personalment f’dal-Parlament ma tajtx l-importanza li messni tajt lill-operat tal-Ombudsman matul il-laqgħat tagħna. Għax la l-Uffiċċju tal-Ombudsman kien beda jopera, ħadnieh for granted, ħlief meta tinqala’ xi kntroversja politika dwar xi konklużjonijiet li l-Ombudsman jasal għalihom.

Nemmen li kellu raġun l-Ombudsman attwali, il-Prim Imħallef Emeritus Said Pullicino fil-laqgħa li kellu ftit ilu mal-iSpeaker… jekk fhimt tajjeb… jilmenta min-nuqqas ta’ importanza li l-uffiċċju tiegħu qed jingħata bħala driegħ tal-Parlament innifsu. Fuq dil-ħaġa l-Imħallef Said Pullicino għandu raġun bil-kbir, u din mhix ħtija tal-gvern biss, imma tal-Parlament kollu.

L-Ombudsman kien inbena bħala istituzzjoni nazzjonali, mhux tal-Parlament biss, mis-sur Joe Sammut li bil-lidership tiegħu kien irnexxielu jagħtih profil qawwi u effettiv, fejn iċ-ċittadini kienu jħossu li fl-aħħar għandhom bastjun ta’ difiża għall-interessi tagħhom. Tkun ħaġa ħażina jekk min-naħa tal-Parlament tintwera indifferenza jew kompjaċenza lejn din l-istitutzzjoni.

Per eżempju, ma tantx nara li hemm x’tifraħ, kif sar matul dan id-dibattitu, bil-fatt li n-numru ta’ ilmenti li qed jaslu għand l-Ombudsman jidher li naqsu. Kienu kważi 700 fis-sena 2001 u niżlu għal 551 fis-sena 2008. Wieħed jista’ jargumenta li dan ġara għax l-istrutturi tal-gvern qed ikunu aktar attenti li ma jirfsux fuq l-interessi taċ-ċittadini. Jekk lest temmen dil-ħaġa, żgur lest temmen li d-dinja mhix tonda imma ċatta.

Lanqas jiftiehem il-punt li dan it-tnaqqis fl-ilmenti ġara għax il-gvern żarma minn ċerti organiżazzjonijiet tiegħu, per eżempju bil-privatiżazzjoni, kif ġieli argumenta anki l-istess Uffiċċju tal-Ombudsman. Wara kollox, fuq il-livell tal-Ombudsman Ewropew, in-numru ta’ ilmenti minn Malta, li mal-Lussemburgu hu fost l-ogħla proporzjonalment li jsiru fuq bażi nazzjonali, baqa’ fl-istess ilma bejn l-2006 u l-2009, billi jvarja bejn is-36 u l-25. Kif wieħed jista’ jivverifika, il-firxa tal-ħidmiet tal-gvern Malti naqset f’ċerti oqsma, imma twessgħet bil-kbir f’oqsma oħra.

Allura hemm raġunijiet oħra għala naqsu l-ilmenti bil-miktub. Forsi għax il-profil tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq bażi nazzjonali beda jiċkien? Fl-aħħar rapport tiegħu li għadu kemm għamel lill-Kamra, l-Ombudsman jirreferi għad-diżastru li kien hemm fl-operat ta’ Arms Limited u jirrimarka li ħadd ma ressaq il-każ quddiemu. Hix ir-raġuni għal dan li ċ-ċittadini qed “jinsew” li jeżisti l-Ombudsman?

Issa bil-liġi stess li waqqfet l-Uffiċċju, dan għandu l-fakoltà li jqajjem każi hu, mhux jistenna li jressquhomlu. Il-fatt stess li l-Ombudsman juża dil-fakoltà tagħti publiċità lill-ħidma tiegħu, apparti milli tikkonfermah bħala difensur taċ-ċittadini.

Punt ieħor li nsibu inkwetanti hu li analiżi mir-rapport tal-Ombudsman dwar minn fejn waslulu l-ilmenti bil-miktub donnu jagħti ħjiel li dawn oriġinaw l-aktar minn żoni fejn hemm proporzjon qawwi ta’ ċittadini b’livell ta’ edukazzjoni tajjeb għal tajjeb ħafna. Ikun dnub jekk l-appoġġ li jista’ jagħti l-Uffiċċju tal-Ombudsman liċ-ċittadini fil-problemi li jkollhom mal-amministrazzjoni publika, jidher li hu komplikat wisq jew mhux xi ħaġa li se twassal għal rimedju effikaċi fi żmien raġonevoli.

L-Ombudsman Ewropew regolarment jagħti bħala statistika li ż-żmien medju li matulu jdum każ quddiemu hu ta’ 9 xhur, b’55 fil-mija tal-każi li jingħalqu fi żmien 3 xhur. Ma stajtx insib statistika simili fir-rapport tal-Ombudsman għas-sena 2008 – forsi qabżitli.

Imma l-punt hu dan: se jkunu ċ-ċittadini li jkollhom l-aktar bżonn tas-servizzi tal-Ombudsman, dawk jiġifieri li huma nieqsa minn tagħrif biżżejjed jew influwenza soċjali – dawk li l-aktar li għandhom kapital kulturali baxx – dawk li l-aktar li jistgħu jispiċċaw vittmi tal-klijenteliżmu u tal-abbużi amministrattivi – se jkunu huma li l-aktar jibqgħu lura milli japplikaw għand l-Uffiċċju? – għax ma jafux biżżejjed dwar x’rimedji għandhom… għax ma jafux sewwasew għal xiex ikunu deħlin… għax jibżgħu li se jinqabdu fi proċessi bħal tal-qrati li ma jispiċċaw qatt, u fi tmiem l-avventura, tibqa’ fejn kont…

Biex inkun għedt kollox: smajt il-kritika minn uħud li l-proċessi li bihom jimxi l-Ombudsman ma jistgħux ikunu l-istess bħal tal-qrati, għax l-Uffiċċju appuntu qiegħed hemm biex jipprovdi rimedju extra-ġudizjarju. Dwar dan naħseb li rridu noqogħdu attenti ħalli l-abbozz li għandna quddiemna ma jwassalx biex l-Ombudsman tal-Università ngħidu aħna, jadotta sistema ta’ stħarriġ biex jagħti rimedju li għax issegwi mudelli ġudizjarji, ittul fiż-żmien.

Aktar u aktar dan japplika fil-każ tal-Kummissarju jew Ombudsman li se jieħu l-post tal-Awditur intern tal-MEPA. Ma ninsewx li… jekk fhimt tajjeb… il-ħsieb hu li jiġu regolarizzati u standardizzati l-metodi li bihom se jaħdmu l-Kummissarji fl-oqsma differenti tagħhom.

Terġa’, qed nara problema oħra fir-rigward tal-ħidma li sa issa seta’ jwettaq l-Awditur Intern tal-MEPA. Hu minnu li biċ-ċaqlil tal-Awditur Intern lejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman, ċerti problemi li dan kien ikollu meta kien jaħdem mill-uffiċċji tal-MEPA suppost jitnaqqsu jew jgħibu… bħall-problema li għal tal-apposta, l-Awditur ma kienx qed jingħata mill-bord tal-MEPA, ir-riżorsi li kien jeħtieġ biex iwettaq ix-xogħol tiegħu.

Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jargumenta li bil-bidla minn Awditur għal Kummissarju taħt id-direzzjoni tal-Ombudsman, hemm riskju li ċerti aspetti tal-indipendenza operazzjonali li l-Awditur gawda sa issa, u għandu jibqa’ jgawdi, jistgħu jitnaqqsu, jekk mhux jinġabu fix-xejn.

Hu minnu li l-abbozz jgħid li l-Ombudsman ma jindaħalx fid-deċiżjonijiet u fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju li jkun. Imma hekk kif Kummissarju jsib ruħu taħt it-treġija tal-Ombudsman, se jibqa’ jzomm l-indipendenza li minnha gawda sa issa ngħidu aħna bħala Awditur Intern, meta ħass li kellu publikament jikkritika aġir tal-MEPA permezz ta’ konferenza stampa jew billi ta intervisti fil-medja?

Se jitħalla Kummissarju li jmexxi kif jidhirlu hu biex iħares l-interessi ta’ ċittadini li fil-fehma tiegħu jkunu ġew trattati ħażin mill-MEPA, jew se jkollu jimxi fuq kriterji stabbiliti mill-Uffiċċju tal-Ombudsman?

U l-istandardizazzjoni ta’ proċeduri lejn fejn se tiġbed? Lejn proċeduri li se jkunu tassew spedittivi u extra-ġudizjarji? Jew se jkunu proċeduri mfassla fuq mudell legalizzanti?

Terġa’, jidher li l-proċess li bih l-Awditur Intern tal-MEPA se jinġab fl-Uffiċċju tal-Ombudsman se jfisser tnaqqis fil-firxa tal-funzjonijiet tiegħu. L-Att li bih twaqqaf l-Ombudsman fl-1995, jgħid li l-ebda lment ma jista’ jiġi trattat mill-Ombudsman jekk isir aktar minn sitt xhur wara l-jum li fih min qed jilmenta jkun sema’ bil-każ li jikkonċernah. Min-naħa l-oħra, skont il-liġi tad-Development Planning Act li taħtha għadu jopera l-Awditur Intern, dan ma kellu l-ebda limitazzjoni ta’ żmien fuq x’ilmenti jista’ jqajjem jew jikkonsidra.

Issa, bħala parti mill-Uffiċċju tal-Ombudsman din il-fakoltà se titneħħielu. Ma jidhirlix li din il-limitazzjoni ġdida fuq l-operat tal-Awditur Intern hi ħaġa tajba.

Bl-istess mod, tqum il-mistoqsija: x’se jiġri mir-rapporti tal-Kummissarji wara li jkunu saru, mhux l-anqas fil-każ tal-MEPA? Sal-lum, ir-rapport tal-Awditur Intern tal-MEPA kellu jintbagħat lill-bord tal-Awtorità, li min-naħa tagħha hi marbuta li tibgħat kopja lill-Ministru li taqa’ taħtu. U li tinfurmah bl-azzjoni li tkun ħadet fuq il-bażi tar-rapport.

Fejn l-ebda azzjoni ma tittieħed, l-Awtorità trid tinforma lil-Ministru bir-raġunijiet għall-inazzjoni tagħha.

L-abbozz ta’ liġi li għandna quddiemna jgħid li meta Kummissarju jsir jaf li l-ebda azzjoni mhi se tittieħed dwar xi rakkomandazzjoni li jkun għamel, għandu jgħarraf lill-Ombudsman, lill-Ministru kompetenti, u lil min ikun ressaq l-ilment. Wara dan, skont l-abbozz, il-pass li jmiss ikun li min ilmenta, jista’ jitlob lill-Ombudsman biex jikkunsidra r-rapport tal-Kummissarju u l-oġġezzjonijiet għalih li setgħu kienu tqajmu.

Dan il-provediment ifisser li kif ma jsir xejn mill-Parlament fuq ilmenti sostnuti mill-Ombudsman Parlamentari fejn jibqa’ ma jingħatax rimedju xieraq, l-istess se jiġri f’każijiet simili li jkunu nqatgħu mill-Kummissarju.

U hawn jinsab id-difett kbir tal-abbozz li għandna quddiemna. Wieħed kien jaħseb u jixtieq li l-gvern se jieħu din l-okkażjoni ta’ emendi fl-Att dwar l-Ombudsman biex isir stocktake tas-sitwazzjoni li evolviet minn mindu l-Uffiċċju tal-Ombudsman twaqqaf. Dan kellu jsir bex jingħataw aktar saħħa, relevanza u importanza lill-istituzzjoni – ħaġa mill-aktar meħtieġa fl-interess nazzjonali, fil-kuntest nerġa’ ngħid tal-klijenteliżmu sfrenat li jinsab għaddej fil-pajjiż, u tad-degradazzjoni lampanti fis-sistemi tal-amministrazzjoni publika. Minn hekk mhu qed isir xejn.

Messna hawn qegħdin niddibattu mhux biss il-ħolqien ta’ Kummissarji ġodda, imma wkoll kif dal-Parlament messu jiddiskuti aktar dwar l-operat tal-Uffiċċju tal-Ombudsman… u jagħmel hekk b’mod plenarju. L-unika darba meta l-Parlament alloka tlett seduti għall-istituzzjoni tal-Ombudsman kien meta l-gvern ma għoġbux l-operat tas-sur Joe Sammut u ħareġ jikkritikah bla ħniena. Illum, l-uniku kuntatt bejn l-Ombudsman u l-Parlament hu permezz tal-laqgħa li ssir darba fis-sena mal-House Business Committee… laqgħa li ma tingħata l-ebda publiċità u tista’ tgħid li ħadd ma jagħti kasha.

Messna hawn qed niddibattu proposta serja dwar kif tista’ tispiċċa s-sitwazzjoni attwali li biha f’ċerti każi, ilmenti ġustifikati milqugħa mill-Ombudsman jibqgħu bla ebda rimedju. Ħaġa bħal din m’għandhiex tkun tollerabbli għal dil-Kamra.

Messna llum qed niddiskutu proposta biex il-limitu ta’ sitt xhur li jitpoġġa fuq l-ilmenti li jista’ jilqa’ l-Ombudsman jitneħħa, ħalli jiġi konformi mal-prattika li jista’ jsegwi sa issa l-Awditur Intern tal-MEPA. Għaliex għandna nneħħulu dil-fakoltà? Għaliex m’għandniex nagħtuha lill-Kummissarji kollha, inkluż l-Ombudsman innifsu?

Messna llum qed nitkellmu kif nestendu l-funzjonijiet tal-Ombudsman lejn oqsma li qabel kienu responsabbiltà tal-istat, li llum ġew privatizzati, imma fejn għad baqa’ obbligu qawwi ta’ servizz publiku liċ-ċittadini… bħal fil-posta, fil-provista tal-gass, fit-telekomunikazzjonijiet u iva, fil-banek.

Jiddispjaċini li f’abbozz fejn stajna nagħmlu pass serju ’l quddiem biex indaħħlu aktar trasparenza u sens ta’ responsabbiltà fl-amministrazzjoni publika, qed nagħmlu biss dak li tajjeb kemm jista’ jkun tajjeb, jaħbat ukoll konvenjenti għall-gvern. Pajjiżna u ċ-ċittadini tiegħu kien jixirqilhom ħafna aħjar.

ARTIKLU, IT-TORĊA, 24 TA’ OTTUBRU 2010

Facebook Comments

Post a comment