Il-Festi tal-Indipendenza dil-ġimgħa reġgħu taw opportunità biex nirriflettu fuq l-indipendenza u l-ħelsien ta’ pajjiżna. Xinhi t-tifsira tagħhom għal żminijietna? Ma baqax lok għall-kontroversji tal-imgħoddi dwar jekk l-indipendenza kinitx indipendenza u jekk il-ħelsien kienx ħelsien. L-istorja hi dik li hi, u rridu nħarsu ’l quddiem mhux niċċassaw lejn dak li għadda.

Bl-indipendenza tal-1964, b’mod fondamentali, il-Maltin kisbu l-jedd legali li jieħdu rajhom f’idejhom. Bil-ħelsien tal-1979, dal-jedd wettquh fil-prattika billi assiguraw li l-gżira ma tibqax tiddependi għall-għajxien tagħha mill-preżenza fostna ta’ bażi militari barranija. Dan dwar dak li ġara fl-imgħoddi.

Għal żminijietna, l-effetti tal-ġrajjiet imsemmija jieħdu l-aqwa tifsira mill-politika ta’ newtralità li baqgħet titfassal fostna matul is-snin, mhux l-anqas b’konsegwenza tal-battibekki u kompromessi politiċi li ġarrabna sena wara l-oħra. Malta newtrali hi pajjiż ċkejken li qed jiddikjara li mhux se jibqa’ jservi ta’ fortizza. Aktar minn hekk, se joqgħod lura milli jagħti appoġġ lil naħa jew oħra f’konfronti militari li jistgħu jqumu madwarna. Miktuba fil-kostituzzjoni, in-newtralità madankollu titqies fuq kollox bħala kontribut Malti għall-paċi fid-dinja. Torbotna ma’ rispett lejn il-liġi internazzjonali kif mistqarra mill-Ġnus Magħquda, waqt li żżommna bogħod milli nindehsu ma’ xi alleanza militari.

BENEFIĊĊJI GĦALL-MALTIN KOLLHA

In-newtralità kellha u għad għandha benefiċċji konkreti, anki ta’ natura ekonomika, għaċ-ċittadini Maltin kollha. Tpoġġihom lil hinn minn kull suspett li jistgħu jkunu qed iservu ta’ sostenn għal naħa kontra oħra fi kwalunkwe konflitt li jista’ jqum. B’hekk, tassigura li proġetti li jiġu varati f’Malta ma jkunux paraventu għal ħidmiet maħsuba biex jimminaw l-interess militari ta’ din jew dik il-potenza.

Illum li Malta hi membru tal-Unjoni Ewropea, in-newtralità tagħha trid tiġi mħaddma fil-qafas ta’ din is-sħubija.

Ma’ ħafna oħrajn, jien kont kontra li Malta ssir membru tal-Unjoni. Fost ir-raġunijiet għal dan, kien hemm il-ħsieb li r-regoli ta’ tmexxija ekonomika u soċjali tal-Unjoni ma jgħoddux għal Malta. Dawn ir-regoli aktar kienu se jpoġġu piżijiet milli joffru benefiċċji għall-ekonomija tal-pajjiż. Linja oħra tal-ħsieb tagħna kienet li Malta kellha tgħożż l-indipendenza tagħha, wara s-sekli li matulhom tmexxiet minn barra. Kellna l-fehma li għalkemm pajjiż seta’ jkun newtrali u membru tal-Unjoni Ewropea, l-istess sħubija kienet se ġġib matul is-snin, tnaqqir fl-indipendenza ta’ pajjiżna, taħt pressjoni politika minn barra li setgħet twassal biex ixxellef it-tifsira tan-newtralità Maltija.

Fuq dawn il-punti kollha, iż-żmien ta raġun lilna li konna nemmnu hekk. Dwar l-impatt ekonomiku ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea matul l-aħħar snin, il-fatti hemm qegħdin. Dak kollu li konna nbassru: seħħ, għalkemm qed jinħeba tajjeb ħafna bil-propaganda dejjem għaddejja ta’ min ikkapparra l-poter. Il-poplu sab min iqarraq bih u l-qerq għadu għaddej, mhux lanqas fost żgħażagħ ta’ twemmin Laburist… Xi darba jew oħra, il-qerq, it-tradimenti, id-dgħufijiet u l-pulċinellati li wasslu għall-għażla li saret għad joħorġu fil-beraħ.

Hu xinhu, id-deċiżjoni dwar x’għandha tkun ir-rabta ta’ pajjiżna mal-Unjoni Ewropea, ittieħdet. Li rridu nagħmlu llum fil-qafas tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, hu li naraw x’inhu l-aħjar interess Malti… kif wara kollox jagħmlu l-pajjiżi l-oħra membri. F’das-sens, is-salvagwardja tan-newtralità Maltija … anki fl-aħjar interess, għaliex le? – tal-istess Unjoni Ewropea… għandu jingħata priorità kbira.

Kemm qed jiġri hekk hi kwistjoni oħra. Madwarna għad hemm nies, uħud minnhom influwenti ħafna fi ħdan gonzi-pn, li baqgħu jħarsu lejn in-newtralità b’partiġġjaniżmu u antipatija, meta ma jaġixxux kontra tagħha fid-deher. Qabel l-1996, kienu daħħlu lil Malta fil-“Partnership for Peace”, proġett wiesa’ tan-NATO, l-aqwa alleanza militari li teżisti fid-dinja. Il-Kostituzzjoni tagħna titkellem bl-aktar mod ċar kontra li Malta tissieħeb fi proġetti ta’ alleanza militari. Minnufih wara l-elezzjoni tal-2008, li gonzi-pn rebaħ bi żbrixx bis-saħħa ta’ biżibilju favuri abbużivi li għamel – uħud minnhom illegali – il-gvern reġa’ daħħal lil Malta fil-“Partnership for Peace”.

PRESSJONI AKBAR BIEX IXXELLEF IN-NEWTRALITÀ

Sadattant, bid-dħul tat-Trattat ta’ Lisbona dwar it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, il-lok għal pressjoni akbar fuq Malta biex ixxellef in-newtralità tagħha żdied. Fl-Irlanda, l-poplu b’referendum irrifjuta li jirratifika t-Trattat ta’ Lisbona. Imbagħad ġagħluh jerġa’ jivvota fuq il-biċċa wara li fost bidliet żgħar għat-Trattat, taw lill-Irlanda assigurazzjoni ġdida dwar kif tista’ tibqa’ teżerċita n-newtralità tagħha bla xkiel.

Għax effettivament, it-Trattat ta’ Lisbona nieda possibiltajiet ġodda dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ xxettel politika barranija tagħha, ħaġa li b’xi mod jew ieħor, twieżen fuq il-politika barranija mħaddna mbagħad mill-istati membri tal-Unjoni.

Meta fi ħdan il-Partit Laburista, konna ddiskutejna dil-ħaġa, kien hemm qbil li t-Trattat ta’ Lisbona xorta kien se jibqa’ jippermetti lill-istati membri involuti biex iħarsu l-pożizzjonijiet tagħhom fil-politika barranija. L-istati membri tal-Unjoni ma setgħux jekk ma jaqblux, jiġu mġiegħla li jaċċettaw politika li jkunu kontra tagħha. Kollox kellu jiddependi mill-gvern ta’ stat jew ta’ ieħor, jekk jaqbel jew ma jaqbilx. Jiġifieri, kien għad jeżisti mekkaniżmu li bih gvern Malti seta’ jħares in-newtralità tal-pajjiż billi jirrifjuta b’kull dritt – anki jekk jaqblu l-membri l-oħra kollha barra Malta – pożizzjoni li l-Unjoni Ewropea tista’ tkun trid tieħu, u li tmur kontra n-newtralità ta’ pajjiżna.

Hu hawn li ċ-ċittadini jridu joqogħdu b’seba’ għajnejn u jixtarru sew dak li jgħidilhom il-gvern ta’ gonzi-pn. Fl-aħħar sena, kompla jsir ċaqliq fil-pożizzjoni internazzjonali ta’ Malta li xejn ma jawgura tajjeb għall-futur.

SANZJONIJIET U ĦIDMA MAN-NATO

Il-gvern Malti qabel li mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea japplika sanzjonijiet kontra l-Iran li jmorru aktar ’il bogħod minn dawk tal-Ġnus Magħquda. Li pajjiżna japplika sanzjonijiet deċiżi mill-Ġnus Magħquda bl-ebda mod ma jurta n-newtralità tagħna. Imma li mmorru aktar bogħod minn hekk, iva, jitfa dell ħażin fuq in-newtralità.

Meta għamilt mistoqsija dwar hekk fil-Parlament, it-tweġiba tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg kienet li liġi li għaddiet mill-Parlament Malti tippermetti lill-gvern jieħu dil-linja. Dan mhux minnu: il-liġi li semma Borg turi kif Malta tista’ tieħu l-istess pożizzjoni bħal pajjiżi oħra membri fl-Unjoni, imma mhux li tmur lil hinn mil-limitu tan-newtralità kif imfissra fil-Kostituzzjoni tagħna.

Terġa’: bħalissa fi ħdan l-Unjoni Ewropea, hemm linja ta’ gwida min-naħa tal-Presidenza u tal-Kunsill tal-Unjoni, biex l-Unjoni Ewropea tara kif tista’ ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha man-NATO (u ma’ potenzi differenti). Waqt li qed iqum tħassib dwar hekk f’pajjiżi oħra newtrali tal-Unjoni, jidher li l-gvern Malti ma sab u mhu qed isib l-ebda diffikoltà f’dal-mod inkwetanti dwar kif qed jiżviluppaw l-affarijiet. L-impenn ta’ gonzi-pn lejn in-newtralità ta’ Malta hu biered għall-aħħar.

Għax jibqa’ l-punt: Malta tkun newtrali daqs kemm u sakemm il-gvern u l-poplu tagħha jibqgħu jgħożżu u jħarsu n-newtralità. Inutli naħsbu li xi potenza barranija tista’ tiggarantilna n-newtralità tagħna, lil hinn mill-interess nazzjonali tagħha. L-Italja, pajjiż li għandu trattat ma’ Malta dwar garanziji hekk, kien l-aktar wieħed li mbotta biex idaħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Ikkalkola li b’dal-mod – u naf tajjeb x’qed ngħid – l-indipendenza Maltija se tintrabat ma’ qafas li jkun l-aktar jaqbel għall-interess tal-Italja, li hi membru tan-NATO.

Għalkemm iċ-ċirku ta’ Maltin li jemmnu fin-newtralità żdied matul is-snin, hemm numru li għadhom jibżgħu li n-newtralità ddghajjifna u li tħallina bla ħbieb. Xejn ma jista’ jkun aktar bogħod mill-verità. F’ġimgħa waħda ta’ Ottubru 1996, biex insostnu n-newtralità tal-pajjiż, il-gvern Laburista ħareġ lil Malta bla teatrini ta’ xejn mill-“Partnership for Peace” tan-NATO, fejn kien daħħalna l-gvern ta’ Fenech Adami.

Ftit xhur wara, fuq inizjattiva tagħhom, il-pajjiżi tal-Ewropa, il-pajjiżi Għarab u Iżrael, kollha magħquda, ġew jipproponu li jiltaqgħu fl-ogħla livell f’Malta, bħala parti mill-proċess hekk imsejjaħ ta’ Barcellona, li dak iż-żmien kellu jkabbar il-koperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Mediterran. Għażlu lil Malta għax qablu li kien l-uniku pajjiż fejn ħadd ma kien jitmeżmeż jersaq, għax ħadd ma kien jara li se joffri xi theddida. Ara x’dannu mela, kien għamlilna t-tluq tagħna mill-“Partnership for Peace”!

Safrattant, il-gvern ta’ gonzi-pn li juri ruħu najxu fil-ħarsien tan-newtralità u fjakk fid-difiża tal-interess Malti, ilu jimmanuvra ma nafx kemm biex iġib f’Malta laqgħa għolja tal-grupp ta’ pajjiżi min-nord u mis-sud tal-Mediterran. Bl-istess mod, sal-lum ma hemmx Malti wieħed impjegat f’livell għoli la fid-direttorat tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet barranin, u wisq anqas fis-servizz diplomatiku ġdid li l-Unjoni Ewropea qed twaqqaf.

In-newtralità ta’ Malta tinsab taħt theddida. Ir-rispett lejn pajjiżna qed imajna. Dan qed jiġri mhux għax il-politika tan-newtralità ma tgħoddx aktar, imma għax il-gvern ta’ gonzi-pn mhux qed juri fl-Ewropa l-impenn u l-ħeġġa meħtieġa biex iħares u jasserixxi n-newtralità tal-pajjiż bħala l-aqwa turija tal-indipendenza ta’ Malta.

ARTIKLU, IT-TORĊA, 26 TA’ SETTEMBRU 2010

Facebook Comments

Post a comment