Ftit aktar minn tliet snin ilu, gonzi-pn wiegħed trasparenza u effiċjenza akbar fl-oqsma ewlenin tat-tmexxija publika. Bħal tista’ tgħid il-wegħdi l-oħra kollha li għamel, dil-wegħda wkoll donnha saret biex tinkiser.

Dak iż-żmien kien diġà hawn fehma ġenerali li kien meħtieġ bil-kbir titjib qawwi fil-mod kif il-pajjiż jitmexxa. Gonzi-pn rebaħ l-elezzjoni bi żbrixx minħabba l-klijenteliżmu sfrenat li wettaq fl-aħħar xhur ta’ qabel il-votazzjoni bl-użu tal-poteri tal-istat. Rebaħ minħabba l-voti li ġew minn barra bi ksur tal-Kostituzzjoni. Imma meta għadda kollox, gonzi-pn stess wera – anki bid-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar il-kabinett – li kien jaf li l-problema tat-tmexxija f’pajjiżna kienet akuta. Sempliċiment li fl-oqsma kollha tiegħu, il-gvern ma kienx qed jitmexxa b’mod serju.

Minkejja l-wegħda li saret, dil-problema għadha magħna. Pajjiżna għadu mhux immexxi tajjeb. Anzi min irid ikun onest, ikollu jgħid li fl-aħħar tliet snin il-problema marret għall-agħar.

SKORĊA TA’ PRIVILEĠĠJATI

Li ġara wkoll sa issa hu dan: kibret skorċa ta’ nies li minkejja kollox, sejrin tajjeb huma personalment. Allura għandhom kull interess li jiddefendu l-operat tal-gvern u jgħidu l-kuntrarju ta’ dak li privatament lesti jammettu. Għandhom aċċess għall-informazzjoni l-aktar kunfidenzjali tal-pajjiż u jistgħu jużawha għall-finijiet tagħhom. Jikkontrollaw il-medja. Jibbenefikaw mill-attenzjoni ħanina tal-ministeri u d-dipartimenti biex ikunu jistgħu jmexxu l-proġetti tagħhom ’il quddiem. Igawdu minn impjiegi, kuntratti, safar, konsulenzi u maniġġi oħra li jissarrfu fi flus tajba għalihom, familthom, ħbiebhom u l-kumpaniji tagħhom.

Bl-għajnuna ta’ din l-“elite”, gonzi-pn qed jirnexxielu f’bosta każi, jaħbi l-effetti tal-inkompetenza grassa tal-gvern u ta’ agħar minn hekk. Daħlet f’pajjiżna kultura ta’ paraventi li biha tibqa’ tintlagħab il-logħba li kollox sejjer tajjeb jew tajjeb biżżejjed . Hi kultura sostnuta bl-appoġġ ta’ uċuh u persuni li mill-kariga stess tagħhom igawdu kredibilità. Biss, meta tifli mill-qrib fejn jinsabu dawn l-uċuh u persuni, ssib li politikament u b’mod partiġġjan, jifformaw parti mit-tribu ta’ gonzi-pn.

Per eżempju, dan qed jiġri sew fil-qasam ekonomiku u finanzjarju. Qatt daqs illum… u qiegħed nirreferi għal firxa ta’ snin li tmur lura żgur sas-snin sittin… l-għaqdiet u ċerti mexxejja tan-negozju ma kienu ngarzati daqstant fil-miftuħ mal-partit fil-gvern. Ironikament illum lanqas jistgħu jgħidu, kif ġieli kien jintqal fl-imgħoddi, li l-kwistjoni dwar l-Ewropa u mhux Ewropa qed twassal lis-settur tan-negozju biex juri ruħu favur il-gvern. Talanqas qabel, kien jiġi żgurat li min qed jirrapreżenta lin-negozju jkun formalment ħieles minn irbit politiku “partiġġjan”. Mhux aktar.

Naraw il-ħin kollu manuvri biex f’ċerti oqsma, l-gvern ta’ gonzi-pn jiġi mfaħħar u mbierek, mhux l-anqas meta l-argument messu jiġbed bil-maqlub. L-ekonomija jgħidulna, mqabbla ma’ ta’ pajjiżi oħra, qed twettaq għeġubijiet. Il-problemi reali tal-industrija, it-tħarbit fit-turiżmu, l-istaġnar fil-qasam tas-“self employed” u fil-qasam tal-bini, l-għoli tal-ħajja, it-telfien ta’ produttività b’mod ġenerali fl-ekonomija kollha, l-ineffiċjenza u l-korruzzjoni fis-settur publiku, qed jitwaddbu taħt it-tapit, ta’ spiss bl-iskuża li ħaddieħor sejjer agħar.

KAŻI TA’ TMEXXIJA ĦAŻINA

Sadattant, il-problemi ta’ inkompetenza u tmexxija ħażina jinħassu lil hinn ukoll mill-qasam ekonomiku, anki f’oqsma soċjali u kulturali, fejn il-kuntradizzjonijiet ġieli jiżbroffaw b’mod li wieħed ma jkunx jistenna.

Kellna d-deċiżjoni li ttieħdet bl-aktar mod arbitrarju u żbaljat dwar kif se terġa’ tinbena d-daħla tal-Belt u l-ispazju tat- teatru rjal imwaqqa’. Sal-lum għadu xejn mhu ċar dwar kif dal-proġett li qajjem kritika kbira u ġustifikata, se jiġi finanzjat.

Kellna l-istorja tal-boroż ta’ studju mogħtija fil-qafas ta’ programmi tal-Unjoni Ewropea. Ħareġ b’mod lampanti kif min-naħa Maltija, kien hemm inkompetenza grassa. Taru xi rjus bi proċedura maħsuba ħalli tiskolpa lill-ministru nkarigata. Qalulna li kollox se jiġi għan-normal. Imma skont il-Kummissjoni Ewropea, kollox baqa’ mħawwad daqs qabel , bil-possibiltà li l-boroz ta’ studju għal Malta ma jingħatawx għat-tieni sena konsekuttiva.

Kellna l-każ tal-kittieb Alex Vella Gera li ttella’ l-qorti fuq akkuża ta’ oxxenità f’kitba li ppubblika f’ġurnal tal-istudenti fl-università. Balbuljata aktar stupida minn din diffiċli timmaġina.

Kellna l-falliment tal-gvern li jżomm mal-impenn mogħti lill-Unjoni Ewropea li jwaqqaf l-operat tal-power station tal-Marsa fiż-żmien maqbul – ħaġa li se ġġib multi fuq Malta waqt li tkompli ttawwal iż-żmien li fih it-tniġġis mill-power station jibqa’ wisq ogħla milli suppost.

L-AQWA ŻBALJI

Dawn huma kollha affarijiet li nafu bihom u li jixhdu nuqqasijiet ta’ xeħta strateġika fuq il-front wiesa’ tal-interess nazzjonali. Bil-mod il-mod, it-tmexxija ħażina tal-gvern se twassal għal kriżijiet tat-tul li biex ikunu solvuti, se jirrekjedu sagrifiċċji minn ħafna nies li ma jaħtu xejn għall-problemi li jinqalgħu. Qed naraw dil-ħaġa tiġri fl-Air Malta… u daqt se tibda tiġri fl-Enemalta.

L-aqwa żbalji iżda… għalkemm ftit li xejn qed jissemmew… huma fl-oqsma tas-sehem tagħna fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-ewro. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jidher ċar x’deċiżjoni ħażina kienet dik ta’ gonzi-pn li jdaħħalna fl-ewro meta daħħalna. Kellu kull fakultà li jistenna sakemm jgħaddi aktar żmien qabel Malta daħħlet l-ewro. U daħħalna l-ewro fl-agħar żmien. Spiċċajna f’temp ta’ tliet snin, qed noħorġu l-biljuni tal-ewro f’self u garanziji biex ngħinu ħalli pajjiżi oħra membri taż-żona ewro ma jogħtrux u magħhom tikkollassa ż-żona kollha.

Barra minn dan, spiċċajna maqbuda fi tnalja ta’ deċiżjonijiet li qed jiġu dettati mill-Ġermanja u Franza, skont l-interessi tagħhom. Ngħidu aħna, dan l-aħħar gonzi-pn poġġa l-firma tiegħu għal ftehim, hekk imsejjaħ tal-kompetittività li ġie kritikat u kundannat mill-partiti soċjalisti Ewropej. Bil-ftehim li ffirma, gonzi-pn ikkommetta ruħu li jirrevedi fiż-żmien li ġej, l-arranġament li bih il-pagi ikunu kull sena aġġustati ħalli jingħata kumpens lill-ħaddiema għall-għoli tal-ħajja. L-istess ftehim qed iressaq aktar viċin iż-żmien li fih il-pajjiżi membri taż-żona ewro jibdew iġibu s-sistema tat-taxxi tagħhom fuq l-istess livell.

Xejn minn dan ma jgħodd għal pajjiżna li qed ideffsuh f’sitwazzjoni fejn ikollu jħaddem politika li biha kulħadd se jilbes l-istess żarbun. L-effetti ħżiena ta’ dan kollu għandhom mnejn jibdew jinħassu aktar malajr milli diġà qed ibassru li se jinħassu dawk li jafu xinhu għaddej.

Bil-kultura tal-paraventi li xterdet fostna, dawn il-bidliet li deħlin u li se jkollhom effetti kbar fuq is-soċjetà Maltija bilkemm jissemmew… u mhux biss għax daħal id-diversiv tad-divorzju.

IL-PARLAMENT DISPREZZAT

Raġuni oħra għaliex il-paraventi qed ikunu effettivi, hi li fl-aħħar snin, il-Parlament tħalla jitlef ħafna mill-importanza tiegħu. Liġijiet u regolamenti qed jinbidlu sempliċiment għax ikunu nbidlu r-regolamenti Ewropej u kull ma jkollu jagħmel il-Parlament hu li jgħid iva. Anzi, maġġoranza enormi ta’ bidliet fil-liġijiet qed isiru mhux b’diskussjoni serja fil-Parlament imma per mezz ta’ Avvizi Legali li jinħarġu bħall-pastizzi. Mhux ta’ b’xejn li Malta saret l-aktar membru tal-Unjoni Ewropea li qed idaħħal malajr ir-regolamenti tal-Ewropa. Il-problema hi li ħafna mill-bidliet li qed isiru, jibqgħu fuq il-karta… sakemm ma tasalx xi protesta jew multa minn Brussel!

Madankollu, il-Parlament mhux qed jingħata l-ġenb sempliċiment għax minfloku, qed tiddeċiedi l-Unjoni Ewropea għalina. Aktar minn hekk, gonzi-pn dara jittratta lill-Parlament b’disprezz.

Spikkat dil-ħaġa l-aktar meta qamet il-kwistjoni tal-pagi tal-ministri. Baxx baxx dawn żiedu l-paga tagħhom stess billi bdew jieħdu l-onorarja tal-parlamentari u żiduha minnufih għalihom waqt li d-deputati l-oħra baqgħu jsaffru. Ingħataw turijiet oħra tad-disprezz li bih il-gvern jittratta l-Parlament.

Meta qamet il-kwistjoni tad-divorzju, il-Prim Ministru qal li din għandha tiġi deċiża mill-poplu b’referendum. Imbagħad qal li mhux preċiżament hekk imissu jiġri, imma li l-ewwel il-liġi tad-divorzju titla’ quddiem il-Parlament, u jekk il-Parlament jgħaddiha, titressaq quddiem il-poplu biex dan ikun jista’ jgħidilha le. Ma narax tattika aqwa min din biex tkompli tiġi mminata s-saħħa tal-Parlament bħala istituzzjoni.

Inkella qed ikollna l-prattika li l-gvern jew ma jinforma xejn lill-Parlament dwar li jkun għaddej, jew jagħmel hekk tant tard li l-informazzjoni li jagħti ma jkun għad baqagħlha l-ebda siwi. Rajna dil-ħaġa tiġri dil-ġimgħa meta l-Prim Ministru għamel stqarrija fil-Parlament dwar laqgħat miżmuma mill-Unjoni Ewropea dwar il-Libja u dwar id-difiża tal-ewro. L-istqarrija għamilha aktar minn ġimgħa wara li saru l-laqgħat tal-Ewropej, u meta dak li ġie diskuss fihom kien ilu li nqabeż bi żviluppi oħra. Terġa’ dwar il-ġrajjiet fil-Libja u dwar il-pożizzjoni li ħa l-gvern fl-aħħar ġimgħat dwar dil-kriżi, il-Parlament inżamm sajjem tista’ tgħid għal kollox. X’kuntrast ma’ x’ġara f’Parlamenti Ewropej oħra!

Li l-Parlament jiġi trattat b’dal-mod jifforma parti mill-kultura tal-paraventi li gonzi-pn qed jippromwovi f’pajjiżna. Hi kultura li qed isservih biex ikun jista’ jgħatti xturu u jaħbi n-nuqqasijiet tat-tmexxija li kibru mhux naqsu tul l-aħħar tliet snin.

Il-paraventi qed jirnexxielhom jgħattu l-inkompetenza imma mhux jirnexxielhom jaħbuha għal kollox, jew idghajfu l-problemi li qed tqanqal għall-ħaddiema u għall-familji tagħhom. L-agħar hu li aktar ma tirnexxi l-kultura tal-paraventi meta l-inkompetenza tkun qed tiżdied fit-tmexxija publika, aktar tkun qed tiġi mminata d-demokrazija.

ARTIKLU, IT-TORĊA, 27 TA’ MARZU 2011