Ir-riżenja ta’ Louis Galea minn Speaker tal-Parlament dil-ġimgħa għad isservi fil-futur ta’ turija oħra dwar kif fi żmienna, il-Parlament Malti spiċċa żvalutat. Galea rriżenja biex jingħaqad mal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, kariga li hi prestiġjuża – għal min jgħożż il-prestiġju  – u hi mħallsa tajjeb ħafna. Imma li l-iSpeaker ta’ dal-pajjiż sovran jiddeċiedi li jieħu dal-pass turi kif saru jitqabblu l-importanza, is-siwi u l-interess tal-aqwa istituzzjoni tad-demokrazija Maltija, ma’ dawk ta’ karigi oħra. M’għandix dubju li kien fuq dawn it-tliet fatturi – importanza, siwi u interess – u mhux fuq il-prestiġju jew il-ħlas, li Galea wasal għad-deċiżjoni tiegħu.
                        Qatt daqs illum, il-Parlament Malti ma jinsab dgħajjef u bla saħħa vera biex jagħti xhieda tad-demokrazija f’pajjiżna, li suppost tinsab iffokata fih. Fi żmien meta l-gvern ta’ gonzi-pn qed jiffanfra li se jibni Parlament fid-daħla tal-belt – bini ġdid li m’hemm l-ebda bżonn għalih – il-Parlament bħala istituzzjoni, safa żvixxrat f’ħidmietu minn biċċa kbira tat-tifsira reali li messu għandu.
                        Ħaġa li twaddab dawl krudil fuq il-qagħda tal-Parlament Malti hi din: mat-tluq tiegħu, Galea ħalla kwart leħja l-proġett li kien qed jidderieġi hu, bħala president ta’ kumitat magħżul, li kellu jipproponi riformi fit-tmexxija politika u parlamentari.
BIEX JAGĦMLU ANQAS RILEVANTI
                        Fl-aħħar snin, rajna s-saħħa tal-Parlament tiddghajjef b’attitudni u b’għadd ta’ miżuri min-naħa tal-gvern Nazzjonalista li rikeb fuq il-fatt li kellu numru sew ta’ deputati minn fuq. Kif ġabhom, ħaġ’oħra. Wieħed kien jistenna li wara r-riżultat tal-aħħar elezzjoni, fejn gonzi-pn rebaħ bil-voti li ġew minn barra kontra x’tgħid il-Kostituzzjoni, u bir-riħ tal-pjaċiri sfrenati ħafna minnhom kontra l-liġi, talanqas il-Parlament kien se jingħata rispett minn gvern li qed imexxi bis-saħħa ta’ minoranza tal-voti li nxteħtu fl-aħħar elezzjoni. Fil-fatt, ġara bil-maqlub.
                        Minflok gonzi-pn wera rispett lejn il-verdett tal-poplu, ra kif jagħmel fl-aħħar sentejn biex ikompli jdgħajjef il-Parlament…. jien ngħid, jagħmlu dejjem anqas rilevanti. Għal darba wara l-oħra, il-Parlament qed jiġi soġġettat kontra l-ispirtu tad-demokrazija, għall-ħtiġiet tal-gvern, ħafna minnhom ikkawżati minn problemi interni ta’ gonzi-pn bħala partit. Fi Frar, il-Parlament għalaq għal tliet ġimgħat sakemm il-partit tal-gvern seta’ jeħles minn Ministru tiegħu (li wkoll intbagħat fi Brussel, bħala kumissarju). Dibattiti u voti plenarji tal-Kamra tar-Rappreżentanti jittieħdu skont programm stramb li jitfassal skont x’jaqbillu l-gvern.
                        Se jkun hemm min jghid: mhux dejjem hekk ġara? Veru, dejjem ġara li l-eżekuttiv jara kif jagħmel biex itella’ l-liġijiet u proposti tiegħu għad-diskussjoni mill-Parlament, skont kif u meta jaqbel lilu. Biss, sa ftit ilu, dan kien isir b’ċerta kawtela. Kien ikun hemm għarfien li l-affarijiet għandhom jiġu diskussi fil-fond, anki jekk iwasslu għal konfront, u anki jekk id-diskussjoni titwal. Illum le, l-aqwa li l-affarijiet jitmexxew skont il-konvenjenza assoluta tal-gvern. Dan qed iwassal biex il-Parlament jitqies bħala formalità, ħlief meta jqum ċans li xi deputat tal-gvern ikun imnaffar minn xi ħaġa u jhedded li fuq kwistjoni jew oħra, jkun assenti.
                        Mhux ta’ b’xejn li l-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-Parlament qed issir dejjem aktar immutata, waqt li l-medja naqqsu bil-kbir l-interess tagħhom f’dak li jkun qed isir fih. Il-gvern jitpaxxa b’hekk. Għalih il-Parlament sar biss forum fejn jista’ jittimbra bla xkiel, deċiżjonijiet li jkun diġa ħa.
                        Veru li wieħed jista’ jgħid: dejjem ġara li l-eżekuttiv ressaq quddiem il-Parlament proposti li jkun diġà ddeċieda. Imma gvern dejjem suppost jagħmel hekk bi prudenza, fis-sens li fost punti oħra, jirrispetta d-dritt tal-Parlament li jingħata l-informazzjoni kollha dwar x’wasslu għad-deċiżjonijiet tiegħu. Illum mhux aktar. L-aqwa għall-gvern sar li anki b’vot wieħed assigurat, ikun jista’ jirrombla fuq kull dissens. Mhux ta’ b’xejn li apparti mill-kwalitajiet personali żgur tajba li għandha, l-persuna li ġiet kooptjata fil-Parlament minflok Michael Frendo wara li dan sar Speaker, taħbat ukoll impjegat tal-PN.
ARROGANZA: MUR FUQ IL-WEBSAJT!
                        Kelma waħda tiddeskrivi kif iġġib ruħha n-naħa ta’ gonzi-pn: arroganza. Veru li wieħed jista’ jgħid li kull gvern Malti wera ruħu b’mod jew ieħor arroganti. Did-darba, qed jinqabeż kull kejl. Il-konvenjenza tal-gvern saret ir-regola li biha jitmexxa x-xogħol tal-Parlament.
                        Nista’ nitkellem mill-esperjenza tiegħi tal-aħħar sentejn bħala membru tal-kumitat tal-kontijiet pubblici tal-Parlament. Suppost li dan hu kumitat li jistħarreġ il-kontijiet tal-gvern u r-rapporti li jsiru mill-awditur ġenerali. Fl-ebda parlament tad-dinja ma jiġri li fuq dal-kumitat, ikun hemm ministri fil-kariga. Aħna għandna tnejn bħala membri. Ma jagħmilx sens li f’kumitat maħsub biex jissorvelja l-ħidma amministrattiva tal-gvern, ikollok l-istess ministri responsabbli mit-tmexxija politika tal-ħidma. Min-naħa ta’ gonzi-pn setgħu faċilment jappuntaw fuq dal-kumitat, “backbenchers” Nazzjonalisti, ta’ kalibru u b’esperjenza. Le, appuntaw ministri, fosthom dak tal-finanzi!!
                        Issa, il-Prim Ministru ddeċieda, u kellu kull dritt jagħmel hekk, li jappunta kabinett relattivament ċkejken. Madankollu, xorta żamm żewġ ministri fil-kumitat tal-kontijiet pubblici. Dawn jippretendu li l-kumitat jitlaqqa’ skont il-konvenjenza tagħhom, mhux l-anqas għax għandhom ħafna ma xiex ilaħħqu. U f’kumitat ta’ skrutinju, fejn għandu jkun hemm kull spazju biex deputati jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom, l-arroganza murija mill-istess ministri hi ħaġa inkredibbli. Għalfejn noqogħdu neħlu l-ħin fuq dawn il-mistoqsijiet?! Iddiskutejna biżżejjed fuq dan u dik! Ejja ħa mmorru! Aħna għandna l-maġġoranza u mhux billi ċ-ċermen hu tal-Oppożizzjoni, meta jfettlilna, nagħmlu li rridu aħna!!
                        Din l-attitudni saret tixxenxel fil-biċċa l-kbira tal-modi li bihom il-gvern jittratta l-Parlament. Per eżempju, ittieħdet id-drawwa minn ċerti ministri li minflok jagħtu tweġiba għal mistoqsija parlamentari li deputat jagħmel ħalli l-ministru jweġibha fil-Parlament, il-ministru jibgħat lid-deputat fil-websajt tal-ministeru jew ta’ xi organiżazzjoni oħra biex isib fuqha l-informazzjoni mitluba. Il-Parlament qiegħed hemm biex l-informazzjoni dwar it-tmexxija tal-istat, tingħatalu direttament. Anqas u anqas, deputat għandu jintbagħat ifittex informazzjoni f’post fejn din l-istess informazzjoni tista’ tiġi mibdula minn jum għal jum.
MILL-EWROPA
                        Imbagħad hemm qasam ieħor fejn il-Parlament Malti qed jiġi mminat u bil-kbir – dak tas-sehem li qed tieħu Malta fl-Unjoni Ewropea. Hemm il-fatt li l-kalendarju tal-Parlament Malti qed jiġi soġġettat għall-kalendarju tal-Unjoni Ewropea, fid-dibattiti li jsiru u fil-voti li jittieħdu. Imma aqwa u aktar serju minn hekk, hemm il-fatt li ruxxmata ta’ regolamenti u direttivi tal-Unjoni qed jgħaddu mill-Parlament Malti bla skrutinju serju. Din mhix tort tal-Parlament Ewropew jew tal-Unjoni Ewropea, jew tad-deputati Maltin, daqskemm tal-gvern Malti nnifsu.
                        Il-gvern mhux qiegħed jagħmel ix-xogħol tiegħu bis-serjetà meta jiġi biex idaħħal xi liġi Ewropea. Per eżempju, meta kienet qed tiddaħħal id-direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar servizzi fil-pajjiż, saqsejt biex nara xi studju kien sar mill-gvern ħalli jifli l-impatt li din id-direttiva kien se jkollha fuq is-setturi tas-self employed iż-żgħar u setturi oħra. Bilkemm ma ttrattawnix ta’ kiesaħ u stupidu għax qajjimt il-punt. Irriżulta li ma kien sar l-ebda studju. Safrattant meta għamilt il-verifiki meħtieġa, sibt li pajjiżi oħra membri fl-Unjoni Ewropea, kienu għamlu l-istudji tagħhom, li ressquhom imbagħad quddiem il-Parlament tagħhom.
                        …Dil-ħaġa qed tiġri fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti, minn regolamenti ġodda li jirrigwardaw kif isir is-sajd fiċ-centru tal-Mediterran għal direttivi li jkollhom x’jaqsmu mal-bejgħ u x-xiri ta’ materji kimiċi.
                        Ikun hemm min jgħid: imma allura l-Parlament Malti ma jmissux jagħmel hu l-istudji meħtieġa?
                        Le, ma jistax għax minkejja l-ħafna kliem fieragħ ta’ gonzi-pn, id-deputati Maltin m’għandhomx ir-riżorsi meħtieġa, fi flus u uffiċċji biex imexxu riċerka u studji, bi staff kompetenti u ta’ fiduċja. F’dar-rigward, kull wieħed mid-deputati parlamentari Ewropej għandu aktar minn għaxar darbiet ir-riżorsi li jinsabu għad-dispożizzjoni tad-deputati kollha Maltin, mhux ministri, fil-Parlament Malti.
BL-AVVIŻI LEGALI
                        Agħar minn dan, geġwiġija sħiħa ta’ regolamenti f’oqsma bla għadd qed jiddaħħlu f’pajjiżna mill-Unjoni Ewropea, mingħajr skrutinju estensiv mill-Parlament Malti. Id-diskussjoni dwarhom qed bilfors tkun mill-aktar superfiċjali. Biex ikompli jgħaxxaqha, il-gvern ifassal il-liġijiet li jdaħħlu fostna r-regolamenti magħmula fl-Ewropa, b’mod li kull ma jagħmlu hu li jagħtu lill-gvern il-poter li jiffissa aktar tard, regolamenti f’oqsma diversi. Jagħmel dan per mezz ta’ avviżi legali, li l-Parlament ma jiddiskutix.
                        U l-Parlament jgħaddi l-liġi u wara li jkun għaddiha, jibdew ħerġin l-avviżi legali, li fihom ikunu jinsabu l-veri miżuri li se jitħaddmu. F’daqqa waħda, Malta saret wieħed mill-aktar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, li qiegħed “jonora” il-liġijiet u d-direttivi tal-Unjoni, billi jdaħħalhom fil-ħin. Mentri sa ftit taż-żmien ilu, konna fost tal-aħħar li qed nagħmlu hekk. Mur għid lil Brussel, li ħafna mid-direttivi li daħħalna f’pajjiżna jinsabu fuq il-karta, per mezz ta’ avviż legali, u kważi ħadd ma jaf bihom għax baqgħu fuq il-karta! F’dar-rigward, u forsi f’oħrajn ukoll, qed jirnexxielna nibbrillaw fl-ingann ma’ Brussell, kważi daqs il-Greċja!
                        Imma hu l-Parlament Malti li fl-aħħar mill-aħħar, se jkun qed iġorr ir-responsabbiltà ta’ li jinsab għaddej.
                        Gvern dgħajjef bħal dak li għandna llum – għax hu gvern li qed jgħix gidba, qed jgħix b’gidba u f’gidba – forsi jħossu sodisfatt li qed jirnexxilu jimmina l-Parlament f’ħidmietu, sakemm b’hekk tkun għaddiet tiegħu. Imma dan qiegħed iressaq lill-pajjiż lejn kriżi tad-demokrazija. Bl-imminar sfaċċat tal-Parlament li jinsab għaddej, jidhrilhom x’jidhirlhom mir-riżenja ta’ Louis Galea minn Speaker tal-Parlament, ħafna ċittadini se jispiċċaw iqisu li ninsabu maqbuda f’dittattura parlamentari. Dan ħażin.
                        Ħażin ħafna.
ARTIKLU, IT-TORĊA, 2 TA’ MEJJU 2010

Facebook Comments

Post a comment