“WASAL IŻ-ŻMIEN LI NĦARSU LEJN IL-PROBLEMA TAL-KORRUZZJONI MILL-QIEGĦ”: INTERVENT FIT-TIENI QARI TAL-ABBOZZ TA’ LIĠI IMSEJJAĦ ATT BIEX JEMENDA L-ATT DWAR IL-KUMMISSJONI KONTRA L-KORRUZZJONI, KAP. 326 – 28 TA’ MARZU 2011

Din hi diskussjoni li qed issir tard ħafna. It-taħsir diġà daħal wisq ’il ġewwa. Il-poplu fil-biċċa l-kbira tiegħu jemmen li t-tmexxija tal-pajjiż hi korrotta.
Gonzi-pn jgħid li perċezzjoni bħal dik ma turi xejn dwar jekk teżistix korruzzjoni jew le. Għaqdiet internazzjonali ta’ stima kbira li l-missjoni tagħhom hi li jiġġieldu l-korruzzjoni – bħal Transparency International – jgħidu bil-maqlub. Huma jaqblu mal-poplu Malti u Għawdxi. Huma jifhmu li l-perċezzjoni tal-publiku hi parti mill-kejl li jista’ jsir tal-korruzzjoni. Dan hu suġġett dens u mċajpar, dwar abbuż li diffiċli taqbdu b’mod li ma jistax jaħrablek.
Trid tuża mezzi qawwija u trid tibqa’ ssostnihom sal-aħħar. Jekk ma tagħmilx hekk, se tinqabad f’xi waħda mill-isqaqien fejn darba wara l-oħra l-kampanji kontra l-korruzzjoni, għamilhom min għamilhom, spiċċaw indifnu fir-ramel.
Min jgħid li llum ma teżistix korruzzjoni, jew qed jgħix fil-qamar jew forsi jaqbillu jgħid hekk.
Min illum jemmen jew jgħid li jemmen, li l-korruzzjoni m’għadhiex qed tirranka fil-pajjiż, mhux qed jagħraf is-sinjali taż-żminijiet tagħna, jew ma jaqbillux jagħrafhom.
It-tweġiba min-naħa tal-gvern ta’ gonzi-pn għal darba wara l-oħra tkun: agħtuna l-provi.

MA JINSTABU QATT

Jien ngħid li l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni li dil-liġi li għandna quddiemna qed tipprova ttejjeb fl-operat tagħha, hi t-turija sħiħa ta’ kif u għaliex fis-soċjetà tagħna, il-provi tal-korruzzjoni qatt mhuma se jinstabu… jekk nibqgħu sejrin kif sejrin. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, minkejja l-ħafna kliem sbieħ u s-sentimenti mfissra bl-aqwa mod… kif smajnihom anki f’dal-Parlament, mhix se tkun tista’ tittieħed bis-serjetà. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fostna mhi xejn… u ma kienet xejn sa mill-bidu nett tagħha…ħlief logħba bil-paraventi.
L-abbozz li għandna quddiemna jipprova jsewwi vizzji u difetti kardinali li jezistu fl-istruttura tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni. Sa mill-bidu nett, dawn il-vizzji għamlu mill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni farsa istituzzjonalizzata. Sa mill-bidu nett minn din-naħa tal-Kamra, konna ngħidu xinhuma u fiex jikkonsistu dawn il-vizzji. Għal snin twal, ġejna injorati.
Fejn qed jipprova jtejjeb l-istruttura tal-Kummissjoni, l-abbozz ta’ liġi li għandna quddiemna qed jagħmel sew. Imma dak li qed jibni fuqu tant hu dgħajjef u bla siwi, li t-titjib propost, fil-fehma umli tiegħi, ftit se jirnexxielu jċaqlaq l-affarijiet għall-aħjar. U dan hu gwaj għal pajjiżna.
Għax illum, l-istrutturi tal-poter infushom qed jintrabtu ma’ ċerta omertà li tmur lil hinn mis-sentiment tas-sħubija partiġġjana. Rajna dil-ħaġa tiġri fl-aħħar kampanja elettorali, meta l-każ ta’ abbuż u ta’ korruzzjoni fil-għoti ta’ permessi għall-iżvilupp ta’ diskoteka kbira fil-bajja tal-Mistra, kellu skjerati warajh biex jiddefendu dak li kien għaddej, lil gonzi-pn u lill-Prim Ministru attwali. L-istrutturi ta’ poter raw kif għamlu biex minflok dal-każ skandaluż jiġi investigat mill-bidu sal-aħħar, fl-għeruq u x-xniexel tiegħu, il-każ ġie mirdum taħt patafjun ta’ maniġġi li kellhom warajhom il-magna tal-gvern u tal-Partit Nazzjonalista.
Sadattant, hemm min jibqa’ jsostni li l-korruzzjoni mhix pjaga li tassew teżisti jew li tinħass sew f’pajjiżna. Mhux minnu, jgħidulna, li l-korruzzjoni qed tikkawża dannu kemm għall-integrità tal-istat, u kemm għal benessri taċ-ċittadini. Mhux veru li dawn iċ-ċittadini… iridu jew ma jridux… qed iħallsu taxxi li jispiċċaw jaqdu wkoll il-ħteġiet ta’ tixħim, xi kultant flagranti, ta’ nies li dejjem jiffangaw. Mill-ġdid, igħidulna, dawn kollha ħrejjef. Nistagħġeb b’min jgħid hekk. Kemm ili ninteressa ruħi b’xi mod mill-bogħod jew mill-viċin, fil-politika ta’ pajjiżna, l-għajta tal-korruzzjoni dejjem hemm kienet.

L-GĦAJTA

Fis-snin sittin, kellna l-għajta kontra l-korruzzjoni tal-kuntrabandu u tat-tixħim fuq permessi fix-xiri tal-artijiet, fost oħrajn.
Fis-snin sebgħin u tmenin, kellna l-għajta kontra l-korruzzjoni tal-permessi tal-artijiet u tal-bini, kif ukoll kontra allegati abbużi fil-permessi tal-importazzjoni.
Fis-snin disgħin sal-lum, kellna l-għajta kontra l-korruzzjoni f’permessi tal-bini, fl-għoti ta’ kuntratti kbar tal-gvern u fil-mod kif jitħaddmu t-taxxi tal-VAT u tal-income tax… fost oħrajn…
Oħroġ il-għaġeb, matul das-snin kollha, saru kemm il-elf dikjarazzjoni dwar kif se neqirdu kull suspett ta’ korruzzjoni. Kellna l-għajta fis-snin tmenin per eżempju, ta’ min ipproklama li l-korruzzjoni kienet istituzzjonalizzata… l-għajta ta’ min wiegħed li se jiġġieled il-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel. L-istess persuna, dak iż-żmien kap tal-Partit Nazzjonalista, sostna li min ma jiġġelidx kontra l-korruzzjoni hu korrott.
Miż-żmien li ntqalu dawn l-affarijiet, min qalhom kellu kull ċans… hu u ta’ warajh… li jwettaq… li jwettqu… dak li wiegħed. Imma minkejja li llum, min qal hekk hu mitqies mill-partit tiegħu bħala l-qdusija miexja fl-art, sa fejn naf jien, mhux talli fuq korruzzjoni verament bqajna fejn konna, talli morna agħar.
Agħar ukoll għax donnu daħal prinċipju ġdid ta’ qdusija li bih setgħu jinstabu diversi raġuniiet u strataġemmi li għalihom u bihom, anki jekk il-korruzzjoni teżisti, din ma tistax tinqabad. Donnu li jridu jkunu nies minn barra, bħal Transparency International … jew Maltin li ma jgħixux fostna jew barranin li jiġu jżuruna biex jagħrfu minnufih xinhu għaddej.
Dejjem hekk ġara.

X’QAL COLERIDGE

Għalhekk dan kollu jfakkarni fil-konklużjoni li kien wasal għaliha l-poeta Ingliż Samuel Taylor Coleridge, li qatta’ xi sentejn f’Malta, bejn is-sena 1802 u l-1804, bħala s-segretarju ta’ dak li jitqies bħala l-ewwel gvernatur Ingliż ta’ Malta, Sir Alexander Ball.
Fit-Table Talk tiegħu Coleridge qal hekk dwar Malta mitejn sena ilu:
“…No tongue can describe the moral corruption of the Maltese when the island was surrendered to us. There was not a family in it in which the wife or daughter was not a kept mistress. A marquis of ancient family applied to Sir Alexander Ball to be appointed his valet. “My valet!” said Ball, “What can you mean sir?” The marquis said he hoped he should have the honour of presenting petitions to his Excellency. “My valet sir,” said Ball, “ brushes my clothes and brings them to me. If he dared to meddle with matters of public business, I should kick him down stairs.”
In short, Malta was an Augean stable, and Ball had all the inclination to be a Hercules. His task was most difficult… I remember an English officer of very high rank soliciting him for the renewal of a pension to an abandoned woman who had been notoriously treacherous to us. The officer had promised the woman as a matter of course – she having sacrificed her daughter to him. Ball was determined, as far as he could, to prevent Malta from being made a nest of home patronage…”
Ħa nipprova npoġġi kliem Coleridge fil-Malti:
“…L-ebda lsien ma jista’ jfisser il-korruzzjoni morali tal-Maltin fiż-żmien meta l-gżira ingħatat (lill-Ingliżi). Ma kienx hemm familja waħda li ma kellhiex l-omm jew il-bint poġġuta għall-flus. Markiż ta’ familja antika talab lil Sir Alexander Ball biex isir il-kamrier tieghu. “Il-kamrier tiegħi?” stagħġeb Ball. “Xi trid tfisser sinjur?” Il-markiż fisser li b’hekk kien jittama li se jkollu l-unur li jippreżenta petizzjonijiet lill-Eċċellenza Tiegħu. Wieġbu Ball: “Sinjur, il-kamrier tiegħi qiegħed hemm biex ifarfarli ħwejġi u jġibhomli. Kieku kellu jindaħal f’materji tat-tmexxija, kont inwaddbu ’l isfel bid-daqqiet ta’ sieq.”
Fil-qosor, Malta kienet mandra u Ball kien imħajjar sew li jagħmel il-parti ta’ Erkole billi jnaddafha. Sab għadma iebsa… Niftakar uffiċjal Ingliż mill-imlaħħqin sew li mar jitolbu biex tiġġedded il-pensjoni ta’ mara abbandunata li kienet magħrufa kemm ittradiet lill-Ingliżi. L-uffiċjal wegħedha dal-pjaċir bħala ħaġa naturali – peress li hi kienet issagrifikatlu lil bintha. Ball kien determinat li sa fejn seta’ ma jħallix lil Malta ssir bejta ta’ patrunaġġ.”
M’għandix dubju li l-Maltin ta’ żmien Ball u Coleridge kienu bħall-Maltin tal-lum, jiftaħru ma’ kullimkien dwar kemm jgħożżu l-valuri tal-onestà u ma nafx xiex aktar.
Li hemm interessanti fil-kummenti ta’ Coleridge hu li juru kif anki l-barranin li jiġu fostna, f’dal-każ l-Ingliżi sħabu, meta tiġihom ix-xoqqa f’moxtha, ukoll ma kinux jiddardru jġibu ruħhom b’mod korrott. Il-korruzzjoni hi marda li malajr tittieħed jekk ma tkunx diġà mċappas biha.

IL-ĠLIEDA KONTRA L-KORRUZZJONI TIDDEPENDI WISQ MILL-PROĊESS POLITIKU

Personalment nemmen li ilu li wasal iż-żmien li minflok noqogħdu nippretendu li bil-mod l-affarijiet nistgħu nirranġawhomn, waqt li xejn ma jinbidel… wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-problema tal-korruzzjoni b’mod fondamentali, mill-qiegħ…
Naf li meta ngħid hekk, se nkun vuċi fid-deżert imma ninsab żgur li xi darba ż-żmien se jagħtini raġun.
Il-verità hi din: il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tiddependi wisq mill-proċess politiku. U f’pajjiż ċkejken bħal tagħna, għal ħafna mill-ħin, il-proċess politiku ma jitmexxiex b’rieda tajba. Anzi: jitmexxa… ħa nuża espressjoni Ingliża… in bad faith. L-aqwa li l-partit jew il-klan jew l-alleanza politika tiegħi jew tagħna iżżomm fil-wiċċ, timxi ’l quddiem jew tibqa’ tirbaħ. Minħabba f’hekk, dak li jintqal ma jkunx konformi mal-intenzjonijiet veri. Ma jirrispekkjax id-deċiżjonijiet li tassew qed jittieħdu.
Ħa nagħti eżempju, u mmur b’hekk lejn dak li hu fondamentali. Jintqal per ezempju li biex tirbaħ il-korruzzjoni, jeħtieġlek istituzzjoni mmexxija minn nies ta’ integrità li jafu u jistgħu jkunu indipendenti. Min fit-teorija se jgħid le għal dil-ħaġa?
Biss, f’pajjiż ċkejken bħal tagħna, din l-indipendenza u din l-integrità bilfors li… minħabba ċ-ċokon stess tagħna… se jkunu problematiċi. Kif se jiġu definiti? Kif se jiġu mħaddma?
Skont il-prattika kostituzzjonali dwar il-ġudikatura ngħidu aħna, jintqal li għax il-ġudikanti jinħatru b’sigurezza kważi assoluta fil-kariga li jokkupaw, kwalunkwe gvern ftit jista’ jheddidhom li se jneħħihom mill-kariga biex b’hekk jinfluwixxi fuq kif jiddeċiedu kawżi mressqa quddiemhom. Apparti mill-fatt li kellna fl-aħħar snin, każ notorju ta’ korruzzjoni fi ħdan il-ġudikatura nnifisha, hemm osservazzjoni oħra li toħroġ mir-realtajiet tal-ħajja fi gżira ċkejkna.
Persuna tista’ tiġi influwenzata mhux għax l-impjieg tagħha jista’ jkun mhedded. Iqumu kif ta’ spiss jiġru fil-ġudikatura tagħna, kwistjonijiet dwar x’se jiġri mill-ġudikant wara li jispiċċa mill-kariga… peress li l-pensjoni tiegħu jew tagħha ma titqiesx bħala adekwata. U jqumu kwistjonijiet oħra dwar impjiegi jew favuri għal familjari tal-ġudikanti. F’soċjetà ċkejkna bħal tagħna kulħadd jaf kif iqumu mistoqsijiet bħal dawn.
U allura, toħroġ dejjem aktar skjetta kemm hi problematika dil-biċċa ta’ indipendenza għal min se jingħata karigi kontroversjali, fejn irid jinvestiga allegazzjonijiet li jsiru l-aktar dwar il-gvern tal-ġurnata, u li jikkonfrontawh ġieli kontra persuni li jkunu ħbieb tiegħu soċjalment.
Terġa’ f’pajjiż ċkejken bilfors tqum il-mistoqsija dwar kemm se jkun hemm persuni hekk imsejħa indipendenti u ta’ kalibru li se jkunu lesti jidħlu għall-biċċa xogħol iebsa, u x’aktarx imwiegħra, li jinvestigaw bis-serjetà u b’reqqa akkużi ta’ korruzzjoni. X’garanzija se jkollhom li xi ħadd mhux se jispiċċa jpattihielhom tal-ħidma li jagħmlu? U fejn hi l-istima li s-soċjetà tagħna tagħti lil min lest jaħdem b’dal-mod?
Rajna kif ġie trattat l-awditur intern tal-MEPA meta għolla rasu biex iperreċ każi lampanti fejn l-affarijiet saru bil-werċ. L-istess ħaġa fuq skala iċken ġrat ukoll lill-Awditur Ġenerali.

NEGOZJATI, MHUX INVESTIGAZZJONI

Jiġifieri, l-għażla ta’ min jista’ jkun dak jew dik li se jinvestigaw każi allegati ta’ korruzzjoni, bilfors se tkun żgħira ħafna… U allura mudell għat-tmexxija ta’ investigazzjonijiet hekk, li jiddependi mis-sejba mhux ta’ persuna waħda, imma ta’ numru ta’ persuni li jridu jkunu mogħnija bil-kwalifiki u d-doni li semmejt, hu mudell fraġili.
Ir-riskju malajr isir dak li minflok investigazzjonijiet iffokati, nispiċċaw bi proċessi fejn grupp ta’ nies magħżula bħala “indipendenti” u “integri”, jinnegozjaw bejniethom dwar dak li għandu jsir, u kif, u x’għandu jkun il-ġudizzju fuq dak li jinstab.
Mill-fatt stess li jkollhom jinnegozjaw b’dal-mod – kemm dwar dak li għandhom jinvestigaw, kemm dwar kif se jinvestigaw, u fuq kollox, dwar xinhi l-konklużjoni li toħroġ minn dak li jinvestigaw – il-proċess kollu jispiċċa fjakk u x’aktarx nieqes minn kull trasparenza.
Aktar u aktar se tiġri dil-ħaġa meta l-poteri li bihom tkun tista’ ssir l-investigazzjoni jibqgħu limitati jew ambigwi. Sa fejn jistgħu n-nies magħżula, jaslu bl-istħarriġ tagħhom? Kif jistgħu jmexxuh? Il-mezzi li jingħataw se jkunu qawwija biżżejjed?
Fuq dawn il-punti kollha u oħrajn li ma semmejtx, il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni mwaqqfa mill-ewwel amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ Fenech Adami falliet u għadha tfalli bil-kbir. Minkejja l-wegħda li kienet saret qabel is-sena 1987, li l-korruzzjoni se tiġi kkonfrontata bl-għeruq u x-xniexel, kellna kummissjoni li la kienet ħuta u lanqas tiġieġa, la tista’ ttir, la tista’ timxi u lanqas tista’ tgħum. Appuntata mill-gvern, is-sens ta’ indipendenza tagħha kien null.
In-nies magħżula kienu kollha magħrufa bħala jew partiġġjani Nazzjonalisti kbar jew ta’ simpatija Nazzjonalista u notorjament timidi fl-indirizz tal-ħidma tagħhom. Il-Kummissjoni twaqqfet sempliċiment biex tara kif il-gvern ta’ Fenech Adami jista’ jsallab esponenti ewlenin tal-gvernijiet ta’ Mintoff u ta’ Karmenu Mifsud Bonnici tas-snin sebgħin u tmenin. Anki f’hekk marret żmerċ, min jaf għal liema raġuni.
U malli għadda ż-żmien li fih wieħed seta’ jikkonċentra b’ċerta rilevanza fuq abbużi li allegatament saru matul dawk il-gvernijiet, u daħal iż-żmien li fih bdew jitqanqlu każi ta’ korruzzjoni li allegatament saru fl-amministrazzjonijiet ta’ Fenech Adami u riċentment f’dawk ta’ gonzi-pn, din l-imbierka Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni waqgħet f’muta liema bħalha. Kull ma nafu minnha hu li kull sena qed terdgħa xi 58,000 ewro mill-budget tal-gvern u kollox jibqa’ għaddej. Matul is-snin, dil-Kummissjoni li tieħu n-nifs bil-buona grazzja tal-gvern, alla jbierek kważi qatt ma sabet indizji li qajmulha xi suspett f’dak li kien qed jiġri madwarha.
Ma kinitx biss kwistjoni ta’ indipendenza personali ta’ dawk magħżula. Kienet ukoll kwistjoni ta’ kif intgħażlu u għaliex intgħażlu… fil-maġġoranza tal-każi, bażużuli tal-PN… u tal-istruttura li tpoġġew fiha.
Matul is-snin, gonzi-pn u ta’ qablu riedu jilgħabu l-farsa mdaħħla bil-liġi li waqqfet dil-Kumissjni fażulla, li meta jaħtar il-kap tagħha, il-Prim Ministru jikkonsulta lill-Kap tal-Oppożizzjoni. M’għandi l-ebda dubju li għamilna tajjeb, aħna tal-Oppożizzjoni Laburista, li matul is-snin irrifjutajna li nieħdu sehem f’dil farsa.
U llum, il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni spiċċat isservi bħala struttura biex biha ex-imħallef magħruf għas-simpatiji bla limitu lejn il-partit Nazzjonalista, jkun jista’ jgawdi dħul u perkaċċi ferm akbar milli seta’ jagħmel bil-pensjoni tiegħu.

KAŻI TA’ ABBUŻ LI BAQGĦU GĦADDEJJA

Se jkun hemm min jitkarrab: imma għaliex dawn l-attakki personali?
Skużi: dawn mhumiex attakki personali. Dawn huma osservazzjonjiet mibnija fuq dak li jien rajt u għadni nara jiġri madwari. Inutli nibqgħu nilagħbu l-logħba ipokrita li xejn mhu xejn, għax m’hemmx provi u kull min hu involut ifuħ bil-qdusija.
Il-provi jinstabu b’sistema trasparenti u ħielsa u serja biex dak li qed isir ħażin jitpoġġa taħt serċlajt. Imma qabel tixgħel is-serċlajt, trid tagħti l-mezzi lil min se jfittex biex ikun jista’ jsib. Ma narax li hawn din id-dispożizzjoni. Fin-nofs dejjem issib li hemm in-nuqqas ta’ rieda tajba… li hemm il-bad faith… li jimmina l-ħin kollu s-serjetà ft-tmexxija publika ta’ pajjiżna.
Ħa nsemmi biss erba’ każi ta’ abbuż li sirt naf bihom personalment matul is-snin, mingħajr ma kien hemm verament mezz kif wieħed jista’ jasal għal xi forma ta’ investigazzjoni serja.
Każ fejn ministru kien jieħu xi sittin għal sebgħin elf lira Maltin fis-sena bħala kapparra fuq kuntratt ta’ manteniment ta’ impjant importanti tal-gvern.
Każ fejn kumpanija barranija li kienet interessata li tikkwota għal tender importanti tal-gvern, tiġi kuntattjata minn Malta minufih wara li għamlet l-ewwel abbokkament serju tagħha, b’mistoqsija jekk tkunx lesta tikkontribwixxi lill-Partit Nazzjonalista jekk tingħata t-tender.
Każ fejn saret pressjoni biex jiġi żvelat il-prezz iffissat internament mit-Teżor fuq tender li kien qed jinħareġ mill-gvern.
Il-każ ta’ kif inħarġu l-kuntratti għar-ristrutturar tal-bastimenti Fjord u Fjel mit-tarzna ta’ Malta.
Għax l-ironija hi din: li waqt li l-mezzi biex tinqabad il-korruzzjoni baqgħu limitati u dgħajfa… waqt li l-opportunitajiet għal korruzzjoni żdiedu bil-kbir, ir-regoli li bihom tiġi evalwata akkuża ta’ korruzzjoni, baqgħu bilfors determinati minn xinhu ammissibbli jew le fil-qrati.
Minn naħa, dil-ħaġa tiftiehem u hi meħtieġa f’demokrazija li hi msejsa fuq ir-regola tal-liġi, ir-rule of law. Imma min-naħa l-oħra, baqgħet ma ġietx indirizzata bis-serjetà l-mistoqsija ta’ kif min jitqabbad jinvestiga l-korruzzjoni jista’ jasal għall-provi tiegħu.

IL-KAŻI MQAJMA QABEL L-1996

Qabel is-sena 1996, sħabi u jien konna qajjimna każi importanti li fil-fehma tagħna… anzi jien żgur minn hekk… kienu każi ta’ korruzzjoni fi ħdan il-gvern dak iż-żmien ta’ Fenech Adami. Jekk kinux involuti direttament ministri tal-gvern jew nies qrib tagħhom hi ħaġa oħra – kellha tkun l-investigazzjoni li tiddetermina dil-ħaġa.
Kienu każi li nfirxu mal-ispektrum sħiħ tat-tmexxija tal-gvern. Imma l-fatt stess li qajjimnihom, kien ifisser li malajr malajr kien se jsir sforz kbir biex jitneħħew il-provi li seta’ baqa’ ta’ x’ġara u ma ġarax. Aktar u aktar jekk fost in-nies involuti, kien hemm uħud li għandhom kontroll fuq fejn u kif jinżammu r-rekords ta’ li jkun ġara.
Effettivament, biex il-qrati jagħtuh raġun, l-investigatur tal-korruzzjoni irid isib dak li fit-terminoloġija Amerikana jissejjaħ “smoking gun”. Imma x’mezzi se juża biex jasal għal hekk? Xinhuma l-mezzi li jista’ juża?
Hi ħaġa ċara li kwankwe każ ta’ korruzzjoni jinvolvi eżerċizzju ta’ sħubija bejn nies li jafu sew lil xulxin, jew li għandhom interess f’xulxin, b’omertà liema bħala bejniethom. F’soċjetà ċkejkna bħal tagħna, din l-omertà ssibha ħafna aqwa minn f’pajjiżi akbar… li mbagħad biex inkunu għedna kollox, għandhom il-problemi tagħhom ta’ kif jinfirxu x-xbieki ta’ korruzzjoni, problemi li ġejjin mill-kobor.
Kif se tkisser l-omertà li tista’ tindiehes fi gvern li jkun ilu s-snin għaddej… bħal ma ilu l-gvern ta’ gonzi-pn… u bħal ma dam il-gvern Laburista bejn l-1971 u l-1987… hi problema li ngħidu xi ngħidu xi ngħidu, għadna ma solvejnihiex.
U bir-rispett kollu lejn il-korp tal-pulizija, is-soluzzjoni li jsemmi gonzi-pn – dik li malli xi ħadd ikun jaf b’xi ħaġa jeħodha dritt għand il-pulizija, apparti milli turi d-disprezz tal-gvern lejn l-istess Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni tiegħu… minnufih malli titwettaq, iċċaqlaq mekkaniżmi ta’ omertà li bihom jekk ikun għad baqa’ traċċi ta’ xi jkun ġara, dawn malajr jinqerdu.
Kif għedt, problema fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, hi li l-provi li jinstabu jridu jkunu qawwija biżżejjed biex jissodisfaw il-qrati. Nerġa’ ngħid, hi ħaġa minn ewl id-dinja f’demokrazija bbażata fuq ir-rule of law, li jsir hekk. Imma dan il-kriterju jfisser li fil-qafas tal-omertà li tiġġenera l-korruzzjoni, issir dejjem ħaġa aktar diffiċli li jinġabu provi adekwati. Ir-regola tal-liġi f’qagħda bħal din tiffavorixxi lil min hu korrott u tpoġġi fi żvantaġġ lil min qed jagħmel ħiltu biex jikxef il-korruzzjoni.
Mhux ta’ b’xejn allura li l-każi ta’ allegati korruzzjoni jispiċċaw malajr ippolitiċizzati. Ħafna drabi ma jkunx hemm triq oħra biex l-allegazzjonijiet jiġu investigati b’ċerta urġenza u impenn.

BIEX TKISSER L-OMERTÀ

Fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, hu kruċjali li qabel xejn, titkisser l-omertà ta’ bejn kompliċi fil-korruzzjoni, ħaġa li forsi tista’ tagħmel Whistle Blower Act effettiva, liġi li ilha tistenna ma nafx kemm-il sena.
Imma f’dar-rigward, insibha ħaġa mill-aktar kurjuża li gonzi-pn diġà ddikjara li jekk parteċipi bil-kbir fil-korruzzjoni jsir whistleblower u jiżvela xi jkun ġara, ikollu hu wkoll ibati l-konsegwenzi ta’ għemilu. Ħaġa bħal din tikkonsolida mhux timmina l-omertà ta’ bejn il-kompliċi.
Li l-whistleblower ma jitħalliex igawdi l-frott tal-korruzzjoni nifhimha. Imma li ma’ sħabu li jittradixxi jġorr il-piena tad-dnub li jkun wettaq magħhom, naraha kontra-produċenti għall-aħħar. Hu minnu: hi ħaġa li ddejqek li tħalli lil persuna bħal din tevita li tħallas għal għemilha. Imma l-aqwa ħtieġa hi li s-solidarjetà bejn min hu korrott tkun suspettuża u mminata sa mill-bidu nett.
Dan jiġri jekk il-“kuntratt” biex insejħulu hekk, ta’ bejn il-klikka ta’ korrotti, jkun soġġett għal feles fejn min iħossu skomdu jista’ jdur kontra sħabu. Feles bħal dan narah li jista’ jkun ta’ akkwist fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-omertà li l-korruzzjoni tieħu l-ossiġenu minnu… aktar u aktar la naqblu li l-provi jridu jkunu provi li jiġu aċċetta mill-qrati.
Naf x’qed ngħid. Mill-esperjenza. L-ebda wieħed mill-każi li konna qajjimna qabel l-1996 ma kien ġie trattat bis-serjetà li kien jixraqlu mill-gvern tal-ġurnata, dak iż-żmien it-tieni amministrazzjoni Fenech Adami. Dan minkejja l-indizji gravi għal gravi ħafna li konna xandarna.
Bejn l-1996 u l-1998 konna qabbadna mbagħad lil Dr Edgar Mizzi biex jikkonsidra l-każi li qajjimna u jagħtina parir dwar kif stajna nipproċedu. Fil-każi kollha tista’ tgħid, Dr Mizzi kellu jikkonkludi li għalkemm għamilna tajjeb li qajjimnihom għax kien fihom xamma u aktar minn xamma ta’ abbużi tal-poter u ta’ korruzzjoni, mhux biss kien għadda wisq żmien, imma wkoll it-traċċi li ħallew warajhom il-każi msemmija ma setgħux jikkostitwixxu provi ammissibbli fil-qrati.
Jekk tassew se nkunu qed nistinkaw kontra l-korruzzjoni fiż-żmien li ġej, irridu noħolqu qafas investigattiv li jippermetti li dak li jinstab ikun jista’ jiġi preżentat lill-qrati b’ċans tajjeb li jiġi milqugħ. B’li għandna quddiemna llum, nemmen li ninsabu wisq bogħod milli naslu għal dan il-għan.

MUDELL LI MHUX SE JAĦDEM TAJJEB

Se nispiċċaw mill-ġdid, fl-aħjar analiżi, f’sitwazzjoni fejn minkejja l-intenzjonijiet kollha tajba, ma jkunx hemm biżżejjed bażi biex fuqha wieħed jista’ jasal għal konklużjoni naħa jew oħra. Fl-agħar analiżi se nsibu ruħna f’sitwazzjoni fejn min jixtieq li jħawwad il-bigħa, se jkollu spazju sħiħ fejn jimmanuvra.
Il-mudell ta’ ħidma li jippreżentalna l-abbozz quddiemna hu wieħed li jixbah sew dak tal-Awditur Ġenerali, li l-uffiċċju tiegħu jirrispondi lil dil-Kamra u fejn il-ħatra tal-istess Awditur hi soġġetta għall-approvazzjoni ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tad-deputati.
Dal-mudell minnu nnifsu, kif turina l-esperjenza tal-aħħar snin, hu soġġett għal diversi limitazzjonijiet u dan dwar suġġetti li għalkemm iebsa, huma ħafna anqas kontroversjali minn dawk li jmissu mal-korruzzjoni. Fil-fatt, għax prattikament ma hemmx rimedji oħra, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sab lilu nnifsu mdaħħal f’każi ta’ allegata korruzzjoni meta strettament il-korruzzjoni ma taqax fil-linja tiegħu ta’ ħidma. U sibna kemm l-Uffiċċju mhux b’saħħtu biżżejjed biex jirrispondi b’mod effettiv għat-talbiet investigattivi li sarulu dwar irregolaritajiet li jfissru korruzzjoni.
Imbagħad, fil-mod kif jiġu preżentati l-konklużjonijiet tal-Awditur, id-diċitura faċilment tista’ tispiċċa kondizzjonata minn negozjati interni fi ħdan l-istruttura tal-Uffiċċju tiegħu li jkunu ntiżi biex il-konklużjonijiet la jfuħu wisq u lanqas jintnu wisq.
Realistikament irridu naċċettaw li dawn l-affarijiet jistgħu jiġru u qed jiġru anki fil-kaz tal-Awditur Ġenerali, u qed naħseb bla ħabi ta’ xejn fil-każ tal-kuntratt għall-bini ta’ power station ġdida, mill-BWSC.
Aħseb u ara kemm jistgħu jiġru u se jiġru fil-każ tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni, mhux l-anqas fil-format li qed jiġi propost għaliha llum.
Fejn għandek struttura komplikata biex tissorvelja u tmexxi… fejn għandek chain of command investigattiva li mhix konċentrata fl-istess struttura imma tgħaddi minn Kummissjoni għall-pulizija u lura u għal ma nafx xiex aktar… għid li malajr l-affarijiet se jiġġammjaw. Forsi dik hi l-intenzjoni wara dan l-abbozz li għandna quddiemna…

ĦTIEĠA TA’ POTERI INVESTIGATTIVI QAWWIJA

Jien nemmen li struttura mfassla biex tiġġieled il-korruzzjoni, biex tkun effettiva, trid tingħata poteri investigattivi u kważi ġudizjarji qawwija. Trid tkun tista’ teżerċita dawn il-poteri b’mod sħiħ u awtonomu. U trid topera f’kondizzjonijiet fejn ir-reġim legali japplika inċentivi… jekk nista’ nuża dil-kelma… li jistgħu jħajru lil min jinsab fi ħdan proċess ta’ korruzzjoni biex isaffar is-suffara.
Minn dan kollu, sal-lum, ma jien qed nara xejn.
Issa xejn mhu faċli tfassal mekkaniżmu li jirrispondi għall-ħteġiet ta’ investigazzjoni effettiva, waqt li jirrispetta r-regoli tad-demokrazija parlamentari u tal-proċessi tal-qrati. Biex mekkaniżmu bħal dan jitfassal, ikun hemm bżonn ta’ djalogu ġenwin bejn il-forzi politiċi rilevanti, kif ukoll mal-ġudikatura. Biex djalogu bħal dan jirnexxi, irid ikun hemm rieda tajba. Onestament, ma naħsibx li din teżisti.
Bejn l-1996 u l-1998, skont il-mandat elettorali li kien ingħata, l-gvern Laburista fittex li jdaħħal mekkaniżmu ta’ maġistrat inkwirenti dwar każi ta’ korruzzjoni, imfassal skont il-mudell tal-Ewropa kontinentali. Bih maġistrat appuntat apposta kien se jingħata poteri ta’ pulizija biex jinvestiga, anki fuq inizjattiva tiegħu, u poteri ta’ prosekuzzjoni.
Sar abbozz ta’ liġi f’das-sens u konna offrejna li niddiskutuh mal-oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien. Saru kuntatti informali mal-ġudikatura biex jittieħdu l-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom. Minn kullimkien ittella’ ħajt kontra dawn il-proposti, qisna konna qiegħdin nipproponu xi ħaġa ta’ barra minn hawn. M’hemmx għalfejn ngħid, minn dak iż-żmien lil hawn l-istess proposti waqgħu fil-bir tas-skieken.
Argument li jitqajjem kontra l-istituzzjoni ta’ maġistrat inkwirenti hi li hu nnifsu jista’ jkun jew jispiċċa, aġent jew għodda fl-assassinju ġudizjarju ta’ dan jew dik il-figura politika. Mil-lemin, fl-Italja per eżempju, jsemmu dak li ġara fl-aħħar snin fir-rigward ta’ Berlusconi u fi Franza fil-każ tal-Clearstream fir-rigward ta’ Sarkozy u fir-rigward tal-ex president Chirac.
L-allegazzjoni hawn hi li maġistrat inkwirenti mogħti l-poteri tal-pulizija se jkollu wisq libertà biex jagħmel fattih, mhux dejjem għal raġunijiet ta’ ordni publiku imma ġieli wkoll għal raġunijiet ta’ politika partiġġjana.
Wieħed ma jistax jaqbad u jwarrab din l-oġġezzjoni qisha ma kienet xejn… anqas u anqas fil-qagħda ta’ Malta. U anqas u anqas mill-perspettiva tax-xellug, mill-perspettiva Laburista, fejn rajna tikber fl-aħħar għoxrin sena, skorċa dejjem usa’ ta’ nies influwenti fl-istrutturi tal-poter li huma anti-Laburisti bid-dikjarar. Se jkollhom kull inċentiv fl-ipoteżi ta’ gvern Laburista biex jivvintaw mitt elf akkuża ħalli jfixklu l-ħidma tal-gvern, mhux l-anqas billi jqanqlu allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u abbuż tal-poter.
Imma wieħed jista’ jgħid li dil-ħaġa tiġri diġà. Min-naħa ta’ gonzi-pn qalulna kemm-il darba li l-akkużi li għamlet tul is-snin l-oppożizzjoni Laburista dwar korruzzjoni u abbuż tal-poter ma kienu xejn ħlief tfigħ vili tat-tajn. Fuq dan, jien inwieġeb: jekk kien tfigħ tat-tajn u xejn aktar, għaliex mela gonzi-pn wara l-aħħar elezzjoni, neħħa daqstant nies mill-kabinett tal-ministri?
Effettivament, il-bniedem li sofra żgur u l-aktar minn kampanji ta’ allegazzjonijiet foloz f’dal-qasam ma kienx mill-kamp ta’ gonzi-pn imma kien politiku Laburist. Qed nirreferi għal Freddie Portelli li f’nofs l-1998 bħala ministru ġie akkużat li wettaq atti abużivi li dwarhom ġew illikjati dokumenti mid-dipartimenti li kien imexxi. Wara, inkjesta fuq oħra wrew li l-akkużi u l-allegazzjonjiet kienu foloz. Imma Freddie Portelli ħallas prezz politiku qares għall-gideb li ġew immuntati fuqu.

X’QED NIFHMU B’KORRUZZJONI?

U allura meta niġu għall-mistoqsija dwar kif se nittrattaw b’mod serju l-kwistjoni tal-korruzzjoni, nerġa’ ngħid: hemm bżonn li nqisu l-punti fondamentali. Fuq kollox: x’qed nifhmu b’korruzzjoni?
Ma jidhirlix li għandna definizzjoni ċara biżżejjed – għax kollox jista’ jkun korruzzjoni u kollox jista’ ma jkunx.
Per eżempju, teknikament il-klijenteliżmu jikkwalifika bħala abbuż qrib il-korruzzjoni. Imma ċertament ma nistgħux nassimilawh ma’ att li bih ministru jew uffiċjal pubbliku jirranġaw ħalli jingħataw commission fuq tender publiku. U bejn dawn iż-żewġ estremi hemm numru sħiħ ta’ atti li jvarjaw fil-kwalità u fit-tifsira abużiva tagħhom.
Lil hinn min jekk il-klijenteliżmu fih inifsu hux tajjeb jew ħażin – jien nemmen li hu ħażin – tqum il-kwistjoni ta’ kif fil-prattika, titmexxa l-politika fil-qafas tad-demokrazija parlamentari per mezz tal-partiti politiċi. Dawn tal-aħħar – il-partiti politiċi – iridu l-personnel biex itellgħu l-ħidmiet tagħhom. Ma jistgħux iħallsuhom kollha, għax inkella l-politika titlef mid-dimensjoni tagħha li tirrifletti l-aspirazzjonijiet u t-twemmin taċ-ċittadini u ssir xejn aktar u xejn anqas, minn business kompetittiv ieħor. Hemm min jgħid li ’l hemmhekk resqin jew lil hemmhekk wasalna… imma l-verità hi li l-impenn volontarju fil-partiti politiċi għadu qawwi.
Fl-istess ħin, biex isostni l-ħerqa ta’ dawk li qed jaħdmu għalih, partit irid joffrilhom il-prospett li se jkunu qiegħdin f’xi ħin jew ieħor jipparteċipaw b’mod validu fit-tmexxija tal-pajjiż, u b’hekk ukoll iwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-ġid komuni, fil-prattika.
Hemm soċjologi Amerikani li jargumentaw li dak li jsejħulha l-ispoils system – dik jiġifieri li biha partit fil-gvern jaġevola u jappunta lil nies li jissimpatizzaw miegħu – hi meħtieġa biex id-demokrazija taħdem tajjeb, għax jekk le l-partiti politiċi jispiċċaw mbattla minn militanti li lesti jagħtu ħin għall-ħidma politika.
Wieħed irid joqgħod attent li ma jesaġerax dan l-argument. Imma jgħodd għall-mod kif ħafna nies iqisu li l-politika għandha titmexxa waqt li tibqa’ leġittima. Personalment jien kontra l-klijenteliżmu, imma nemmen ukoll li jekk sistema publika tkun tmexxiet b’mod klijentelistiku għal snin twal, se jkun fiha nies li ġew żvantaġġjati matul is-snin minħabba s-simpatiji politiċi tagħhom. U l-ġustizzja titlob li dawn jingħataw rimedju xieraq.
Imbagħad hemm ukoll il-ħtieġa li partit poltiku lura fil-gvern jingħata l-ispazju biex fih jirranġa ħalli jkunu qed imexxu nies fl-amministrazjoni li għandhom il-fiduċja sħiħa tiegħu.
U allura kwalunkwe mekkaniżmu serju biex nikkumbattu l-korruzzjoni ma jistax jagħti lok biex il-poteri ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni li jipprovdi, jintużaw ħalli jqajmu kampanji fuq atti bħal dawn, anki fejn setgħu saru abbużi.

DEFINIZZJONI TA’ KORRUZZJONI

Nagħti eżempju: qabel l-aħħar elezzjoni, fost il-favuri li ħareġ, gonzi-pn alloka għadd ta’ postijiet għal oqbra ġodda fl-Addolorata li ħafna minnhom ma kinux jeżistu jew kienu se jqajmu problemi enormi biex jiġu allokati. Hi ħaġa ċara li dan kien abbuż serju ta’ poter, maħsub għall-akkwist ta’ voti. Imma hu abbuż li narah bħala ta’ ordni differenti minn att ta’ korruzzjoni. Jista’… u f’pajjiż serju għandu… jiġi investigat bħala forma ta’ abbuż ta’ poter: imma b’mod differenti milli messu jiġri dwar att ta’ korruzzjoni.
Għalhekk, id-definizzjoni ta’ korruzzjoni f’liġi maħsuba biex trażżan serjament dan l-abbuż trid tkun ċara u dejqa… bħal per eżempju fid-definizzjoni li jagħtu Transparency International dwar korruzzjoni. Ma jidhirx li ħaġa bħal din qed tiġi kontemplata… u forsi għar-raġuni jiddispjaċini ngħid, li dak li qed jiġi propost għall-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni mhux se jibdel wisq is-sitwazzjoni preżenti, għalkemm jidher bħala titjib fuq il-Kummissjoni fażulla li teżisti bħalissa.
Mela, xinhi l-kritika li tista’ titressaq lejn il-proposti li għandna quddiemna?
Hi din: li l-proposti effettivament qed isegwu struttura simili għal dik tal-Awditur Ġenerali u allura se jkollna Kummissjoni li fil-ħidma tagħha, se jkollha tagħmel kompromessi mar-realtà.
Se tkun Kummissjoni bi struttura li tisparpalja r-responsabbiltajiet, u allura se jkun hemm għadd relattivament kbir ta’ persuni involuti fil-proċess ta’ investigazzjoni. Diġà hu diffiċli biex issib ċittadin wieħed ta’ kalibru li jkun lest jieħu ċerti responsabbiltajiet u jwettaqhom b’mod serju… Aħseb u ara meta se jkollna nsibu aktar minn persuna waħda…
Se tkun Kummissjoni li xorta waħda trid tiddependi fuq l-operat tal-pulizija biex timxi ’l quddiem u li minħabba l-istess struttura tagħha, hi u tieħu passi, se tkun qed tqajjem l-alert fl-istanzi li jkunu qed jiġu investigati.
Se tkun Kummissjoni li min-natura stess tagħha, se tibqa’ nieqsa minn trasparenza, soġġetta għal negozjati interni u dipendenti minn esiġenzi politiċi… li talanqas mhux se jkunu ġejja biss, kif ġara sa issa, minn naħa waħda.
Forsi dan l-aħħar punt jista’ jitqies bħala vantaġġ, ħaġa li tirriżulta mill-ħtieġa li f’dal-pajjiż insostnu bilanċ ġenwin bejn l-interessi partiġġjani. Biss bħala kriterju dan ma tantx għandu x’jaqsam ma’ kif sejrin insinnu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jagħmilha min jagħmilha.
Il-verità hi li għadna m’aħniex nagħtu xhieda ta’ impenn ġenwin biex ikun min ikun fil-gvern, niżguraw li pajjiżna jkollu l-aqwa protezzjoni possibbli kontra l-korruzzjoni.
Bħala Malti, l-iskandlu li ħa Samuel Coleridge għall-korruzzjoni morali li qal li ra fost il-Maltin mitejn sena ilu, idejjaqni anki llum. Aħseb u ara meta nqis li m’aħniex nagħmlu biżżejjed biex niġġieldu kontra l-korruzzjoni tal-lum.
Le, dan l-abbozz mhux jagħmel biżżejjed. Biex inkunu qed nagħmlu biżżejjed kontra l-korruzzjoni, irridu nqisu tassew xinhuma l-kwistjonijiet ewlenin li qed iwasslu għaliha u jħalluha tiffjorixxi. U rridu ndaħħlu dawk l-istrutturi sempliċi u effettivi li jistgħu jibdew jimminaw il-pedamenti tal-korruzzjoni fostna.
Daqs tletin sena ilu, min-naħa tal-partit li llum fil-gvern, kienet qamet għajta ma taqta’ xejn kontra dak li tlaqqmet il-korruzzjoni istituzzjonalizzata. Il-wegħda kienet li l-korruzzjoni se tiġi miġġielda bl-għeruq u x-xniexel. Jekk l-affarijiet kienu ħżiena dak iż-żmien, issa quddiem kulħadd… żgur saru agħar, u din qed tkun raġuni oħra għaliex il-politika u t-tmexxija publika f’pajjiżna spiċċaw żvalutati.
Il-poplu Malti u Għawdxi stenna u għadu qed jistenna azzjoni bil-wisq aktar effettiva minna lkoll f’dil-Kamra kontra l-pjaga tal-korruzzjoni.