Sur President, il-Konvenzjoni Ewropea ta’ xi tnax-il sena ilu kellha tfassal kostituzzjoni għall-Ewropa. Ġara li din ġiet miċħuda mill-istess pajjiżi Ewropej li kienu fil-quddiem ta’ sforzi favur għaqda dejjem eqreb fl-Ewropa. Sadattant kienet twaqqfet għaqda monetarja fin-nuqqas ta’ għaqda ekonomika. Ġarret fiha diverġenzi ekonomiċi kbar bejn l-istati membri tagħha.
Fl-aħħar snin iż-żona tal-euro ġarrbet riċessjoni li ħarġet fil-beraħ id-defiċjenzi fl-istrutturi tagħha. Iddaħħlu arranġamenti biex isostnuha u jżommuha kompetittiva fil-qafas tal-globalizzazzjoni. Fi ħdan l-għaqda monetarja jonqosna mekkaniżmu fiskali ċentrali li jwieżen diverġenzi bejn iċ-ċentru u l-periferija billi jittrasferixxi riżorsi miċ-ċentru lejn il-periferija.
Interventi mill-Bank Ċentrali Ewropew li x’aktarx imorru lil hinn mill-qafas legali tiegħu salvaw lill-unjoni monetarja mill-paraliżi. Ironikament il-mexxejja tal-Bank, li mhumiex eletti, sejħu għal aktar żviluppi politiċi li jagħmlu l-unjoni monetarja adatta aktar għall-għanijiet tagħha.
Jibqa’ l-fatt li l-popli Ewropej ma jridux soluzzjoni federali. Iridu Ewropea tan-nazzjonijiet. Uħud fostna hawn jaraw dan biss bħala teorija. Jippreferu titjib fil-governanza ekonomika li diġà ssostni l-istrutturi eżistenti ta’ tmexxija.
L-isfida hi kif se nirrispettaw dak li jridu l-popli, waqt li nissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ għaqda monetarja effettiva bejn nazzjonijiet demokratiċi. L-isfida tista’ tintlaqa’ biss bl-iżvilupp ta’ strutturi konfederali fiż-żona euro.

Facebook Comments

Post a comment