L-Unjoni Ewropea laqgħet il-pjan ta’ riforma mfassal mill-Bosnia-Herzegovina u ddeskriviet dan il-progress bħala ‘pass kruċjali għall-integrazzjoni ta’ dan il-pajjiż mal-UE’. L-Uffiċċjal Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin, Federica Mogherini u l-Kummissarju għat-Tkabbir tal-UE Johannes Hahn qalu li issa qed jistennew lill-Gvern jimplimenta dawn ir-riformi ‘mingħajr dewmien’. Iż-żewġ rappreżentanti tal-UE qalu li: ‘Il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi huwa meħtieġ biex l-applikazzjoni tal-pajjiż għas-sħubija fl-UE tkun kredibbli.’

Mogherini u Hahn qalu li l-UE ppreparata biex tappoġġja lil Bosnia-Herzegovina aktar u aktar waqt li jkunu implimentati r-riformi li jqarrbu lil dan il-pajjiż lejn l-Unjoni. Dan jinkludi ‘pariri politiċi u appoġġ finanzjarju’ imma ma ssemmewx ċifri speċifiċi ta’ flus f’dan ir-rigward.

Il-Gvern Bosnijaku, b’konsultazzjoni mal-UE u mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali qablu fuq sensiela konkreta ta’ riformi, li ġew identifikati bħala prijoritajiet għall-pajjiż. Dawn ir-riformi saru bl-għan li jkunu milqugħa l-aspirazzjonijiet soċjo-ekonomiċi taċ-ċittadini tal-pajjiż li huma maqsumin primarjament bejn ċittadini b’kultura Kattolika u ċittadini b’kultura Islamika.