Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, aktar minn 44,000 immigrant illegali għaddew mill-fruntieri tal-Punent tal-Balkani. Rapport tal-Frontex żvela kif aktar minn 27, 000 ġew mill-inħawi tas-Serbja, Montenegro, Bosnia u Herzegovina, il-Maċedonja, l-Albanija u l-Kosovo.

Dawn l-immigranti jew qasmu dawn il-pajjiżi tal-Balkani jew qasmu l-fruntieri bejn dawn il-pajjiżi tal-Balkani u pajjiżi oħra membri tal-UE, qalet il-Frontex. Il-Greċja u l-Ungerija kienu l-aktar pajjiżi tal-UE li ġew milquta.

Il-Gvern Ungeriż qed jibni ‘ħajt’ fuq il-fruntiera mas-Serbja biex iżomm il-mewġa ta’ immigranti. L-aktar li qasmu lejn l-UE kienu nies mill-Kosovo – 20,000 jew 62% tal-għadd totali. Madanakollu, in-numru ta’ nies mill-Kosovo li rnexxielhom jaqsmu l-UE naqas ħafna min-nofs Frar illi għadda.

Immigranti oħra li qabdu r-rotta tal-Punent tal-Balkani kienu Sirjani, Afgani, Iraqqini, Somali u Pakistani. In-numri tal-aħħar tliet nazzjonalitajiet imsemmija jittriplaw fl-ewwel tliet xhur tal-2015 meta mqabbel mal-aħħar tliet xhur tal-2014. Dawn l-immigranti għaddew mit-Turkija, il-Greċja u l-Bulgarija. Minn dawk l-immigranti li applikaw għall-ażil fl-Ungerija, ftit baqgħu f’dak il-pajjiż biex ikomplu l-proċess.

Aktar minn 6,000 ġew interċettati fil-Greċja u wara fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Dan wara li 500,000 Afgan skaditilhom il-visa fl-Iran fl-aħħar ta’ Ġunju. Minbarra s-sitwazzjoni prekarja fl-Afganistan, aktar liġijiet ibsin fl-Arabja Sawdija għall-ħaddiema, fejn kienu qed jaħdmu l-Afgani li sabu xogħol, wassal biex jiżdiedu l-Afgani fil-pajjiżi tal-UE.

Fl-ewwel tliet xhur tal-2015 diġa` ġew identifikati 517 traffikanti tal-bnedmin, żieda ta’ 6% meta mqabbel mal-aħħar tliet xhur tal-2014.

Facebook Comments

Post a comment