In-nisa Ewropej jonfqu ħafna flus fil-ħwejjeġ, u jixtruhom anke meta ma jkollhomx bżonnhom. Skond studju li fih ħadu sehem 1500 mara ewropea, in-nisa jmorru ‘shopping’ fil-bidu ta’ kull staġun jew meta jkun hemm xi ħaġa tal-moda li tkun togħġobhom. Dak li jinxtara mhux dejjem jintlibes tant li 70% tan-nisa ammettew li jilbsu biss 50% tal-ħwejjeġ li għandhom.
In-nazzjonalita` taffettwa meta niġu għax-‘shopping’ tal-ħwejjeġ. Il-Franċiżi qed jonfqu anqas mill-medja ewropea fil-ħwejjeġ. Il-kriżi finanzjarja affettwathom tant li jippreferu jġemmgħu jew jonfquhom f’setturi oħra bħall-ivvjaġġar.
L-Ingliżi jippreferu jixtru ħwejjeġ li ma tantx jiswew flus għax iħobbu jbiddlu l-istil tagħhom ta’ spiss. Dawn jemmnu li l-ħajja tal-ħwejjeġ ma għandhiex tkun twila. Huma l-aktar nazzjonalita` li jbigħu ħwejjeġ fuq l-internet meta jixbgħu minnhom. Żewġ terzi tan-nisa Ingliżi jmorru ‘shopping’ darba f’ġimgħa.
L-Ispanjoli wkoll iħobbu jbiddlu l-istil u jagħtu importanza kbira lil valur tal-ħwejjeġ tagħhom. Normalment jixtru minn ħwienet li jbiddlu l-istokk tagħhom ta’ spiss. Ma tantx jixtru ħwejjeġ tad-ditta li huma għoljin ħafna.
Il-Ġermaniżi jonfqu mhux ħażin mill-baġit tagħhom fil-ħwejjeġ. Ma għandhomx ir-reputazzjoni li jifhmu fil-moda imma huma fost l-iktar nies li jfittxu fuq l-internet biex jaraw x’inhi t-‘trend’.
Għat-Taljani l-moda hija sagra. Jixtiequ li jkollhom ħwejjeġ ta’ ditti lussużi u rinomati u jagħtu ħafna importanza lil kwalita` tal-ħwejjeġ li jilbsu.

Facebook Comments

Post a comment