Il-Kummissarju Ewropew tal-Ekonomija u t-Taxxi Pierre Moscovici ġie kkritikat minn Membri Parlamentari Ewropej, l-aktar dawk Ġermaniżi, li ta aktar żmien lil Franza, l-Italja u l-Belġju biex jonoraw l-impenji ekonomiċi tagħhom fuq livell Ewropew. Franza ngħatat aktar żmien biex tirranġa l-baġit tagħha u qed ikun suġġerit li l-Ġermanja żżid in-nefqa tagħha biex tgħin l-ekonomija taż-żona ewro tirpilja. Pierre Moscovici kien qed jippreżenta l-ħsibijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pjanijiet għall-pajjiżi taż-żona ewro fl-2015.

Skont ir-regoli tal-Unjoni, Franza qed tikser ir-regola li żżomm id-defiċit tagħha taħt it-3% tal-GDP. Franza, u magħha l-Italja u l-Belġju, kisbu tliet xhur oħra biex jirranġaw in-nuqqasijiet tagħhom.
Moscovici qal li ngħata aktar żmien lil Franza biex il-Kummissjoni tanalizza aħjar l-informazzjoni ekonomika li kisbet minn dan il-pajjiż. Hu sostna li ttieħdu konsiderazzjonijiet politiċi fid-deċiżjoni li Franza, l-Italja u l-Belġju jingħatalhom aktar żmien, fosthom li l-Kummissjoni nnfisha għadha ġdida u li kellha anqas minn xahar biex tagħmel xogħolha.
Fost il-Membri Parlamentari Ewropej li tkellmu dwar is-suġġett kien hemm Alfred Sant li qal li l-gvernijiet sabuha aktar faċli li jnaqqsu l-investiment milli jaqtgħu l-ispiża rikurrenti u staqsa lil Moscovici x’se tkun qed tagħmel il-Kummissjoni dwar dan. Sant saħaq li hu importanti li nkabbru l-investiment pubbliku u privat.
Sant staqsa lil Moscovici jekk il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea tirriflettix il-ġid globali taż-żona ewro jew inkella tal-pajjiżi individwali fiż-żona ewro. Sant staqsa jekk ‘Il-Kummissjoni Ewropea żżommx bilanċ bejn l-interess tal-pajjiżi nazzjonali u l-interess globali taż-żona ewro.’
Fit-tweġiba tiegħu lil Sant, Moscovici qal li l-KE trid tanalizza kif tista’ tiġi żviluppata l-kapaċita` fiskali tal-pajjiżi taż-żona ewro biex jinħoloq aktar investiment privat u pubbliku.
Moscovici kien ministru tal-finanzi ta’ Franza u allura qed jiġi akkużat li jaħti wkoll għall-qagħda attwali ta’ pajjiżu. Il-Ġermanja, li s’issa dejjem saħqet li l-pajjiżi għandhom iżommu dejjem mar-regoli ewropej qalet li hemm spazju għal aktar flessibilita` imma mhux li Franza tagħmel li trid. Il-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż Schaeuble qal li l-Ġermanja konxja li wħud minn sħabha fl-Unjoni qegħdin f’sitwazzjoni diffiċli aktar minn tagħna. Hu qal li l-Ġermanja se turi solidarjeta` għax fl-Unjoni tinqasam ir-responsabbilta`. Schaeuble insista li l-Ġermanja qed timxi mar-regoli tal-UE u jixtieq li pajjiżi oħra jagħmlu l-istess ‘sa fejn huwa possibbli’.

Facebook Comments

Post a comment