L-uniku mod kif nistgħu nilqgħu għall-iżbilanċi li nħolqu fiż-żona Ewro hu permezz ta’ fond ċentrali ta’ investiment, ta’ daqs massiċċ u mmirat biex iwassal għal ħolqien ta’ ġid u xogħol ibbilanċjat aħjar fi ħdan iż-żona Ewro. Dan qalu Alfred Sant waqt li kien qed jitkellem dwar il-‘Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi’ tal-Kummissjoni Juncker. Il-Kummissjoni qed tipproponi Fond tal-UE għall-Investiment Strateġiku biex tikkumpensa għal nuqqas ta’ investiment.
‘Wisq nibża’ li l-pjan Juncker ftit li xejn se jkollu xi effett fuq l-istaġnar ekonomiku fl-Ewropa. Lanqas għandu l-ambizzjoni li jagħmel hekk. Il-fond Juncker ma għandu l-ebda possibiltà li jilħaq din il-mira.’ Saħaq Alfred Sant li irrefera għall-kritika li dan ġie tard wisq u jammonta għal ftit wisq. Sant qal li l-flejjes tassew ġodda li qed jiġu mobilizzati għall-investiment permezz ta’ din l-inizjattiva huma pjuttost ċkejkna ħafna, f’termini relattivi u assoluti. Bosta minnhom ittieħdu minn flejjes li l-Unjoni Ewropea kienet ivvotat għal riċerka – ħaġa li hi deplorevoli għall-aħħar.

Facebook Comments

Post a comment