Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-1,700 ħaddiem, 50 minnhom Maltin, li huma direttament esposti għall-asbestos fil-bini Jean Monnet fil-Lussemburgu ‘għandhom jiċċaqalqu f’bini alternattiv fl-ewwel xhur tas-sena 2016. Dan il-bini sar disponibbli mill-awtoritajiet tal-Lussemburgu u għandu jkun lest sal-aħħar tas-sena 2015.’ Il-Kummissjoni qalet li l-impjegati ilhom jiċċaqalqu f’siti ta’ uffiċini alternattivi b’mod gradwali sa minn Novembru tal-2014. Il-Viċi-President Kristalina Georgieva tat din id-data wara li l-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant kien ilu minn Diċembru 2014 jistaqsi biex jingħata data preċiża għall-evakwazzjoni tal-ħaddiema esposti għall-asbestos.

Dr Sant qal li dan id-dewmien mill-Kummissjoni Ewropea lanqas jitwemmen għax is-sitwazzjoni hija inaċettabbli. Dan għaliex mijiet ta’ impjegati kienu u għadhom f’riskju. ‘Suppost il-Kummissjoni tfassal l-istandards għal ħaddieħor. F’din is-sitwazzjoni daqshekk vitali kienet komda ma tagħtix kashom. Nispera li bil-moħbi mhux qed jinkisru aktar regoli fis-sistemi amministrattivi tal-Kummissjoni.’

Il-Kummissjoni qalet li fit-12 ta’ Mejju, l-awtorita` tal-Baġits (fl-14 ta’ April mill-COMBUD fil-Kunsill u fis-6 ta’ Mejju fil-Kumitat tal-BUDG tal-Parlament Ewropew), iffirmat kuntratt biex tikri żewġ binjiet alternattivi. Dawn se jkunu mgħammra ftit ftit bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-aħħar ta’ Novembru 2015. L-impjegati se jimxu f’dawn il-binjiet kull meta l-ispazji tal-uffiċini fihom ikunu mgħammra u disponibbli. Il-Kummissjoni kkonfermat li sal-lum kien hemm 4 impjegati li ġew rikonoxxuti li mardu wara li kienu esposti għall-asbestos fil-bini Jean Monnet.

Il-Kummissjoni ilha 20 sena biex iċċaqlaq l-impjegati tagħha barra mill-bini Jean Monnet.

Facebook Comments

Post a comment