Alfred Sant qal lill-President tal-Grupp tal-Ewro Jeroen Dijsselbloem li l-investiment għandu jingħata spinta bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi bejn l-ekonomiji tan-Nord u dawk tas-Sud fiż-żona ewro.  Dr Sant qal dan waqt skambju ta’ ideat mal-Ministru Olandiż waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Affarijiet Monetarji u Ekonomiċi (ECON) tal-Parlament Ewropew fi Brussell li ffokat fuq l-istudju tal-Kummissjoni dwar il-qagħda ekonomika għall-2017.  Dr Sant qal li f’dawn l-aħħar snin l-għan tal-UE li tnaqqas id-distakk ekonomiku bejn il-pajjiżi tas-Sud u dawk tan-Nord mhux talli ma seħħx, talli d-distakk kompla jikber.

“Fil-pajjiżi Nordiċi nosservaw surplus fil-baġits, welfare state b’saħħtu, u kważi xejn qgħad u faqar, filwaqt li fil-pajjiżi tas-Sud nosservaw defiċit u dejn eċċessivi, rati ta’ qgħad għoljin, tnaqqis fil-welfare state u rati ta’ faqar dejjem jogħlew. Id-diskrepanzi jistgħu jiġu osservati wkoll bejn il-pajjiżi membri li qegħdin fiż-żona tal-ewro u dawk li mhumiex.” qal Dr Sant.

Il-President tal-Grupp tal-Ewro qabel mal-kummenti ta’ Dr Sant li dawn id-differenzi saru kbar ħafna, imma qal li huwa fiduċjuż li fil-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijiet, id-differenzi għandhom jonqsu fis-snin li ġejjin.

“Naħseb li r-rati ta’ tkabbir fiż-żona tal-Ewro kollha juru li l-affarijiet diġa` bdew jinbidlu. Ir-rati ta’ tkabbir f’uħud mill-pajjiżi li għaddew minn programm bħall-Irlanda, Spanja u Ċipru bħalissa huma fl-aqwa tagħhom. Il-fejqan ekonomiku f’dawn il-pajjiżi huwa dejjiemi u r-rati ta’ tkabbir tagħhom huma ogħla minn tal-pajjiżi ewlenin. Inħoss li l-pajjiżi ewlenin ukoll għandhom jipprovaw jiksbu rata ogħla ta’ tkabbir. 1% għal pajjiżi b’ekonomiji kbar fiż-żona ewro mhux tajjeb biżżejjed.” qal il-President tal-Grupp tal-Ewro.”

Il-Ministru Dijsselbloem qal li l-proċessi favur il-konverġenza bdew jidhru għax qed ikunu reġistrati differenzi interessanti fir-rati tat-tkabbir u fid-dinamika tal-ekonomija taż-żona kollha tal-Ewro.

 

Segwi l-kummenti ta’ Dr Sant u l-Ministru Dijsselbloem fuq din il-link:

https://www.youtube.com/watch?v=EO1mXCsyn1c

 

Facebook Comments

Post a comment