L-Ungerija din is-sena hija wieħed mill-pajjiżi fost l-aktar li ntlaqtu mill-immigrazzjoni. Skont il-Frontex 50,000 immigrant kienu interċettati fil-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena. Din tfisser żieda ta’ 880% fuq l-istess perijodu tal-2014. L-immigranti qed jidħlu mill-Greċja u l-Bulgarija u fejn qabel kienu jkunu ġejjin l-aktar mill-Kosovo, issa l-aktar li qed jiġu huma mill-Afghanistan, l-Iraq u s-Sirja.

Il-Kummissarju tal-Immigrazzjoni u l-Affarijiet Interni Dimitris Avrampoulus ippropona li l-Ungerija tingħata għajnuna finanzjarja minħabba dan l-influss qawwi ta’ nies. Huwa qal li l-Kummissjoni ħejjiet ruħha biex tibgħat grupp/tim ta’ impjegati biex jgħinu lill-pajjiż jipproċessa t-talbiet ta’ ażil u jibagħtu lura l-immigranti irregolari.

L-Italja u l-Greċja wkoll se jgawdu mis-servizzi tal-Europol, mill-Uffiċċju Ewropew tal-Ażil (EASO) u mill-Frontex. Ir-rwol tagħhom huwa li jgħinu lil pajjiżi bħal Ungerija biex jirreġistraw lill-immigranti, jeħdulhom il-marki tas-swaba u jagħmlulhom interview biex jiżguraw li t-talbiet ta’ ażil ikunu ġenwini. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll ’il fuq minn €8 miljun bħala għajnuna finanzjarja lil Ungerija u bagħtet il-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili biex jipprovdi assistenza għal tined temporanji li jilqgħu l-immigranti.

Il-pajjiżi tal-UE qablu mal-prinċipju li bejniethom jaqsmu 40,000 immigrant li qed jitolbu l-ażil. Il-Kummissjoni qalet li se tikkonsidra s-sitwazzjoni partikolari tal-Ungerija. Dan ifisser li l-Ungerija se tkun allokata inqas immigranti minn dawk li kienet issuġġeriet il-Kummissjoni. Skont is-suġġerimenti tal-Kunsill Ewropew, aktarx li l-Bulgarija wkoll se tkun trattata bħala każ speċjali.

Facebook Comments

Post a comment