Fin-nofsinhar ta’ Malta f’għaxart ijiem, kien hemm aktar imwiet ta’ immigranti mgħarrqa milli kien hemm meta għereq it-‘Titanic’ fl-1912.  Dr. Alfred Sant qal dan meta tkellem fil-Parlament Ewropew dwar l-aħħar traġedja fil-Mediterran. ‘Jekk se nibqgħu nistennew li jkun hemm gvern ta’ għaqda fil-Libja u ma tittiħidx azzjoni deċiżiva, se tkompli tiżdied in-nuqqas ta’ stabbilita` u jkomplu jiżdiedu l-imwiet fil-Mediterran.  L-immigrazzjoni fil-Mediterran m’għadhiex biss emerġenza umanitarja. Saret kriżi għas-sigurta` li trid tkun solvuta immedjatament fl-interess tal-Ewropej kollha u tal-immigranti nfushom.’ Qal Dr. Sant.

Dr. Sant kien qed jitkellem waqt dibattitu fuq Rapport dwar il-Kunsill Straordinarju tat-23 ta’ April fuq l-aktar traġedji riċenti fil-Mediterran. ‘Azzjoni ta’ imblokk mal-kosta tal-Afrika ta’ Fuq hija l-aqwa mod kif jiġu salvati mijiet ta’ ħajjiet ta’ immigranti li qed jiġu esplojtati mill-kuntrabandisti tal-bnedmin. ‘Ilkoll nafu x’jeħtieġ isir’. L-operazzjonijiet ta’ traffikar ta’ bnedmin fil-Mediterran issa laħqu livell industrijali. Eventwalment se jkunu ppenetrati – jekk mhux diġa` qegħdin – minn elementi estremisti. Is-sitwazzjoni fil-Libja, li għandha l-itwal kosta, hija mingħajr kontroll. L-azzjoni umanitarja, għalkemm vitali, mhix biżżejjed. L-azzjoni mill-Pulizija – sporadika jew programmata – mhux se tkun biżżejjed biex tlaħħaq mal-aħħar żviluppi fil-Mediterran.’ Qal Dr. Sant.

Tista’ ssegwi l-intervent ta’ Dr. Sant fuq din il-link

https://www.youtube.com/watch?v=oxEU_cWQBH8

Facebook Comments

Post a comment