L-operazzjoni navali tal-UE kontra t-traffikanti tal-bnedmin fil-Mediterran (EUNAVFOR Med) bdiet topera b’mod sħiħ, qed tkompli tgħasses il-Mediterran, tosserva l-attivitajiet, tinterċetta u tiġbor l-informazzjoni dwar it-traffikanti.

It-tieni stadju tal-operazzjoni mhux se jkun implimentat għalissa. Dan ikkonfermatu Maja Kocijancic f’isem Federica Mogherini, l-Uffiċċjal Għoli tal-Affarijiet Barranin u tal-Politika ta’ Sigurta` tal-UE. Biex l-affarijiet jimxu mill-ewwel stadju għat-tieni stadju, li jinvolvi l-interċettar ta’ bastimenti fl-ibħra, jeħtieġ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan jista’ jseħħ fil-bidu ta’ Settembru.

Diskussjonijiet bejn l-istati membri juru li ħafna jemmnu li jeħtieġ mandat tal-Kunsill tas-Sigurta` tal-Ġnus Magħquda qabel ma jibdew il-fażijiet l-oħra tal-proġett, fejn bastimenti suspettati bi traffikanti jkunu spezzjonati u anki jistgħu jiġu meqruda. L-Ammirall Andrea Gueglio, li qed imexxi l-proġett, mar New York biex jattendi għal-laqgħat mal-membri tal-Kunsill tas-Sigurta` u mal-uffiċċjali fis-Segretarjat Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.

Bħalissa EUNAVFOR Med għandha 4 bastimenti: il-bastiment Taljan li jġorr l-Ammirall, ITS Cavour, 2 bastimenti Ġermaniżi – FGS Schleswig-Holstein u FGS Werra u l-bastiment Ingliż HMS Enterprise. F’dan il-proġett kien hemm ukoll żewġ ajruplani – wieħed Franċiż u wieħed mil-Lussemburgu u 3 ħelikopters – 2 Taljani u wieħed Ingliż.

Facebook Comments

Post a comment