Il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tiffoka fuq Malta u fuq Spanja biex, bl-għajnuna tal-Gvern Malti, tiżgura li ma jinqabżux il-kwoti tas-sajd tat-tonn bil-gaġeġ.

Il-kwoti ewropej tat-tonn żdiedu b’mod sinifikattiv (żieda ta’ 20% għas-sena 2015-2017): 9,372.92 tunnellata għall-2015 għall-pajjiżi li jistadu din il-ħuta (l-aktar Spanja u Franza, imma wkoll Ċipru, il-Ġreċja, il-Kroazja, l-Italja, Malta u l-Portugall). L-akbar opri tal-baħar li huma mgħammra bi xbieki partikolari jaqbdu 61% tal-kwota ewropea tat-tonn.

Is-sajd tat-tonn b’dawn id-dgħajjes li kellu jkun miftuħ bejn is-26 ta’ Mejju u l-24 ta’ Ġunju 2015 wasal fl-aħħar tiegħu. L-istaġun kellu tmiem bikri għax 99% ta’ dawn il-laneċ qabdu l-kwota tagħhom. Għalhekk l-istati membri ewropej involuti fil-qbid tat-tonn sejħu lura lil dawn id-dgħajjes. L-Attivita` għadha qed issir fil-Kroazja permezz ta’ opri tal-baħar żgħar li qed jistadu fl-Adrijatiku u li dalwaqt huma mistennija jaslu fi tmiem tas-sajd tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea u organizzazzjonijiet mhux governattivi qalu li ma kienx hemm indikazzjonijiet ta’ sajd illegali tat-tonn. Rapport dwar l-istaġun tat-tonn mistenni jsir mill-KE meta l-istaġun jagħlaq uffiċċjalment.

Facebook Comments

Post a comment