Wara t-tieni gwerra dinjija, l-irġiel ewropej x’aktarx li kienu jkunu bla daqna – dehra li kienet tirrifletti l-irġiel fil-militar. Fis-snin sittin, kienu jħallu d-daqna dawk l-irġiel li riedu jiddistakkaw ruħhom mis-soċjeta` kontemporanja, fosthom l-hippies. Illum id-daqna saret popolari ħafna fl-ewropa tal-punent, speċjalment f’pajjiżi li huma sinonimi mal-moda bħal Pariġi.
Fir-Renju Unit fix-xahar ta’ Novembru l-irġiel huma inkoraġġati biex iħallu l-mustaċċi ħalli jiżdied l-għarfien u jinġabru l-fondi għal mard relatat mas-sess maskili.
Fl-ewropa tal-punent naqas il-konsum ta’ prodotti użati biex titqaxxar il-leħja. Fir-Renju Unit biss l-irġiel nefqu 72 miljun sterlina inqas fi prodotti tal-leħja.
Fil-Polonja, fi żmien l-era Komunista l-irġiel kienu bla daqna jew mustaċċi. Illum il-barbiera qed ikunu mfittxija mill-ġdid minħabba li aktar irġiel, anki f’dan il-pajjiż, qed jiddeċiedu li jżommu d-daqna.
Malta mhux eċċezzjoni. Id-daqna daħlet ħafna anki fost l-irġiel Maltin, u l-iktar fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Artisti minn Hollywood bħal Brad Pitt u George Clooney għenu biex tiżdied il-popolarita` tad-daqna.
Studjużi jgħidu li dan huwa ċirku – bħalissa id-daqna laħqet il-quċċata u allura daqt tibda terġa’ titlef mill-popolarita`.

Facebook Comments

Post a comment