Il-pajjiżi fiż-żona ewro għandhom jiffinalizzaw l-unjoni bankarja billi jħejju skema li permezz tagħha jkunu jistgħu jitħallsu lura parti mid-depożiti f’każ li bank ifalli qal il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) f’rapport dwar iż-żona ewro.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali qal li hemm bżonn ta’ politika komuni dwar id-depożiti bbażata fuq regoli fiskali li huma effettivi. Din għandha tkun it-tielet piltastru tal-Unjoni Bankarja flimkien maż-żewġ pilastri l-oħra li jinkludu s-superviżjoni tal-banek.

Fil-bidu ta’ Lulju, il-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) qabel mal-pożizzjoni tal-‘ħames presidenti’ (Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Ċentrali Ewropew, Il-Grupp tal-Ewro u l-Parlament Ewropew) dwar l-iżvilupp tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika. Din se tidħol fl-ewwel fażi tagħha (2015-2017) fejn jistgħu jsiru azzjonijiet leġiżlattivi mingħajr bdil fit-trattati.

Rigward is-sitwazzjoni ekonomika, il-Fond Monetarju Internazzjonali bassar li t-tkabbir fiż-żona ewro se jkun ta’ 1.5% tal-Prodott Gross Nazzjonali (PGN) fl-2015 u 1.7% tal-PGN fl-2016. Fit-tbassir ekonomiku tar-Rebbiegħa, il-Kummissjoni bassret rata identika ta’ tkabbir għal din is-sena, u rata kemmxejn aktar għolja għas-sena d-dieħla (1.9%), dejjem jekk ma jinbidlux iċ-ċirkostanzi attwali. ‘Jista’ jkun hemm ħafna fatturi li jitfgħu ċ-ċpar fuq it-tkabbir tal-ekonomija fil-ħames snin li ġejjin; dawn jinkludu rati għolja ta’ qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, dejn ta’ kumpaniji kbar u numru dejjem jogħla ta’ self li ma jrendix interessi fis-settur bankarju’ qal Mahmood Pradhan, uffiċċjal taż-żona ewro.