Dis-sena l-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja se jkun affettwat minħabba l-waqgħa tar-Rublu (il-munita tar-Russja).

Dan għaliex, minkejja s-sanzjonijiet minħabba l-kunflitt fuq l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea u r-Russja xorta jagħmlu ħafna kummerċ bejniethom. Għal issa għadu kmieni wisq biex inkunu nafu x’effett se tħalli fuq l-Ewropa s-sitwazzjoni ekonomika tar-Russja.

Fid-19 ta’ dan ix-xahar, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi Ewropej se jkunu qed jiltaqgħu biex jiddiskutu dawn is-sanzjonijiet. Is-sanzjonijiet li saru mill-Unjoni Ewropea kienu maħsuba biex iħallu impatt kbir fuq l-ekonomija Russa u impatt inqas problematiku fuq l-ekonomija tal-Unjoni.
Hemm min jixtieq li l-ekonomija Russa tikkollassa biex b’hekk ir-Russja tkun anqas aggressiva. Oħrajn isostnu li huwa perikoluż għall-ekonomija tal-Unjoni nnifisha jekk dan iseħħ.
Pajjiżi bħall-Awstrija, l-Ungerija, Franza u l-Italja jixtiequ li jerġgħu jinbnew relazzjonijiet tajbin mar-Russja. Fl-aħħar summit tal-2014 il-Ġermanja sostniet li s-sanzjonijiet jispiċċaw biss jekk ir-Russja ċċedi t-territorji li qed tokkupa fl-Ukrajna.

Facebook Comments

Post a comment